Gwida dwar l-Iżvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità għall-Atturi Lokali
Din il-gwida għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) inħarġet fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 sabiex tagħti lil dawk li huma direttament involuti fi gruppi ta’ azzjoni lokali xi għodod u suġġerimenti prattiċi għall-implimentazzjoni tas-CLLD f’firxa ta’ kuntesti.
Din il-gwida hija kumplimentari għall-“Gwida dwar l-Iżvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità fil-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment” maħruġa mid-Direttorati Ġenerali għall-Fondi ESI sabiex tgħin lill-awtoritajiet fl-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet għall-użu tas-CLLD b’mod effettiv fil-Ftehimiet ta’ Sħubija tagħhom u biex ifassluh fil-programmi rispettivi tagħhom.
Din il-gwida għandha tkun rilevanti wkoll sabiex tipprovdi argumenti għall-bliet u l-organizzazzjonijiet soċjali li s-CLLD huwa għodda effettiva biex huma jkunu jistgħu jilħqu wħud mill-isfidi tagħhom u sabiex turi kif jistgħu jintużaw il-FSE u l-FEŻR.
Għall-sħubijiet eżistenti ta’ LEADER u FARNET (in-Netwerk Ewropew dwar iż-Żoni tas-Sajd), il-gwida timmira li tgħinhom jiżviluppaw strateġiji aktar iffokati u ta’ kwalità ogħla li għandhom orjentazzjoni ċara lejn ir-riżultati u li huma reattivi għall-kundizzjonijiet esterni dejjem jinbidlu. Il-gwida hija bbażata fuq il-qafas ġdid tar-riżultati sabiex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-gwida hija mmirata għal udjenza fil-mira ta’ atturi u prattikanti lokali u, speċifikament, għal koordinaturi u presidenti ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali. Madankollu, hija għandha tkun utli wkoll għall-awtoritajiet maniġerjali (MAs) u għal partijiet interessati oħrajn involuti fl-implimentazzjoni tas-CLLD li jkunu jeħtieġu aktar għarfien dwar uħud mill-kwistjonijiet ewlenin li jiffaċċjaw l-atturi fil-prattika. Hija intiża kemm għal sħubijiet ġodda fil-bliet u għall-inklużjoni soċjali, kif ukoll għal aktar minn 2600 sħubija eżistenti ta’ LEADER u FARNET.