breadcrumb.ecName
mt Malti

It-titjib ta’ sezzjonijiet tan-netwerk tat-toroq TEN-T ta’ Malta għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-ekonomija tal-gżira

  • 04 August 2014

Skema ewlenija sabiex tiġi aġġornata parti min-netwerk tat-toroq prinċipali ta’ Malta tinvolvi t-tnaqqis tal-ħin tal-ivvjaġġar, il-provvista ta’ aċċessibbiltà akbar għas-sewwieqa tal-muturi u ż-żieda tas-sigurtà fit-toroq. It-titjib jagħti spinta lill-industrija tat-turiżmu tal-gżira u għandu jnaqqas ukoll l-ispejjeż għall-operaturi tat-trasport.

Dan il-proġett huwa parti minn sett usa’ ta’ miżuri li jara n-netwerk tat-toroq TEN-T jiġi aġġornat tul diversi stadji ta’ ħidma. TEN-T tfisser Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport, investiment kbir mill-UE fl-infrastruttura tat-trasport madwar il-kontinent. Bħalissa qegħdin jintefqu biljuni ta’ Euros fuq il-programm TEN-T sabiex il-persuni u l-merkanzija jkunu jistgħu jiċċaqilqu madwar u tul l-Istati Membri b’mod aktar faċli.

Skema b’diversi stadji

Fl-2004 saru studji dwar il-fattibbiltà u l-impatt ambjentali għat-toroq TEN-T ta’ Malta. Imbagħad ġew identifikati għadd ta’ proġetti għal xogħlijiet ta’ titjib. Ħames sezzjonijiet, li jkopru distanza ta’ 9.25 km, irċevew flus mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond ta’ Koeżjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2004-2006. Ħames sezzjonijiet oħrajn, li ser ikunu jkopru distanza ta’ 12.4 km, qegħdin jinbnew bħala parti mill-ewwel fażi ta’ din l-iskema ġenerali, u qegħdin jirċievu wkoll flus mill-Fond ta’ Koeżjoni.

Dan l-investiment għat-tieni fażi jkopri x-xogħol fuq sezzjoni b’distanza ta’ 7.3 km ta’ Triq il-Kosta tas-Salina fil-grigal tal-gżira. Il-proġett jikkonsisti f’żewġ partijiet: waħda tinvolvi r-rikostruzzjoni u l-aġġornament ta’ 3.6 km mill-junction ta’ Buġibba sa junction ġdida li twassal għall-villaġġ tal-Magħtab; it-tieni parti tinvolvi r-rikostruzzjoni u l-aġġornament ta’ medda ta’ triq ta’ 3.7 km li mill-Magħtab twassal saċ-Ċimiterju tal-Commonwealth.

Ix-xogħol jinkludi l-aġġornament tat-triq eżistenti b’karreġġjata waħda għal żewġ karreġġjati. Tul naħa waħda tat-triq il-ġdida ġiet installata bankina flimkien ma’ mogħdijiet għas-sewwieqa tar-roti fuq kull naħa tal-karreġġjata doppja. Il-proġett ta’ riġenerazzjoni jipprovdi wkoll roundabouts ġodda li għandhom iżidu l-kapaċità tal-junctions eżistenti. Barra minn hekk, qegħdin jiġu introdotti miżuri għas-sostenibbiltà ambjentali, inklużi ġibjuni għall-ħażna tal-ilma tax-xita, xogħol ta’ tisbiħ tal-pajsaġġ u tidwil u sinjalazzjoni bl-LEDs.

Investiment totali u finanzjament mill-UE

L-investiment totali għall-proġett “It-Titjib ta’ Sezzjonijiet tan-Netwerk tat-Toroq TEN-T – il-Fażi II” huwa ta’ EUR 57 064 741, li minnu l-Fond ta’ Koeżjoni tal-UE qiegħed jikkontribwixxi EUR 42 364 293 mill-Programm Operattiv “Investiment fil-Kompetittività għal Kwalità ta’ Ħajja Aħjar” għall-perjodu ta’ programmazzjoni mill-2007 sal-2013 taħt il-prijorità "L-iżvilupp tat-TEN-T".