Statistika dwar il-faqar ta’ introjtu
L-estrazzjoni tad-data saret f’Mejju 2020.
Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Ottubru 2021.
Punti ewlenin
Ir-rata tar-riskju ta’ faqar (wara t-trasferimenti soċjali) fl-EU-27 kienet ta’ 16.8 % fl-2018, jiġifieri baqgħet kważi l-istess meta mqabbla mal-2017 (16.9 %).
Fl-2018, 8.2 % mill-popolazzjoni tal-EU-27 qabżu l-livell limitu ta’ faqar permezz tat-trasferimenti soċjali.
L-20 % tal-popolazzjoni bl-ogħla introjtu disponibbli fl-EU-27 fl-2018, irċeviet 5.1 darbiet iktar introjtu mill-20 % bl-inqas introjtu disponibbli.
Ir-rata tar-riskju ta’ faqar, 2018
Dan l-artiklu janalizza l-istatistika reċenti dwar il-faqar monetarju u l-inugwaljanzi fl-introjtu fl-Unjoni Ewropea (UE). Il-paraguni tal-istandards tal-għajxien bejn il-pajjiżi huma ta’ spiss ibbażati fuq il-prodott domestiku gross (PDG) per capita, li jippreżenta f’termini monetarji kejl bażiku tad-daqs globali ta’ ekonomija diviża bin-numru ta’ nies li jgħixu hemm, użat biex ikejjel il-ġid u l-prosperità nazzjonali. Madankollu, dan l-indikatur ewlieni ma jipprovdix informazzjoni dwar id-distribuzzjoni tal-introjtu f’pajjiż u jonqos ukoll milli jipprovdi informazzjoni dwar fatturi mhux monetarji li jista’ jkollhom rwol sinifikanti fid-determinazzjoni tal-benesseri tal-popolazzjoni.
Artiklu sħiħ
Ir-rata u l-livell limitu tar-riskju ta’ faqar
Ir-rata tar-riskju ta’ faqar (wara t-trasferimenti soċjali) fl-EU-27 żdiedet bejn l-2010 (il-bidu tas-serje ta’ żmien) u l-2011, minn 16.5 % għal 16.9 %. Din ir-rata kienet relattivament stabbli għas-sentejn ta’ wara, qabel ma żdiedet b’mod aktar sostanzjali fl-2014 biex tilħaq is-17.3 %. Ġew osservati żidiet iżgħar fl-2015 u fl-2016 (sa 0.1 punt perċentwali kull sena). Fl-2017, ġie osservat l-ewwel tnaqqis notevoli. Ir-rata naqset għal 16.9 % li kienet segwita bi tnaqqis modest ulterjuri ta’ 0.1 punt fl-2018 . Fil-fatt, fl-aħħar sentejn li għalihom hemm data disponibbli, ir-rata tar-riskju ta’ faqar tal-EU-27 kienet irritornat għal livell simili għal dak osservat bejn l-2011 u l-2013.
Ir-rata għall-EU-27, ikkalkulata bħala l-medja ponderata tar-riżultati nazzjonali, ma turix il-varjazzjonijiet konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-UE (ara l-Illustrazzjoni 1).Fl-2018, f’seba' Stati Membri, jiġifieri fir-Rumanija (23.5 %), fil-Latvja (23.3 %), fil-Litwanja (22.9 %), fil-Bulgarija (22.0 %), fl-Estonja (21.9 %), fi Spanja (21.5 %) u fl-Italja (20.3 %), persuna minn kull ħamsa jew aktar tal-popolazzjoni kienet meqjusa bħala fir-riskju ta’ faqar; dan kien ukoll il-każ fis-Serbja (24.3 %), fil-Montenegro (23.6 %; data tal-2017), fit-Turkija ( 22.2 %; data tal-2017) u fil-Maċedonja ta’ Fuq (21.9 %). Fost l-Istati Membri, il-proporzjonijiet l-aktar baxxi ta’ persuni f’riskju ta’ faqar ġew osservati fiċ-Ċekja (9.6 %), fil-Finlandja (12.0 %) u fis-Slovakkja (12.2 %), filwaqt li l-Iżlanda (8.8 %; data tal-2016) irrappurtat sehem saħansitra aktar baxx tal-popolazzjoni tagħha li jinsab f’riskju ta’ faqar.
Il-livell limitu limitu tar-riskju ta’ faqar (muri wkoll fl-Illustrazzjoni 1) huwa stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali. Għal paraguni bejn il-pajjiżi, ta’ spiss jiġi espress fi standards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS), sabiex jitqiesu d-differenzi fl-għoli tal-ħajja bejn il-pajjiżi. Il-valuri tal-introjtu għal dan il-livell limitu varjaw b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri tal-UE fl-2018; minn PPS 3 767 fir-Rumanija għal PPS 13 923 fl-Awstrija, filwaqt li l-valur tal-livell limitu fil-Lussemburgu (PPS 19 295) qabeż b’mod ċar l-ogħla valuri ta’ din il-firxa. Il-livell limitu tal-faqar kien ukoll relattivament baxx fis-Serbja (PPS 3 136), fil-Maċedonja ta’ Fuq (PPS 3 298), fil-Montenegro (PPS 3 906; data tal-2017) u fit-Turkija (PPS 3 916; data tal-2017) u relattivament għoli fin-Norveġja (PPS 15 780) u fl-Iżvizzera (PPS 16 240).
Sottopopolazzjonijiet differenti huma xi ftit jew wisq affettwati mill-faqar monetarju
Fl-2018, kien hemm differenza żgħira fir-rata tar-riskju ta’ faqar fl-EU-27 (wara t-trasferimenti soċjali) bejn iż-żewġ sessi, bl-aktar rati reċenti għal persuni li għandhom 16-il sena u iktar ekwivalenti għal 15.5 % għall-irġiel, meta mqabbla ma' ċifra ogħla ta’ 17.2 % għan-nisa. L-Istati Membri kollha tal-UE, ir-Renju Unit, it-tliet pajjiżi tal-EFTA li jidhru fl-Illustrazzjoni 2 u t-Turkija, irrapportaw rati ogħla għan-nisa milli għall-irġiel fost il-popolazzjoni li għandha 16-il sena u aktar. L-akbar differenzi bejn il-ġeneri fl-2018 ġew osservati fil-Litwanja (6.3 punti perċentwali ogħla għan-nisa milli għall-irġiel), fil-Latvja (6.1 punti perċentwali), fl-Estonja (5.5 punti perċentwali) u fiċ-Ċekja (4.6 punti perċentwali). L-Irlanda, Malta u l-Bulgarija rrapportaw rati tar-riskju ta’ faqar għan-nisa li kienu mill-inqas 3.0 punti perċentwali ogħla milli għall-irġiel. L-inqas spariġġ bejn il-ġeneri kien fi Franza, fejn ir-rata tar-riskju ta’ faqar kienet marġinalment (0.2 punti perċentwali) ogħla għan-nisa milli għall-irġiel. Għall-kuntrarju, ir-rata fil-Montenegro kienet 1.2 punt perċentwali (data tal-2017) ogħla għall-irġiel milli għan-nisa, filwaqt li r-rata fil-Maċedonja ta’ Fuq kienet ukoll ogħla għall-irġiel, iżda b’0.1 punt perċentwali biss; fis-Serbja ma kien hemm l-ebda differenza bejn ir-rati għaż-żewġ sessi.
Id-differenzi fir-rati tar-riskju tal-faqar kienu akbar meta l-popolazzjoni kienet ikklassifikata skont l-istatus tal-attività
Rigward ir-riskju ta’ faqar, il-persuni qiegħda huma grupp partikolarment vulnerabbli (ara t-Tabella 1): kważi nofs (48.6 %) il-persuni qiegħda kollha fl-EU-27 kienu f’riskju ta' faqar fl-2018, bl-ogħla rata b’mod assolut tkun fil-Ġermanja (69.4 %). 11-il Stat Membru ieħor tal-UE (il-Litwanja, Malta, il-Latvja, l-Iżvezja, il-Bulgarija, l-Ungerija, iċ-Ċekja, l-Estonja, is-Slovakkja, Spanja u l-Belġju) irrapportaw li mill-inqas nofs il-persuni qiegħda kienu f’riskju ta’ faqar fl-2018.
Madwar persuna rtirata minn kull sebgħa (14.4 %) fl-EU-27 kienet f’riskju ta’ faqar fl-2018. Fl-Estonja (53.6 %), fil-Latvja (48.9 %) u fil-Litwanja (41.7 %), ir-riskju ta’ faqar fost il-persuni rtirati kien relattivament għoli, madwar 3.7, 3.4 u 2.9 darbiet ogħla mill-medja tal-EU-27 rispettivament, filwaqt li l-ogħla rata wara dawn kienet 28.5 % fil-Bulgarija.
Il-persuni b’impjieg kienu ħafna inqas probabbli li jkunu f’riskju ta’ faqar: ir-rata medja madwar l-EU-27 kollha fl-2018 kienet 9.3 %. Kien hemm proporzjon relattivament għoli ta’ persuni impjegati f’riskju ta’ faqar fir-Rumanija (15.3 %) u, f’livell inqas, fil-Lussemburgu (13.5 %) u fi Spanja (12.9 %), filwaqt li l-Italja u l-Greċja rrapportaw ukoll li aktar minn membru minn kull 10 tal-forza tax-xogħol rispettiva tagħhom kien f’riskju ta’ faqar fl-2018. Ir-rati ta’ riskju ta’ faqar għall-persuni impjegati kienu wkoll mill-inqas 10.0 % fis-Serbja, fir-Renju Unit u fit-Turkija (data tal-2017).
Ir-rati tar-riskju ta’ faqar mhumiex distribwiti b’mod uniformi bejn unitajiet domestiċi b’kompożizzjonijiet differenti ta’ adulti u tfal dipendenti
Fost unitajiet domestiċi mingħajr tfal dipendenti (ara l-Illustrazzjoni 3), il-persuni li jgħixu waħedhom kellhom l-aktar probabbiltà li jkunu f’riskju ta’ faqar, sitwazzjoni li ffaċċjaw 26.1 % tal-unitajiet domestiċi b’persuna waħda fl-EU-27 fl-2018. Għall-kuntrarju, ir-rata tar-riskju ta’ faqar għal unitajiet domestiċi b’żewġ adulti jew aktar kienet inqas minn nofs din ir-rata, 11.4 %, li kienet l-istess rata għall-unitajiet domestiċi b’żewġ adulti fejn mill-inqas persuna waħda kellha 65 sena jew aktar.
Il-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE rrapportaw xejra simili: fl-2018, l-unitajiet domestiċi b'persuna waħda kellhom l-ogħla rati tar-riskju ta’ faqar fost l-unitajiet domestiċi mingħajr tfal dipendenti fl-Istati Membri kollha tal-UE ħlief f’Ċipru, fejn l-unitajiet domestiċi b’żewġ adulti b’mill-inqas persuna waħda li kellha 65 sena jew aktar, kellhom rata ogħla (21.7 % meta mqabbla mal-21.1 % għal unitajiet domestiċi b’persuna waħda). Ġiet osservata sitwazzjoni simili fil-Maċedonja ta’ Fuq ħlief li l-unitajiet domestiċi b’persuna waħda rrapportaw l-aktar rata baxxa (8.5 %) fost it-tliet tipi ta’ unitajiet domestiċi analizzati.
F’disgħa minn 27 Stat Membru tal-UE, ir-rata tar-riskju ta’ faqar għal unitajiet domestiċi b’żewġ adulti b’mill-inqas persuna waħda ta’ 65 sena jew aktar, kienet aktar baxxa mir-rata għall-kategorija usa' tal-unitajiet domestiċi kollha b’żewġ adulti jew aktar, b’mod partikolari fid-Danimarka fejn id-differenza kienet ta’ 6.2 punti perċentwali. Fl-estrem l-ieħor, fil-Latvja, ir-rata tar-riskju ta’ faqar għal unitajiet domestiċi b’żewġ adulti fejn mill-inqas persuna waħda kellha 65 sena jew aktar, kienet 13.3 punt perċentwali ogħla milli għall-unitajiet domestiċi kollha b’żewġ adulti jew aktar, filwaqt li d-differenza f’Malta kienet ta’ 12.4 punti perċentwali. Fi Spanja, ir-rata għal dawn iż-żewġ tipi ta’ unitajiet domestiċi kienet l-istess, filwaqt li fl-Italja d-differenza kienet biss ta’ 0.1 punt perċentwali (data tal-2017).
Fost l-unitajiet domestiċi bi tfal dipendenti, kienet irreġistrata l-ogħla rata tar-riskju ta’ faqar fl-EU-27 ta’ aktar minn terz (34.2 %) għal persuni waħedhom bi tfal dipendenti
Meta wieħed iħares lejn ir-rati għall-unitajiet domestiċi b’żewġ adulti, dawk li għandhom wild dipendenti wieħed biss (12.1 %) kellhom riskju ta’ faqar li kien ftit inqas minn nofs dak reġistrat għall-unitajiet domestiċi bi tliet ulied dipendenti jew iktar (24.5 %) — ara l-Illustrazzjoni 4.
Fost it-tliet tipi ta’ unitajiet domestiċi li jidhru fl-Illustrazzjoni 4, l-Istati Membri kollha tal-UE rrapportaw li unitajiet domestiċi magħmula minn żewġ adulti b’wild dipendenti wieħed kellhom l-inqas probabbiltà li jkunu f’riskju ta’ faqar. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE rrapportaw li r-rata tar-riskju ta’ faqar kienet l-ogħla għal persuni waħedhom bi tfal dipendenti. Madankollu, kien hemm erba’ eċċezzjonijiet: fil-Portugall, ir-rata għall-unitajiet domestiċi magħmula minn persuna waħda bi tfal dipendenti kienet 3.3 punti perċentwali inqas minn dik għall-unitajiet domestiċi b’żewġ adulti u tlett itfal dipendenti jew aktar, filwaqt li fir-Rumanija u l-Bulgarija din id-differenza kienet ħafna akbar, 11.8 u 21.2 punt perċentwali rispettivament; fis-Slovakkja, ir-rata għall-unitajiet domestiċi magħmula minn persuna waħda bi tfal dipendenti kienet l-istess bħal dik għall-unitajiet domestiċi b’żewġ adulti u tlett itfal dipendenti jew aktar. Fl-erba’ pajjiżi kandidati kollha li għalihom hemm data disponibbli, ir-rata għall-unitajiet domestiċi magħmula minn persuna waħda bi tfal dipendenti kienet aktar baxxa minn dik għall-unitajiet domestiċi b’żewġ adulti u tlett itfal dipendenti jew aktar.
Il-miżuri ta’ protezzjoni soċjali jistgħu jintużaw bħala mezz biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali
Dan jista’ jsir, pereżempju, permezz tad-distribuzzjoni tal-benefiċċji. Mod kif jista’ jiġi evalwat l-impatt tas-suċċess tal-miżuri ta’ protezzjoni soċjali huwa billi jitqabblu l-indikaturi tar-riskju ta’ faqar qabel u wara t-trasferimenti soċjali (ara l-Illustrazzjoni 5). Fl-2018, it-trasferimenti soċjali naqqsu r-rata tar-riskju ta’ faqar fost il-popolazzjoni tal-EU-27 minn 25.0 % qabel it-trasferimenti għal 16.8 % wara t-trasferimenti, u b’hekk 8.2 % tal-popolazzjoni qabżu l-livell limitu tal-faqar. Mingħajr trasferimenti soċjali, dawn il-persuni jkunu fir-riskju ta’ faqar.
Meta wieħed iqabbel ir-rati tar-riskju ta’ faqar qabel u wara t-trasferimenti soċjali, l-impatt tal-benefiċċji soċjali kien baxx — permezz tagħhom mhux aktar minn 6.0 % tan-nies qabżu l-livell limitu tal-faqar — fiċ-Ċekja (6.0 %), fl-Italja (5.6 %), fil-Latvja u fis-Slovakkja (it-tnejn 5.5 %), fil-Portugall (5.4 %), fil-Greċja (4.7 %) u fir-Rumanija (4.5 %). Dan kien ukoll il-każ fis-Serbja (5.3 %), fil-Maċedonja ta’ Fuq (3.8 %) u fit-Turkija (2.1 %; data tal-2017).
Meta wieħed iħares lejn l-impatt f’termini relattivi, nofs il-persuni kollha jew aktar li kienu fir-riskju ta’ faqar fil-Finlandja u fl-Irlanda qabżu l-livell limitu bħala riżultat tat-trasferimenti soċjali, kif kien ukoll il-każ fl-Iżlanda (data tal-2016) u fin-Norveġja.
Inugwaljanzi fl-introjtu
Il-gvernijiet, dawk li jfasslu l-politika u s-soċjetà inġenerali ma jistgħux jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali mingħajr ma janalizzaw l-inugwaljanzi fis-soċjetà, kemm jekk huma ta’ natura ekonomika kif ukoll soċjali.
L-Illustrazzjoni 6 tipprovdi informazzjoni dwar inugwaljanzi fid-distribuzzjoni tal-introjtu fl-2018: medja ponderata skont il-popolazzjoni taċ-ċifri nazzjonali għall-Istati Membri individwali tal-UE turi li 20 % tal-popolazzjoni bl-ogħla introjtu disponibbli ekwivalizzat irċeviet 5.1 darbiet aktar introjtu mill-20 % tal-popolazzjoni bl-inqas introjtu disponibbli ekwivalizzat fl-EU-27. Dan il-proporzjon varja b’mod konsiderevoli fl-Istati Membri, minn 3.0 fis-Slovakkja għal 6.0 jew aktar fi Spanja, fl-Italja u fil-Latvja u aktar minn 7.0 fil-Litwanja, fir-Rumanija u fil-Bulgarija, fejn laħaq l-ogħla livell tiegħu b’7.7. Fost il-pajjiżi mhux membri murija fl-Illustrazzjoni 6, il-Maċedonja ta’ Fuq (6.2) u l-Montenegro (7.6; data tal-2017) irrapportaw proporzjonijiet għoljin simili għall-inugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-introjtu, filwaqt li fis-Serbja (8.6) u fit-Turkija (8.7; data tal-2017) il-proporzjonijiet kienu ogħla minn kwalunkwe Stat Membru.
Hemm interess politiku fl-inugwaljanzi fis-sottopopolazzjonijiet. Grupp ta’ interess partikolari huwa dak tal-anzjani, li jirrifletti parzjalment il-proporzjon dejjem jikber tal-popolazzjoni tal-UE ta’ 65 sena u aktar. Is-sistemi tal-pensjonijiet jista’ jkollhom rwol importanti fl-indirizzar tal-faqar fost l-anzjani. F’dan ir-rigward, huwa interessanti li wieħed iqabbel l-introjtu tal-anzjani mal-bqija tal-popolazzjoni.
Fl-EU-27 kollha, persuni ta’ 65 sena jew aktar kellhom introjtu medjan fl-2018 li kiendaqs 91 % tal-introjtu medjan għall-popolazzjoni taħt il-65 sena.
F’erba’ Stati Membri tal-UE (il-Lussemburgu, Franza, il-Greċja u l-Italja), l-introjtu medjan ta’ persuni ta’ 65 sena u aktar kien ogħla mill-introjtu medjan ta’ persuni taħt il-65 sena (ara l-Illustrazzjoni 7). Dan kien ukoll il-każ fl-erba’ pajjiżi kandidati li jidhru fil-Illustrazzjoni. Fl-Ungerija, fi Spanja, fl-Awstrija, fil-Polonja, fil-Portugall, fir-Rumanija u fis-Slovakkja, l-introjtu medjan ta’ persuni ta’ 65 sena jew aktar kien minn 90 % sa 100 % ta’ dak irreġistrat għal persuni taħt il-65 sena. Dan kien ukoll il-każ fl-Iżlanda (data tal-2016) u fin-Norveġja. Ġew irreġistrati proporzjonijiet ta’ inqas minn 80 % fil-Kroazja, fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja, f’Malta u fl-Istati Membri Baltiċi; l-aktar rati baxxi kienu 64 %, 58 % u 57 % fil-Litwanja, fil-Latvja u fl-Estonja rispettivament. Proporzjonijiet relattivament baxxi jistgħu b’mod ġenerali jirriflettu intitolamenti tal-pensjoni relattivament baxxi.
L-intensità tal-faqar, li tgħin biex jiġi kkwantifikat kemm huma fqar il-foqra, tista’ titkejjel mill-ispariġġ medjan relattiv tar-riskju ta’ faqar. L-introjtu medjan tal-persuni fir-riskju ta’ faqar fl-EU-27 kien, bħala medja, 24.5 % inqas mil-livell limitu ta’ faqar fl-2018 (ara l-Illustrazzjoni 8). Dan il-livell limitu huwa stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali tal-persuni kollha.
Fost l-Istati Membri tal-UE, l-introjtu medjan tal-persuni fir-riskju ta’ faqar fir-Rumanija kien l-aktar wieħed taħt il-livell limitu tal-faqar (35.2 %). Ġew irrapportati wkoll spariġġi ta’ aktar minn 25.0 % għall-Italja, il-Greċja, il-Kroazja, Spanja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Bulgarija u s-Slovakkja. L-ispariġġi fil-Maċedonja ta’ Fuq (37.7 %) u fis-Serbja (37.4 %) kienu ogħla minn kwalunkwe Stat Membru ieħor u l-ispariġġi kienu wkoll relattivament għoljin fil-Montenegro (34.0 %) u fit-Turkija (26.4 %; data tal-2017). L-aktar spariġġ baxx fir-riskju ta’ faqar fost l-Istati Membri tal-UE ġiet osservata fil-Finlandja (14.2 %), segwita miċ-Ċekja (15.0 %) u l-Irlanda (15.3 %). L-ispariġġ fl-Iżlanda kien ukoll ta’ livell baxx (15.3 %; data tal-2016).
Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs
Sorsi tad-data
Id-data użata f’dan l-artiklu hija primarjament derivata minn mikrodata mill-istatistika tal-UE dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien (UE-SILC). Id-data tal-UE-SILC tiġi kkompilata kull sena u hija s-sors ewlieni ta’ statistika li tkejjel l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Ewropa; hija wkoll is-sors ewlieni ta’ informazzjoni użata biex tgħaqqad aspetti differenti relatati mal-kwalità tal-ħajja tal-unitajiet domestiċi u l-individwi. Il-popolazzjoni ta’ referenza għall-informazzjoni ppreżentata f’dan l-artiklu hija l-unitajiet domestiċi privati kollha u l-membri attwali tagħhom residenti fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE fil-waqt tal-ġbir tad-data; il-persuni li jgħixu f’unitajiet domestiċi kollettivi u f’istituzzjonijiet huma ġeneralment esklużi mill-popolazzjoni fil-mira. Id-data għall-UE u għaż-żona tal-euro huma medji ponderati skont il-popolazzjoni tad-data nazzjonali.
L-introjtu disponibbli tal-unità domestika huwa stabbilit billi jingħaddu flimkien l-introjti monetarji kollha riċevuti minn kwalunkwe sors minn kull membru tal-unità domestika (inkluż l-introjtu mix-xogħol, l-investiment u l-benefiċċji soċjali) — flimkien mal-introjtu rċevut fil-livell tal-unità domestika — u bit-tnaqqis tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa. Sabiex jiġu riflessi d-differenzi fid-daqs u l-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi, dan it-total huwa diviż bin-numru ta’ “adulti ekwivalenti” bl-użu ta’ skala standard (ekwivalenza), l-hekk imsejħa skala “modifikata tal-OECD”, li tagħti ponderazzjoni ta’ 1.0 lill-ewwel adult fl-unità domestika, ponderazzjoni ta’ 0.5 lil kull membru sussegwenti tal-unità domestika ta’ 14-il sena jew aktar, u ponderazzjoni ta’ 0.3 lill-membri tal-unità domestika li jkollhom inqas minn 14-il sena. Iċ-ċifra li tirriżulta tissejjaħ introjtu disponibbli ekwivalizzat u hija attribwita lil kull membru tal-unità domestika. Għall-fini tal-indikaturi tal-faqar, l-introjtu disponibbli ekwivalizzat jiġi kkalkulat mill-introjtu totali disponibbli ta’ kull unità domestika diviż bid-daqs ekwivalizzat tal-unità domestika; konsegwentement, kull persuna fl-unità domestika titqies li għandha l-istess introjtu ekwivalizzat.
Il-perjodu ta’ referenza tal-introjtu huwa perjodu fiss ta’ 12-il xahar (bħas-sena kalendarja jew is-sena tat-taxxa preċedenti) għall-pajjiżi kollha, ħlief ir-Renju Unit li għalih il-perjodu ta’ referenza tal-introjtu huwa s-sena kurrenti tal-istħarriġ, u l-Irlanda li għaliha l-istħarriġ huwa kontinwu u l-introjtu jinġabar għat-12-il xahar qabel l-istħarriġ.
Ir-rata tar-riskju ta’ faqar hija definita bħala s-sehem ta’ persuni b’introjtu disponibbli ekwivalizzat li huwa taħt il-livell limitu tar-riskju ta’ faqar, stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali. F'konformità mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew, ir-rata tar-riskju ta’ faqar titkejjel skont is-sitwazzjoni f’kull Stat Membru tal-UE, minflok ma jiġi applikat valur ta’ livell limitu komuni. Ir-rata tar-riskju ta’ faqar tista’ tiġi espressa qabel jew wara t-trasferimenti soċjali, u d-differenza tkejjel l-impatt ipotetiku tat-trasferimenti soċjali nazzjonali fit-tnaqqis tar-riskju ta’ faqar. Il-pensjonijiet tal-irtirar u tas-superstiti huma meqjusa bħala introjtu qabel it-trasferimenti u mhux bħala trasferimenti soċjali. Huma disponibbli diversi diżaggregazzjonijiet ta’ dan l-indikatur, pereżempju: skont l-età, is-sess, l-istatus tal-attività, it-tip ta’ unità domestika, jew il-livell ta’ kisbiet edukattivi. Ta’ min jinnota li l-indikatur ma jkejjilx il-ġid iżda minflok huwa kejl relattiv ta’ introjtu kurrenti baxx (meta mqabbel ma’ nies oħra fl-istess pajjiż).
It-tabelli f’dan l-artiklu jużaw in-notazzjoni li ġejja:
Valur fil-korsiv | il-valur tad-data huwa previst, proviżorju jew stmat u għalhekk huwa probabbli li jinbidel; |
: | valur mhux disponibbli, kunfidenzjali jew mhux affidabbli. |
Kuntest
Fil-Kunsill Ewropew ta’ Laeken f’Diċembru 2001, il-Kapijiet tal-istat u tal-gvernijiet Ewropej approvaw l-ewwel sett ta’ indikaturi statistiċi komuni għall-esklużjoni soċjali u l-faqar li huma soġġetti għal proċess kontinwu ta’ rfinar mis-sottogrupp tal-indikaturi tal-kumitat tal-protezzjoni soċjali. Dawn l-indikaturi huma element essenzjali fil-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni ħalli jiġi mmonitorjat il-progress li jkun sar mill-Istati Membri tal-UE biex itaffu l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
L-UE-SILC huwa s-sors ta’ referenza għall-istatistika tal-UE dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u, b’mod partikolari, għall-indikaturi li jikkonċernaw l-inklużjoni soċjali. Fil-kuntest tal-istrateġija UE 2020, f’Ġunju 2010 il-Kunsill Ewropew adotta mira ewlenija għall-inklużjoni soċjali li sal-2020, fl-UE għandu jkun hemm mill-inqas 20 miljun persuna inqas fir-riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali milli kien hemm fl-2008. L-UE-SILC huwa s-sors użat għall-monitoraġġ tal-progress fir-rigward ta’ din il-mira ewlenija, li jitkejjel permezz ta’ indikatur li jikkombina r-rata tar-riskju ta’ faqar, ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali estrema, u l-proporzjon ta’ persuni li jgħixu f’unitajiet domestiċi b’intensità baxxa ħafna tax-xogħol — għal aktar informazzjoni ara l-artiklu dwar il-persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali.
Aċċess dirett għal
Kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Ewropa
- Living conditions in Europe — income distribution and income inequality (bl-Ingliż)
- Living conditions in Europe — poverty and social exclusion (bl-Ingliż)
Sottogruppi tal-popolazzjoni
Kotba statistiċi
- Ageing Europe — 2019 edition (bl-Ingliż)
- Living conditions in Europe — 2018 edition (bl-Ingliż)
- Monitoring social inclusion in Europe — 2017 edition (bl-Ingliż)
Stqarrijiet tal-aħbarijiet
- Downward trend in the share of persons at risk of poverty or social exclusion in the EU (bl-Ingliż)
- Can you afford to heat your home? (bl-Ingliż)
- Young people in work and at risk of poverty (bl-Ingliż)
- 1 in 7 pensioners at risk of poverty in the EU (bl-Ingliż)
- Can you afford a car? (bl-Ingliż)
- EU — One in three people unable to face unexpected financial expenses (bl-Ingliż)
- How much do social transfers reduce poverty? (bl-Ingliż)
- At risk of poverty visualised (bl-Ingliż)
- %2F Young people living with their parents (bl-Ingliż)
- %2F 1 in 4 young people in overcrowded households (bl-Ingliż)
- At-risk-of-poverty thresholds - EU-SILC survey (bl-Ingliż)
- At-risk-of-poverty rate by poverty threshold, age and sex - EU-SILC survey (bl-Ingliż)
- At-risk-of-poverty rate by poverty threshold and most frequent activity in the previous year - EU-SILC survey (bl-Ingliż)
- At-risk-of-poverty rate before social transfers (pensions included in social transfers) by poverty threshold, age and sex - EU-SILC survey (bl-Ingliż)
- At-risk-of-poverty rate before social transfers (pensions excluded from social transfers) by poverty threshold, age and sex - EU-SILC survey (bl-Ingliż)
- Relative at risk of poverty gap by poverty threshold - EU-SILC survey (bl-Ingliż)
- S80/S20 income quintile share ratio by sex and selected age group - EU-SILC survey (bl-Ingliż)
- Relative median income ratio (65+) - EU-SILC survey (bl-Ingliż)
- Income and living conditions (t_ilc) (bl-Ingliż)
- Income and living conditions (bl-Ingliż)
Tagħrif metodoloġiku ġenerali
- EU statistics on income and living conditions (EU-SILC) methodology (bl-Ingliż)
- Income and living conditions (ESMS metadata file — ilc_esms) (bl-Ingliż)
- Income and living conditions dataset — description (bl-Ingliż)
Dokumenti dettaljati
- Comparative EU Statistics on Income and Living Conditions: Issues and Challenges (Proceedings of the International Conference on EU Comparative Statistics on Income and Living Conditions, Helsinki, 6-8 November 2006) (bl-Ingliż)
- How does attrition affect estimates of persistent poverty rates? The case of European Union statistics on income and living conditions (EU-SILC) (bl-Ingliż)
- Individual employment, household employment and risk of poverty in the EU — A decomposition analysis — 2013 edition (bl-Ingliż)
- Statistical matching of EU-SILC and the Household Budget Survey to compare poverty estimates using income, expenditures and material deprivation — 2013 edition (bl-Ingliż)
- Using EUROMOD to nowcast poverty risk in the European Union — 2013 edition (bl-Ingliż)
- Ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tas-16 ta’ Ġunju 2003 jirrigwarda l-istatistika Komunitarja dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għixien (UE-SILC)
- Ir-Regolament (KE) Nru 1553/2005 tas-7 ta’ Settembru 2005 li jemenda r-Regolament 1177/2003 li jikkonċerna l-istatistiċi tal-Komunità dwar l-introjtu u l-kondizzjonijiet tal-għixien (UE-SILC)
- Ir-Regolament 1589/2015 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
- Sommarji tal-Leġiżlazzjoni tal-UE: Statistika tal-UE dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien
- Sommarji tal-Leġiżlazzjoni tal-UE: Regoli tal-proċedura tal-għajnuna mill-Istat
Employment and social analysis, ara (bl-Ingliż):
- European Commission — Directorate-General for Employment, Social Affairs & Inclusion — Employment and Social Developments in Europe — Quarterly Review — December 2019
- European Commission — Directorate-General for Employment, Social Affairs & Inclusion — Employment and Social Developments in Europe — Annual Review 2019
- OECD — Better Life Initiative: Measuring Well-being and Progress
- The European Social Survey