Statistics Explained

Statistika dwar il-faqar ta’ introjtu

Revision as of 18:20, 27 January 2020 by EXT-A-Redpath (talk | contribs)


L-estrazzjoni tad-data saret f’Mejju 2019.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Ottubru 2020.

Punti ewlenin

Fl-2017 ir-rata tar-riskju ta’ faqar (wara t-trasferimenti soċjali) fl-UE naqset għal 16.9 % (-0.4 pp).

Fl-2017, it-trasferimenti soċjali tellgħu 8.7 % mill-popolazzjoni tal-UE ’l fuq mil-livell limitu tal-faqar.

L-20 % tal-popolazzjoni bl-ogħla introjtu disponibbli fl-UE fl-2017 irċeviet 5.1 darbiet iktar introjtu mill-aħħar 20 %.

[[File:Income poverty statistics-FP2019-interactive-MT.XLSX]]

Ir-rata tal-persuni fir-riskju tal-faqar, 2017

Dan l-artiklu janalizza l-istatistika reċenti dwar il-faqar monetarju u l-inugwaljanzi fl-introjtu fl-Unjoni Ewropea (UE). Il-paraguni tal-istandards tal-għajxien bejn il-pajjiżi ta' spiss huma bbażati fuq il-prodott domestiku gross (PDG) per capita, li jippreżenta f'termini monetarji kemm huwa sinjur pajjiż wieħed meta mqabbel ma' ieħor. Madankollu, dan l-indikatur ewlieni ftit li xejn jgħid dwar id-distribuzzjoni tal-introjtu f'pajjiż u jonqos ukoll milli jipprovdi informazzjoni dwar fatturi mhux monetarji li jista' jkollhom rwol sinifikanti fid-determinazzjoni tal-kwalità tal-ħajja li tgawdi minna l-popolazzjoni. Minn naħa waħda, l-inugwaljanzi fid-distribuzzjoni tal-introjtu jistgħu joħolqu inċentivi għall-persuni biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom permezz tax-xogħol, l-innovazzjoni jew il-ksib ta' ħiliet ġodda. Min-naħa l-oħra, inugwaljanzi bħal dawn fl-introjtu ta' spiss jitqiesu bħala marbutin mal-kriminalità, il-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Artiklu sħiħ

Ir-rata u l-limitu tar-riskju ta’ faqar

Tiġi osservata tendenza pożittiva żgħira tar-rata tar-riskju ta’ faqar (wara t-trasferimenti soċjali) fl-EU-28, li bdiet b'16.5 % fl-2010. Jekk il-perjodu bejn l-2011 u l-2013 wera ftit varjazzjoni, il-qabża ta’ 0.5 punt perċentwali (pp) fl-2014 irriżultat fl-ogħla livelli matul dan il-perjodu għal tliet snin konsekuttivi (17.2 % jew 17.3 %). Għall-2017, is-sena bl-aħħar data disponibbli, ġie osservat tnaqqis għal 16.9 % (- 0.4 pp).

Illustrazzjoni 1: Ir-rata u l-limitu tar-riskju ta’ faqar, 2017
Sors: Eurostat (ilc_li01) u (ilc_li02)


Ir-rata għall-EU-28, ikkalkulata bħala l-medja ponderata tar-riżultati nazzjonali, taħbi varjazzjonijiet konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-UE (ara l-Illustrazzjoni 1). F'disa' Stati Membri, jiġifieri r-Rumanija (23.6 %), il-Bulgarija (23.4 %), il-Litwanja (22.9 %), il-Latvja (22.1 %), Spanja (21.6 %), l-Estonja (21.0 %), l-Italja (20.3 %), il-Greċja (20.2 %) u l-Kroazja (20.0 %), persuna minn kull ħamsa jew aktar tal-popolazzjoni kienet meqjusa li hija f’riskju ta’ faqar; dan kien ukoll il-każ fis-Serbja (25.7 %), fil-Maċedonja ta' Fuq u fit-Turkija (it-tnejn 22.2 %). Fost l-Istati Membri tal-UE, l-aktar proporzjonijiet baxxi ta' persuni fir-riskju ta’ faqar kienu osservati fiċ-Ċekja (9.1 %) u l-Finlandja (11.5 %), filwaqt li l-Iżlanda (8.8 % - data tal-2016) irrappurtat sehem saħansitra inqas mill-popolazzjoni tagħha bħala f’riskju ta’ faqar.

Il-limitu tar-riskju ta' faqar (muri wkoll fl-Illustrazzjoni 1) huwa stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali. Għal paraguni spazjali, ta' spiss jiġi espress fi standards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS), sabiex jitqiesu d-differenzi fil-kost tal-għajxien bejn il-pajjiżi. Il-valuri tal-introjtu għal dan il-livell limitu varjaw b'mod konsiderevoli fost l-Istati Membri tal-UE fl-2017, minn 3 182 PPS fir-Rumanija għal 14 006 PPS fl-Awstrija, filwaqt li l-valur tal-limitu fil-Lussemburgu (17 604 PPS) qabeż b’mod ċar l-ogħla valuri ta' din il-firxa. Il-livell limitu tal-faqar kien ukoll relattivament baxx fis-Serbja (3 087 PPS), fil-Maċedonja ta' Fuq (3 179 PPS), u fit-Turkija (3 987 PPS) u relattivament għoli fl-Iżlanda (13 316 PPS – data tal-2016), fin-Norveġja (15 740 PPS) u fl-Iżvizzera (16 225 PPS).

Illustrazzjoni 2: Ir-rata tar-riskju ta’ faqar wara t-trasferimenti soċjali, 2017
(% tas-sehem tal-popolazzjoni ta' 16-il sena jew aktar)
Sors: Eurostat (ilc_li02)


Gruppi differenti fis-soċjetà huma xi ftit jew wisq vulnerabbli għall-faqar monetarju
Fl-2017, kien hemm differenza żgħira fir-rata tar-riskju ta' faqar fl-EU-28 (wara t-trasferimenti soċjali) bejn iż-żewġ sessi, bl-aħħar rati ekwivalenti għal 15.5 % għall-irġiel, meta mqabbla ma' figura ogħla ta' 17.1 % għan-nisa (ara l-Illustrazzjoni 2). L-akbar differenzi bejn is-sessi fl-2017 ġew osservati fl-Estonja (6.0 pp), fil-Latvja (5.8 pp), fil-Litwanja (5.0 pp), fiċ-Ċekja (4.0 pp), fil-Bulgarija (3.8 pp) u fis-Slovenja (3.2 pp). L-Irlanda, il-Kroazja, Ċipru, il-Belġju, ir-Renju Unit, l-Italja, Malta, l-Awstrija u l-Ġermanja wkoll rrappurtaw rati ta' riskju ta' faqar għan-nisa li kienu 2.0 pp jew aktar ogħla milli għall-irġiel, kif kien il-każ fl-Iżvizzera u n-Norveġja. Min-naħa l-oħra, fid-Danimarka, ir-rata ta' riskju ta' faqar kienet 1 pp ogħla għall-irġiel milli għan-nisa. Dan kien ukoll il-każ fil-Maċedonja ta' Fuq (1 pp).


Tabella 1: Ir-rata tar-riskju ta’ faqar wara t-trasferimenti soċjali skont l-istatus ta' attività l-aktar frekwenti, 2017
(% tas-sehem tal-popolazzjoni ta' 18-il sena jew aktar)
Sors: Eurostat (ilc_li04)


Id-differenzi fir-rati ta' riskju ta' faqar kienu usa' meta l-popolazzjoni kienet ikklassifikata skont l-istatus tal-attività
Il-persuni qiegħda huma grupp partikolarment vulnerabbli (ara t-Tabella 1): kważi nofs (47.8 %) il-persuni qiegħda kollha fl-EU-28 kienu f'riskju ta' faqar fl-2017, bl-ogħla rata fil-Ġermanja (70.6 %). Għaxar Stati Membri oħra tal-UE (il-Litwanja, il-Bulgarija, Malta, il-Latvja, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, l-Ungerija, l-Iżvezja u l-Estonja) irrapportaw li mill-inqas nofs il-persuni qiegħda kienu f'riskju ta' faqar fl-2017.

Madwar persuna rtirata minn kull sebgħa (14.2 %) fl-EU-28 kienet f'riskju ta' faqar fl-2017. Rati li kienu mill-inqas darbtejn ogħla mill-medja tal-EU-28 ġew irreġistrati fl-Estonja (46.1 %), fil-Latvja (43.7 %), fil-Litwanja (36.7 %) u fil-Bulgarija (32.4 %).

Dawk li għandhom impjieg kienu ferm inqas probabbli li jkunu f'riskju ta' faqar (medja ta' 9.4 % fl-EU-28 kollha fl-2017). Kien hemm proporzjon relattivament għoli ta’ persuni impjegati f'riskju ta' faqar fir-Rumanija (17.4 %) u, f'livell inqas, fil-Lussemburgu (13.7 %) u Spanja (13.1 %), filwaqt li l-Greċja, l-Italja, il-Portugall u l-Ungerija rrapportaw ukoll li aktar minn ħaddiem wieħed minn kull 10 tal-forza tax-xogħol rispettiva tagħhom kien f'riskju ta’ faqar fl-2017.


Illustrazzjoni 3: Ir-riskju ta' faqar skont it-tip ta' unità domestika, unitajiet domestiċi mingħajr tfal dipendenti, 2017
(% tas-sehem tal-popolazzjoni speċifikata)
Sors: Eurostat (ilc_li03)


Ir-rati tar-riskju ta’ faqar mhumiex imqassma b'mod uniformi bejn l-unitajiet domestiċi b'kompożizzjonijiet differenti ta' adulti u tfal dipendenti
Fost l-unitajiet domestiċi mingħajr tfal dipendenti (ara l-Illustrazzjoni 3), il-persuni li jgħixu waħedhom kellhom aktar probabbiltà li jkunu f'riskju ta' faqar, sitwazzjoni li ffaċċjaw 26.0 % tal-unitajiet domestiċi b'persuna waħda fl-EU-28 fl-2017. B'kuntrast ma' dan, ir-rata tar-riskju tal-faqar għal unitajiet domestiċi b'żewġ adulti jew aktar kienet inqas minn nofs din ir-rata, ta’ 11.1 %. Meta wieħed janalizza speċifikament l-unitajiet domestiċi b’żewġ adulti fejn mill-inqas persuna waħda kellha 65 sena jew aktar, ir-rata tar-riskju tal-faqar kienet l-istess, ta’ 11.1 %.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE rrappurtaw xejra simili: l-unitajiet domestiċi b'persuna waħda kellhom l-ogħla rati ta' riskju ta' faqar fost l-unitajiet domestiċi mingħajr tfal dipendenti fl-Istati Membri kollha tal-UE ħlief f'Malta, fejn l-unitajiet domestiċi b’żewġ adulti li minnhom mill-inqas persuna waħda kellha 65 sena jew aktar, kellhom rata ogħla (25.8 % kontra 25.5 % għal unitajiet domestiċi b'persuna waħda). Ġiet osservata sitwazzjoni simili fil-Maċedonja ta' Fuq ħlief li l-unitajiet domestiċi b'persuna waħda rrappurtaw l-aktar rata baxxa (7.1 %) fost it-tliet tipi analizzati.

Fi 13 mit-28 Stat Membru tal-UE, ir-rata tar-riskju tal-faqar għal unitajiet domestiċi b’żewġ adulti b’mill-inqas persuna waħda ta’ 65 sena jew aktar kienet inqas mir-rata għall-kategorija usa' tal-unitajiet domestiċi kollha b'żewġ adulti jew aktar, b'mod partikolari fil-Greċja, fejn id-differenza kienet ta’ 6.6 pp. Fl-estrem I-ieħor, f'Malta, ir-rata tar-riskju tal-faqar għal unitajiet domestiċi b’żewġ adulti b’mill-inqas persuna waħda ta’ 65 sena jew aktar kienet 13.5-il pp ogħla mill-unitajiet domestiċi kollha b’żewġ adulti jew aktar. Din it-tendenza ġiet osservata wkoll fl-Iżvizzera (8.5 pp).


Illustrazzjoni 4: Ir-rata tar-riskju ta’ faqar skont it-tip ta' unità domestika, unitajiet domestiċi bi tfal dipendenti, 2017
(% tas-sehem tal-popolazzjoni speċifikata)
Sors: Eurostat (ilc_li03)


Fir-rigward ta' unitajiet domestiċi bi tfal dipendenti, l-ogħla rata ta' riskju ta' faqar fl-EU-28 kienet irreġistrata għal persuni waħedhom bi tfal dipendenti u kienet aktar minn terz (35.3 %)
Meta wieħed iqabbel ir-rati għall-unitajiet domestiċi b’żewġ adulti (ara l-Illustrazzjoni 4), dawk li għandhom wild dipendenti wieħed biss (12.6 %) kellhom riskju ta' faqar li kien ftit iktar minn nofs dak irreġistrat għall-unitajiet domestiċi bi tliet ulied dipendenti jew iktar (26.9 %). Fost it-tliet tipi ta' unitajiet domestiċi li jidhru fl-Illustrazzjoni 4, l-Istati Membri kollha tal-UE, minbarra l-Ungerija, irrapportaw li l-unitajiet domestiċi magħmula minn "żewġ adulti b’wild dipendenti wieħed" kellhom l-inqas probabbiltà li jkunu f'riskju ta' faqar; fl-Ungerija r-riskju l-aktar baxx ta’ faqar ġie rreġistrat fost l-unitajiet domestiċi magħmula minn żewġ adulti bi tlett itfal dipendenti jew aktar (14.2 %). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE rrappurtaw li r-rata ta' riskju ta' faqar kienet l-ogħla għal persuni waħedhom bi tfal dipendenti. Madankollu, kien hemm għadd ta' eċċezzjonijiet fejn ir-rata kienet ogħla għal unitajiet domestiċi magħmula minn żewġ adulti bi tlett itfal jew aktar: b'mod partikolari fir-Rumanija (61.9 % vs 31.2 %) u l-Bulgarija (65.0 % vs 35.7 %), u sa ċertu punt fil-Portugall (differenza ta' 8.3 pp) u fi Spanja (differenza ta' 3.3 pp). Din is-sitwazzjoni seħħet ukoll fl-Iżvizzera (differenza ta' 4.3 pp) u fit-tliet pajjiżi kandidati kollha li għalihom hemm data disponibbli.

Illustrazzjoni 5: Ir-rata tar-riskju ta’ faqar qabel u wara t-trasferimenti soċjali, 2017
(% tas-sehem tal-popolazzjoni totali)
Sors: Eurostat (ilc_li02) u (ilc_li10)


Il-miżuri ta' protezzjoni soċjali jistgħu jintużaw bħala mezz biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali
Dan jista' jsir, pereżempju, permezz tad-distribuzzjoni tal-benefiċċji. Mod wieħed kif jista’ jiġi evalwat is-suċċess tal-miżuri ta’ protezzjoni soċjali huwa billi jitqabblu l-indikaturi tar-riskju ta’ faqar qabel u wara t-trasferimenti soċjali (ara l-Illustrazzjoni 5). Fl-2017, it-trasferimenti soċjali naqqsu r-rata tar-riskju ta’ faqar fost il-popolazzjoni tal-EU-28 minn 25.6 % qabel it-trasferimenti għal 16.9 % wara t-trasferimenti, u b'hekk qalgħu 8.7 % mill-popolazzjoni 'l fuq mil-livell limitu tal-faqar. Mingħajr trasferimenti soċjali, dawn il-persuni jkunu fir-riskju ta’ faqar.

Meta wieħed iqabbel ir-rati tar-riskju ta' faqar qabel u wara t-trasferimenti soċjali, l-impatt tal-benefiċċji soċjali kien baxx — hekk kif ċaqlaq biss massimu ta’ 6.0 % tal-persuni 'l fuq mil-livell limitu tal-faqar — fil-Bulgarija (5.8 %), fil-Portugall (5.3 %), fis-Slovakkja (5.1 %), fl-Italja (4.9 %), fir-Rumanija (4.7 %) u fil-Greċja (3.8 %), kif ukoll fis-Serbja (5.9 %), fil-Maċedonja ta’ Fuq (3.7 %) u fit-Turkija (2.1 %).

Meta wieħed janalizza l-impatt f'termini relattivi, nofs jew aktar mill-persuni kollha li kienu fir-riskju ta’ faqar fil-Finlandja, fl-Irlanda u fid-Danimarka telgħu ’l fuq mil-livell limitu bħala riżultat tat-trasferimenti soċjali, kif kien il-każ ukoll fl-Iżlanda u fin-Norveġja.

Inugwaljanzi fl-introjtu

Il-gvernijiet, dawk li jfasslu l-politika u s-soċjetà inġenerali ma jistgħux jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali mingħajr ma janalizzaw l-inugwaljanzi fis-soċjetà, kemm jekk huma ta' natura ekonomika kif ukoll soċjali. Id-data dwar l-inugwaljanza ekonomika saret partikolarment importanti biex jiġi stmat il-faqar relattiv, għaliex id-distribuzzjoni tar-riżorsi ekonomiċi jista' jkollha impatt dirett fuq il-firxa u l-intensità tal-faqar.

Illustrazzjoni 6: Inugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-introjtu, 2017
(proporzjon tad-distribuzzjoni kwintili tal-introjtu)
Sors: Eurostat (ilc_di11)


Kien hemm inugwaljanzi kbar fid-distribuzzjoni tal-introjtu fl-2017: medja ponderata skont il-popolazzjoni taċ-ċifri nazzjonali għal kull wieħed mill-Istati Membri individwali tal-UE (ara l-Illustrazzjoni 6) turi li l-ewwel 20 % tal-popolazzjoni bl-ogħla introjtu disponibbli ekwivalizzat irċeviet 5.1 drabi l-introjtu tal-20 % tal-popolazzjoni bl-inqas introjtu disponibbli ekwivalizzat. Dan il-proporzjon varja b'mod konsiderevoli fost l-Istati Membri tal-UE, minn 3.4 fis-Slovenja u ċ-Ċekja, għal aktar minn 6.0 fil-Greċja, fil-Latvja, fir-Rumanija u fi Spanja u aktar minn 7.0 fil-Litwanja, b'massimu ta' 8.2 fil-Bulgarija. Fost il-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, kif jidher fl-Illustrazzjoni 6, l-Iżlanda (3.3 - data tal-2016) u n-Norveġja (3.9) ukoll irrapportaw proporzjonijiet partikolarment baxxi għall-inugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-introjtu, filwaqt li fit-Turkija (8.7) u s-Serbja (9.4) il-proporzjonijiet kienu ogħla minn dawk fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE.

Hemm interess politiku fl-inugwaljanzi li jinħassu minn ħafna gruppi differenti fis-soċjetà. Grupp ta' interess partikolari huwa dak tal-anzjani, li jirrifletti parzjalment il-proporzjon li dejjem jikber tal-popolazzjoni tal-UE ta’ 65 sena u aktar. Is-sistemi tal-pensjonijiet jista' jkollhom rwol importanti fl-indirizzar tal-faqar fost l-anzjani. F'dan ir-rigward, huwa interessanti li wieħed iqabbel l-introjtu tal-anzjani mal-bqija tal-popolazzjoni.

Illustrazzjoni 7: Il-proporzjon tal-introjti medjani relattivi, 2017
Sors: Eurostat (ilc_pnp2)


Fl-EU-28 kollha, fl-2017 il-persuni ta' 65 sena u aktar kellhom introjtu medjan li kien ugwali għal 92 % tal-introjtu medjan għall-popolazzjoni taħt il-65 sena
F'erba' Stati Membri tal-UE (il-Lussemburgu, Franza, il-Greċja u l-Italja), l-introjtu medjan tal-anzjani kien ogħla mill-introjtu medjan tal-persuni taħt il-65 sena (ara l-Illustrazzjoni 7). Dan kien ukoll il-każ fil-Maċedonja ta' Fuq (1.12), fis-Serbja (1.03) u fit-Turkija (1.01). Fi Spanja, fl-Ungerija, fl-Awstrija, fir-Rumanija, fil-Polonja u fil-Portugall, l-introjtu medjan tal-anzjani kien bejn 90 % u 100 % ta' dak irreġistrat għal persuni taħt l-età ta' 65 sena. Dan kien ukoll il-każ fl-Iżlanda (data tal-2015) u fin-Norveġja. Fil-Belġju, fl-Iżvezja, fid-Danimarka, fiċ-Ċekja, fil-Bulgarija, f'Malta, fil-Litwanja, fil-Latvja u fl-Estonja ġew irreġistrati proporzjonijiet taħt it-80 %. Proporzjonijiet relattivament baxxi jistgħu b'mod ġenerali jirriflettu l-intitolamenti tal-pensjoni.

Illustrazzjoni 8: Spariġġ medjan relattiv tar-riskju tal-faqar, 2017
(f'%)
Sors: Eurostat (ilc_li11)

L-intensità tal-faqar, li tgħin biex jiġi kkwantifikat kemm huma fqar il-foqra, tista' titkejjel mill-ispariġġ medjan relattiv tar-riskju tal-faqar. L-introjtu medjan tal-persuni fir-riskju ta’ faqar fl-EU-28 kien, bħala medja, 24.1 % inqas mil-livell limitu tal-faqar fl-2017 (ara l-Illustrazzjoni 8). Dan il-livell limitu massimu huwa stabbilit bħala 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali tal-persuni kollha. Fost l-Istati Membri tal-UE, l-introjtu medjan tal-persuni fir-riskju ta' faqar kien l-aktar taħt il-livell limitu tal-faqar fir-Rumanija (34.5 %). Aktar differenzi ta’ ’l fuq minn 25.0 % ġew irrapportati għal-Latvja, is-Slovakkja, il-Kroazja, il-Portugall, il-Litwanja, l-Italja, il-Greċja, il-Bulgarija u Spanja. Id-diskrepanza kienet saħansitra ogħla fis-Serbja (38.8 %) u fil-Maċedonja ta' Fuq (37.3 %). L-aktar diskrepanza baxxa fir-riskju ta’ faqar fost l-Istati Membri tal-UE ġiet osservata fil-Finlandja (13.7 %), segwita minn Ċipru (15.1 %). Id-diskrepanza fl-Iżlanda kienet ukoll partikolarment baxxa bi 15.3 % (data tal-2016).

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs


Sorsi tad-data

L-istatistika tal-UE dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien (EU-SILC) tnediet fl-2003 fuq il-bażi ta' ftehim informali bejn il-Eurostat, sitt Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu) u n-Norveġja. L-EU-SILC ġiet implimentata sabiex tipprovdi data sottostanti għall-indikaturi relatati mal-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien — il-bażi leġiżlattiva għall-eżerċizzju tal-ġbir tad-data hija r-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Il-ġbir ta' din l-istatistika tnieda formalment fl-2004 fi 15-il Stat Membru u kiber fl-2005 biex ikopri l-bqija tal-Istati Membri tal-EU-25 kollha, flimkien mal-Iżlanda u n-Norveġja. Il-Bulgarija u t-Turkija nedew l-EU-SILC fl-2006, ir-Rumanija fl-2007, u l-Iżvizzera fl-2008, filwaqt li l-Kroazja introduċiet l-istħarriġ fl-2010. Id-data dwar il-Maċedonja ta' Fuq hija disponibbli wkoll mill-2010 u għas-Serbja mill-2013 'il quddiem. L-EU-SILC jinkludi kemm dimensjoni trasversali kif ukoll dimensjoni lonġitudinali.

L-introjtu disponibbli tal-unità domestika huwa stabbilit billi jingħaddu flimkien l-introjtu monetarju kollu rċevut minn kwalunkwe sors minn kull membru tal-unità domestika (inkluż l-introjtu mix-xogħol, l-investiment u l-benefiċċji soċjali) — flimkien mal-introjtu rċevut fil-livell tal-unità domestika — u bit-tnaqqis tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa. Sabiex jiġu riflessi d-differenzi fid-daqs u l-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi, dan it-total huwa diviż bin-numru ta’ “adulti ekwivalenti” bl-użu ta' skala standard (ekwivalenza), l-hekk imsejħa skala “OECD modifikata”, li tagħti piż ta' 1.0 lill-ewwel adult fl-unità domestika, piż ta' 0.5 lil kull membru sussegwenti tal-unità domestika ta' 14-il sena jew aktar, u piż ta' 0.3 lill-membri tal-unità domestika li jkollhom inqas minn 14-il sena. Iċ-ċifra li tirriżulta tissejjaħ introjtu disponibbli ekwivalizzat u hija attribwita lil kull membru tal-unità domestika. Għall-fini tal-indikaturi tal-faqar, l-introjtu disponibbli ekwivalizzat jiġi kkalkulat mill-introjtu totali disponibbli ta' kull unità domestika diviż bid-daqs ekwivalizzat tal-unità domestika; konsegwentement, kull persuna fl-unità domestika titqies li għandha l-istess introjtu ekwivalizzat.

Il-perjodu ta' referenza tal-introjtu huwa perjodu fiss ta' 12-il xahar (bħas-sena kalendarja jew is-sena tat-taxxa preċedenti) għall-pajjiżi kollha, ħlief ir-Renju Unit li għalih il-perjodu ta' referenza tal-introjtu huwa s-sena kurrenti tal-istħarriġ, u l-Irlanda li għaliha l-istħarriġ huwa kontinwu u l-introjtu jinġabar għat-12-il xahar qabel l-istħarriġ.

Ir-rata tar-riskju ta' faqar hija definita bħala s-sehem ta' persuni b'introjtu disponibbli ekwivalizzat li huwa taħt il-limitu tar-riskju ta' faqar (espress fi standards tal-kapaċità tal-akkwist — PPS), stabbilit bħala 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali. F'konformità mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew, ir-rata tar-riskju ta' faqar titkejjel skont is-sitwazzjoni f'kull Stat Membru tal-UE, minflok ma jiġi applikat valur ta' limitu komuni. Ir-rata tar-riskju ta’ faqar tista' tiġi espressa qabel jew wara t-trasferimenti soċjali, u d-differenza tkejjel l-impatt ipotetiku tat-trasferimenti soċjali nazzjonali fit-tnaqqis tar-riskju ta’ faqar. L-irtirar u l-pensjonijiet tas-superstiti huma meqjusa bħala introjtu qabel it-trasferimenti u mhux bħala trasferimenti soċjali. Huma disponibbli diversi analiżijiet ta' dan l-indikatur, pereżempju: skont l-età, is-sess, l-istatus tal-attività, it-tip ta' unità domestika, jew il-livell ta' kisbiet edukattivi. Ta' min jinnota li l-indikatur ma jkejjilx il-ġid iżda minflok huwa kejl relattiv ta' introjtu kurrenti baxx (meta mqabbel ma' persuni oħra fl-istess pajjiż), li mhux bilfors jimplika livell ta' għajxien baxx. Id-data tal-EU-28 u taż-żona tal-euro hija medja ponderata skont il-popolazzjoni tad-data għall-Istati Membri.

Kuntest

Fil-Kunsill Ewropew ta' Laeken f'Diċembru 2001, il-Kapijiet ta' Stat u tal-gvern Ewropej approvaw l-ewwel sett ta' indikaturi statistiċi komuni għall-esklużjoni soċjali u l-faqar li huma soġġetti għal proċess kontinwu ta' rfinar mis-sottogrupp tal-indikaturi (ISG) tal-kumitat tal-protezzjoni soċjali (SPC). Dawn l-indikaturi huma element essenzjali fil-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) sabiex ikun immonitorjat il-progress li jkun sar mill-Istati Membri tal-UE biex itaffu l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

L-EU-SILC huwa s-sors ta' referenza għall-istatistika tal-UE dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u, b'mod partikolari, għall-indikaturi li jikkonċernaw l-inklużjoni soċjali. Fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020, f'Ġunju 2010 il-Kunsill Ewropew adotta mira ewlenija għall-inklużjoni soċjali — jiġifieri, li sal-2020, fl-UE, għandu jkun hemm mill-inqas 20 miljun persuna inqas li jinsabu f'riskju ta' faqar jew ta’ esklużjoni soċjali milli kien hemm fl-2008. L-EU-SILC huwa s-sors użat għall-monitoraġġ tal-progress lejn din il-mira ewlenija, li titkejjel permezz ta' indikatur li jikkombina r-rata tar-riskju ta’ faqar, ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali estrema, u l-proporzjon ta' persuni li jgħixu f’unitajiet domestiċi b'intensità baxxa ħafna tax-xogħol — għal aktar informazzjoni ara l-artiklu dwar persuni f'riskju ta' faqar jew ta’ esklużjoni soċjali.

Aċċess dirett għal

Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Viżwalizzazzjonijiet