breadcrumb.ecName
mt Malti

It-titjib fil-kwalità tal-ilma u l-infrastrutturi tal-ilma mormi f’Malta

  • 13 August 2019

F’konformità mal-inizjattivi tal-istrateġija tal-UE 2020 tal-Enerġija 2020, dan il-proġett jindirizza l-ħtieġa li tinħoloq soċjetà favur l-ambjent billi jippromwovi ekonomiji effiċjenti fir-riżorsi u t-tnaqqis tal-iskarsezza tal-ilma.

Il-gżejjer ta’ Malta, Għawdex u Kemmuna se jibbenefikaw mill-forniment ta’ provvista sostenibbli ta’ ilma tax-xorb ta’ kwalità tajba u servizzi tal-ilma mormi mtejba. L-infrastruttura l-ġdida se ttejjeb is-sigurtà tal-provvista, tnaqqas id-dipendenza tal-gżejjer fuq l-ilma tal-flixkun, tgħin tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju u tissalvagwardja r-riżorsi tal-ilma ta’ taħt l-art.

Attwalment, l-ilma ta’ taħt l-art huwa l-uniku sors naturali ta’ ilma f’Malta, u m’hemmx biżżejjed disponibbli biex ilaħħaq mad-domanda. Barra minn hekk, il-gżejjer huma nieqsa minn riżorsi oħra ta’ ilma naturali u jridu jlaħħqu ma’ staġuni twal nexfin u medja ta’ xita ta’ madwar 550 mm biss fis-sena.

Konsegwentement, ir-residenti u l-viżitaturi jiddependu fuq ilma desalinat ipprovdut minn għadd ta’ impjanti tal-osmosi inversa. Dan il-proġett iwassal għadd ta’ elementi li se jindirizzaw l-iskarsezza tal-ilma fil-gżira filwaqt li jagħmel rinnovazzjoni ta’ partijiet tan-netwerk tad-drenaġġ.

Dan il-proġett se jipprovdi aktar riżorsi sostenibbli tal-ilma u jtejjeb il-kwalità tal-ilma għall-434 403 resident u l-1.9 miljun viżitatur tagħha fis-sena.Ix-xogħol jinkludi dan li ġej:

It-tħaffir ta’ mina taħt l-art ta’ 9.5 km b’wisa’ li jvarja bejn 3 m u 4.5 m biex iwassal l-ilma mill-impjant tal-osmosi inversa fil-belt ta’ Pembroke, fit-tramuntana ta’ Malta, lejn il-ġibjuni ta’ Ta’ Qali. Dan se jippermetti lill-kumpanija tas-servizzi tal-ilma tal-gżira tirfina t-taħlit tal-ilma u tipprovdi ilma tax-xorb ta’ kwalità uniformi madwar il-gżira. Se jżid l-effiċjenza fl-enerġija billi jnaqqas it-telf frizzjonali mill-ippompjar.Impjant ġdid tal-osmosi inversa se jinbena f’Ħondoq Ir-Rummien f’Għawdex, li se jipproduċi sa 9 000 metru kubu ta’ ilma kuljum. Dan se jiżgura li l-gżira tkun awtosuffiċjenti fil-produzzjoni tal-ilma. Barra minn hekk, impjanti eżistenti tal-osmosi inversa se jittejbu biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u l-kapaċità tal-produzzjoni.In-netwerk tal-provvista tal-ilma tax-xorb li jservi żoni remoti viċin is-Siġġiewi, il-Qrendi u Ħaż-Żebbuġ fin-nofsinhar ta’ Malta se jiġi estiż bi 32.1 km. Ix-xogħol se jipprovdi titjib fil-kwalità tal-ilma filwaqt li jipproteġi l-provvisti tal-ilma ta’ taħt l-art lokali. Il-gallariji tal-ilma ta’ taħt l-art se jittejbu biex jipprevjenu l-infiltrazzjoni salina.Estensjoni ta’ 15.4 km tan-netwerk tad-drenaġġ se tgħaqqad żoni remoti l-aktar fit-tramuntana, fil-majjistral u fix-xlokk ta’ Malta. Sadanittant, sezzjoni ta’ 4.7 km min-netwerk eżistenti se tiġi riabilitata u se jiġi introdott monitoraġġ avvanzat tar-rimi biex iżid l-effiċjenza fis-sistema.Il-proġett se jiżviluppa sistema ta’ distribuzzjoni ta’ 61 km għall-ilma li se jilħaq aktar bdiewa. Is-sistema se tipprovdi madwar 8 miljun metru kubu ta’ ilma fis-sena, biex jintuża għall-irrigazzjoni. Dan is-sors ta’ ilma se jissostitwixxi l-użu attwali tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art għall-agrikoltura.

It-titjib fil-kwalità tal-ilma – inkluża t-togħma tiegħu – għandu jirriżulta fi tnaqqis kbir fl-użu tal-ilma tal-flixkun. Il-konvenjenza u t-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ provvisti sostenibbli ġodda se jtejbu l-istandards tal-għajxien għall-maġġoranza tal-popolazzjoni fil-gżejjer. Il-proġett se jipproduċi benefiċċji ekonomiċi għan-negozji, inklużi dawk fit-turiżmu, settur li jammonta għal kważi 14 % tal-attività ekonomika.

Iż-żieda fl-użu mill-ġdid tal-ilma se ttejjeb is-sostenibilità tal-ilma ta’ taħt l-art. Titjib fl-infrastruttura se jżid l-effiċjenza fl-enerġija u se jnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju.

 

Investiment totali u finanzjament mill-UE

L-investiment totali għall-proġett “Lejn Utilità tal-Ilma mingħajr impatt - L-Iżgurar tal-Immaniġġjar Integrat tar-Riżorsa tal-Ilma” huwa ta’ EUR 165 480 333, fejn il-Fond ta’ Koeżjoni tal-UE jikkontribwixxi EUR 73 950 000 permezz tal-Programm Operazzjonali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 “It-trawwim ta’ ekonomija kompetittiva u sostenibbli biex tilqa’ l-isfidi tagħna”. L-investiment jaqa’ taħt il-prijorità “Ninvestu f’soċjetà aktar favur l-ambjent”.