breadcrumb.ecName
mt Malti

Approċċ integrat għall-għajnuna kontra l-għargħar

  • 02 September 2011

L-impatti ambjentali, ekonomiċi u fuq is-saħħa pubblika li l-għargħar qed ikollu fuq Malta dejjem qed jikbru u l-infrastruttura attwali għall-ġestjoni tal-għargħar mhijiex biżżejjed sabiex tiġi indirizzata l-problema.

Proġetti bħal dan qed jgħinu lill-UE issir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva sal-2020, kif stabbilit fl-istrateġija għat-tkabbir tal-UE 2020. L-UE qed taffaċċja sfidi kbar, inkluż it-tixjiħ tal-popolazzjoni, forza tax-xogħol mhux kwalifikata biżżejjed, il-ħtieġa għal aktar innovazzjoni, is-sejba ta’ bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u d-degradazzjoni ambjentali, u l-iżgurar ta’ provvisti siguri u nodfa. Il-proġetti tal-politika reġjonali madwar l-UE għandhom rwol attiv fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi u ħafna oħrajn, billi jwettqu proġetti mfassla sabiex jiġġeneraw l-impjiegi, itejbu l-kisbiet fil-qasam edukattiv, jiżviluppaw is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, jgħollu l-produttività u jagħtu aċċess għall-opportunitajiet liċ-ċittadini kollha. Il-proġetti u r-reġjuni għandhom rwol fondamentali f’dan, minħabba li jiġġeneraw riżultati veri li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-istrateġija.

Ladarba jkun lest fl-2015, il-proġett sejjer iżid in-numru ta’ persuni protetti mill-għargħar minn 5 000 għal 50 000.

L-għargħar jiswa

L-għargħar jiswa l-flus u xi kultant, il-ħajjiet. Huwa stmat li f’Settembru tal-2003, l-għargħar f’Malta kkaġuna €30 miljun f’danni lir-residenti, lin-negozjanti, fl-infrastruttura, fin-netwerks tal-ilma u tal-elettriku u fis-sistema ta’ drenaġġ. Għaldaqstant, il-Proġett Nazzjonali għal Kontra l-Għargħar (National Flood Relief Project - NFRP) għandu l-għan li jiżviluppa approċċ integrat għall-ġestjoni tal-għargħar u tal-widien flimkien mal-mitigazzjoni tal-effetti dejjem aktar negattivi tat-tibdil fil-klima fuq iż-żoni urbani li huma partikolarment suxxettibbli għall-għargħar.

Konteniment tal-ilma

Il-proġett jinvolvi l-bini ta’ netwerk ta’ mini, kanali u pontijiet taħt l-art li se jkunu qed jarmu l-ilma tal-għargħar fil-baħar. Dan it-tħaffir se jinvolvi mini allinjati li jkollhom rampi sabiex ikun jista’ jsir aċċess għalihom. L-erba’ punti ta’ ġbir tal-ilma li huma affettwati huma: Birkirkara-l-Imsida; il-Gżira; Ħal Qormi-il-Marsa; u Marsaskala. Dawn il-ħidmiet jinkludu wkoll xogħlijiet ta’ tisbiħ tal-pajsaġġ li sejrin isiru fil-foss ta’ taħt id-daħla tal-Belt Valletta flimkien ma’ xi bidliet fid-diżinn ta’ Bieb il-Belt.

Waħda mill-fażijiet l-aktar strateġiċi u importanti tal-proġett hija l-bini ta’ mina għall-għargħar flimkien ma’ servizzi tal-infrastruttura bejn Ħ’Attard u l-Marina ta’ Ta’ Xbiex. L-ilma tax-xita skulat jista’ jiġi ddireġut u kkontrollat sabiex joħroġ minn żona ta’ konċentrazzjoni waħda, ħdejn il-Marina ta’ Ta’ Xbiex, fil-Port ta’ Marsamxett. Il-mina ta’ taħt l-art ta’ 11 km se jkollha sitt xaftijiet ewlenin li huma mfassla strateġikament ħdejn il-mina ewlenija sabiex iservu bħala punti ta’ dħul u ħruġ kemm matul il-bini kif ukoll matul it-tħaddim ta’ dan il-proġett. Sejrin jiġu installati wkoll total ta’ 72 gradilja.

Ilma kkontrollat sabiex imur fid-direzzjoni t-tajba

Il-proġett se jinvolvi ż-żamma ta’ 10 000 metru kubu ta’ ilma fil-ġibjun tal-Gżira flimkien ma’ potenzjal ta’ 600 000 metru kubu f’forma ta’ ilma reżidwu fil-mini, jekk fil-ġejjieni tintgħażel sistema ta’ ppumpjar, ġbir u trattament. Il-flussi li jaqsmu l-konfini tal-lokalitajiet ukoll sejrin jingħataw direzzjoni u eventwalment sejrin ikunu jistgħu jintużaw għal skopijiet ta’ tisqija.