breadcrumb.ecName
mt Malti

Il-ġlieda kontra l-għargħar f’Malta

  • 15 October 2013

Għalkemm il-klima ta’ Malta hija niexfa fis-sajf, bejn Settembru u Jannar, il-gżejjer ġeneralment jintlaqtu minn għargħar qawwi ta’ ilma qerriedi, li jirriżulta f’għargħar fil-veru sens tal-kelma, telf ekonomiku u diżordni sħiħa kemm fit-traffiku kif ukoll fil-ħajjiet tan-nies. Il-Proġett Nazzjonali għal Kontra l-Għargħar qiegħed jagħmel passi kbar sabiex inaqqas ir-riskji għall-ħajja u l-proprjetà tan-nies ikkawżati mill-ilma tal-wiċċ li jitkaxkar b’qawwa kbira u mingħajr kontroll.

Il-Proġett Nazzjonali għal Kontra l-Għargħar (NFRP) huwa maħsub biex jindirizza n-nuqqas ta’ sistema adegwata għall-ġestjoni tal-ilma tal-maltempati f’Malta permezz tal-bini ta’ netwerk ta’ mini taħt l-art, kanali u pontijiet sabiex tiġi pprovduta sistema aħjar ta’ evakwazzjoni tal-ilma tax-xita għal żoni ta’ prijorità tal-gżejjer Maltin kif definit fil-Pjan Komprensiv dwar l-Ilma tax-Xita tal-pajjiż.

L-infrastruttura għal kontra l-għargħar tkopri medda ta’ 65 km2 tat-territorju Malti u kapaċi tikkontrolla l-konsegwenzi ta’ maltempata b’perjodu ta’ ritorn ta’ 5 snin. Huwa mistenni wkoll li l-magħqad tal-ilma jiżdied minn 300 000 metru kubu għal 650 000 metru kubu fis-sena.

Mill-wiċċ għal taħt l-art

Speċifikament, il-kunċett jinvolvi l-evakwazzjoni tal-ilma tax-xita miż-żoni upstream għall-infrastruttura ta’ taħt l-art. Dan jippermetti li l-ilma maqbud fiż-żoni urbanizzati fil-baxx jgħaddi u jitkaxkar aktar ’l isfel. L-ilma mbagħad jintrema fil-baħar fl-aktar punti addattati f’termini ta’ rotta, effiċjenza idrawlika, kost-effettività u ambjent lokali.

L-NFRP ikopri disa’ lokalitajiet f’erba’ baċini differenti: Birkirkara-Msida, Gżira, Qormi-Marsa u Marsascala. Il-proġett huwa ġeografikament maqsum f’żewġ żoni tal-proġett.

Skont id-Direttiva Ewropea dwar l-Għargħar

L-għargħar kien rikonoxxut bħala avveniment naturali li jista’ jdgħajjef l-isforz Ewropew lejn l-iżvilupp sostenibbli, tant li, fil-fatt, f’Malta, l-għargħar ta’ ilma qerriedi ħalla impatt, dirett jew indirett, fuq is-setturi ekonomiċi u produttivi kollha tal-gżejjer Maltin. Dan il-proġett qiegħed jgħin lil Malta tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva Ewropea dwar l-Għargħar, li għandha l-għan li tiġġestixxi r-riskji li jikkawża l-għargħar għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent, għall-wirt kulturali u għall-attività ekonomika.

Fid-dawl tal-ħtieġa imminenti tal-lum il-ġurnata li nikkonservaw l-ilma, proġett pilota qiegħed jesplora wkoll il-possibbiltà li l-ilma tax-xita li jinġabar miż-żoni rurali u urbani jkun jista’ jerġa’ jintuża. Barra minn hekk, il-kwistjonijiet potenzjali li jirrigwardjaw il-kwalità tal-ilma qegħdin jiġu indirizzati permezz tal-installazzjoni ta’ impjanti li jisseparaw l-ilma madwar ir-reġjun.

L-esperti qegħdin jipprevedu li mill-NFRP sejrin jibbenifikaw madwar 165 000 ruħ residenti f’Malta. Barra minn hekk, huwa stmat li qegħdin jinħolqu 34 impjieg matul l-implimentazzjoni tal-proġett.

L-investiment totali u l-finanzjament tal-UE

L-investiment totali għall-“Proġett Nazzjonali għal Kontra l-Għargħar” huwa ta’ EUR 62 505 662, bil-Fond ta’ Koeżjoni tal-UE jikkontribwixxi EUR 44 887 763 permezz tal-prijorità “Il-Ħarsien tal-Ambjent u l-Prevenzjoni tar-Riskji” tal-Programm Operattiv “Investiment fil-Kompetittività għal Ħajja ta’ Kwalità Aħjar” għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.