Il-Kummissjoni Ewropea
mt Malti mt

ADRINET: nippreservaw l-ekosistemi fin-nofsinhar tal-Adrijatiku grazzi għal Interreg

  • 07 September 2020

In-nofsinhar tal-Adrijatiku hu taħt pressjoni mit-tniġġis, sajd eċċessiv, sajd illeġali u sajd fantażma – tagħmir abbandunat li jaqbad u joqtol il-ħajja tal-baħar. Imsieħba mill-Albanija, il-Montenegro u r-reġjun ta’ Apulia fl-Italja ssieħbu taħt il-proġett Network Adrijatiku għal Ekosistemi tal-Baħar (ADRINET) iffinanzjat mill-UE biex itejbu l-ġestjoni kostali u jippreservaw il-bijodiversità tal-baħar u l-ekosistemi. Huma ġabru data fuq ir-rotot tas-sajd u t-tniġġis u lestew pjan ta’ ġestjoni tar-riskju ambjentali. Attivitajiet addizzjonali inkludew it-tindif u l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ traċċabilità tal-irkaptu tas-sajd.

It-traċċabilità tagħmilha possibbli biex is-sajjieda jkunu responsabbli għat-tagħmir tagħhom. Tgħin ukoll lill-awtoritajiet isibu lil dawk responsabbli għax-xbieki abbandunati.

Elisabetta Bonerba, Mexxejja tal-Proġett, ADRINET

ADRINET waqqaf ċentri ta’ referenza fit-tliet pajjiżi ħalli s-sajjieda u l-komunitajiet lokali jibdew ikunu involuti fit-tindif tal-ibħra. Iċ-ċentri ospitaw taħriġ għas-sajjieda, servizzi ta’ għajnuna u avvenimenti informattivi.

Inħolqot għodda tal-ġestjoni kostali konġunta li element minnha hu protokoll dwar il-ġestjoni komuni tal-kosta u strateġiji tas-sajd iffirmati mill-imsieħba kollha. Il-protokoll tqassam barra mill-isħubija f’forma ta’ memorandum ta’ qbil li sa issa kien iffirmata minn 21 parti kkonċernata.

Riskji ambjentali u tas-saħħa

27 % tal-iskart tal-baħar kollu hu magħmul minn irkaptu tas-sajd, il-biċċa l-kbira tiegħu plastik. Minbarra li jikkawża problemi ambjentali, dan it-tagħmir jikkostitwixxi periklu għas-saħħa. Il-ħut jinġesta frammenti minnu u mbagħad jinqabad u jittiekel mill-bnedmin.

Il-pjan ta’ ġestjoni tar-riskji ambjentali ta’ ADRINET ikopri l-Bajja ta’ Castro, fl-Italja, il-Bajja ta’ Vlorë, fl-Albanija u l-Bajja ta’ Kotor, fil-Montenegro. Ilma baħar minn dawn iż-żoni kien analizzat u rapporti fuq l-analiżi intużaw biex jifformulaw il-pjan. Hu jagħti dettalji tal-ekosistemi f’kull żona, tal-prattiċi tas-sajd u tal-kontaminanti misjuba inkluż metalli, pestiċidi, plastiks u antibijotiċi.

Il-bini tal-kapaċitajiet involva taħriġ ta’ 180 sajjied dwar sajd sostenibbli u teknoloġija relatata u l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet fi gruppi biex jindirizzaw kwistjonijiet li ħarġu mis-servizzi ta’ għajnuna. Permezz ta’ żjarat fuq il-post, 12-il sajjied setgħu jaqsmu l-esperjenza ma’ kollegi minn pajjiżi oħra.

Flimkien mal-protokoll, l-għodda ta’ ġestjoni kostali konġunta għandha tweġibiet tal-istħarriġ minn komunitajiet tas-sajd u mapep GPS tar-rotot tas-sajd li jidentifikaw postijiet fejn it-tagħmir mitluf x’aktarx jinstab.

Tliet mapep tal-komunità u manwal fuq il-ġestjoni konġunta tar-riskji tat-tniġġis huma wkoll inklużi. Kull imsieħeb hu responsabbli li jġib partijiet ikkonċernati oħra biex jiffirmaw il-memorandum ta’ qbil, li l-għan tiegħu hu d-definizzjoni ta’ politika tas-sajd multilaterali sostenibbli.

Tneħħija ta’ tagħmir mitluf

Tliet missjonijiet ta’ tindif ta’ qiegħ il-baħar li jinvolvu madwar 120 sajjied u 60 bastiment saru f’postijiet identifikati fl-għodda tal-ġestjoni kostali konġunta. F’ 40 jum, 2.6 tunnellati ta’ rkaptu tas-sajd tneħħew u ntremew - bir-riċiklaġġ fejn possibbli - u sar rapport li jiġbor fil-qasir ir-riżultati.

Fl-aħħar nett, ċirkwiti mikroelettroniċi ta’ identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju ngħataw lis-sajjieda u kienu twaħħlu ma’ 6 000 biċċa ta’ tagħmir li jagħmilha possibbli li jirkuprawhom jekk jintilfu.

Investiment u finanzjament totali tal-UE

L-investiment totali għall-proġett “ADRINET” huwa ta’ EUR 1 075 567, permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni tal-UE li kkontribwixxa EUR 914 231 permezz tal-”IPA, CBC Italja - Albanija - Montenegro” Programm Operazzjonali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-investiment jaqa’ taħt il-prijorità “Protezzjoni ambjentali, ġestjoni tar-riskju u l-bidla lejn strateġija b’livell baxx ta’ karbonju”.