Statistics Explained

Archive:Statistika dwar l-ekonomija u s-soċjetà diġitali - unitajiet domestiċi u individwi

Revision as of 18:28, 10 January 2020 by EXT-S-Allen (talk | contribs)


Data estratta f’Ġunju 2019.

Aġġornament ippjanat tal-artikolu: Ottubru 2020.

Highlights

Sal-2018, is-sehem ta’ unitajiet domestiċi tal-EU-28 b’aċċess għall-internet żdied għal 89 %, xi 29 punt perċentwali aktar mill-2008.

L-aċċess għall-internet broadband intuża minn 86 % tal-unitajiet domestiċi fl-EU-28 fl-2018, bi 38 punt perċentwali aktar mill-2008 (48 %).

Fl-2018, il-proporzjon ta’ individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena fl-EU-28 li ordnaw jew xtraw oġġetti jew servizzi bl-internet għall-użu privat kien ta’ 60 %.

[[File:Digital economy and society statistics - households and individuals-MT.XLSX]]

Aċċess għall-internet tal-unitajiet domestiċi, 2013 u 2018


Dan l-artiklu jippreżenta data statistika riċenti dwar diversi aspetti differenti tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea (UE), billi jiffoka fuq id-disponibbiltà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) u l-użu tagħhom minn individwi u fl-unitajiet domestiċi.

L-ICTs jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tan-nies b’ħafna modi, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fid-dar, pereżempju, meta jikkomunikaw jew jixtru prodotti jew servizzi online. Il-politiki tal-UE jvarjaw minn regolamentazzjoni ta’ oqsma sħaħ bħall-kummerċ elettroniku sa li jippruvaw jipproteġu l-privatezza tal-individwu. Għalhekk, l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa meqjus minn ħafna bħala kruċjali biex jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-promozzjoni ta’ ekonomija moderna u kompetittiva.

Full article

Aċċess għall-internet

L-ICTs saru disponibbli sew għall-pubbliku ġenerali, kemm f’termini ta’ aċċessibbltà kif ukoll ta’ kost. Fl-2007, inqabeż limitu, meta l-maġġoranza (55 %) tal-unitajiet domestiċi fl-EU-28 kellhom aċċess għall-internet. Dan il-proporzjon kompla jiżdied, u qabeż it-tliet kwarti fl-2012 u erba' kwinti fl-2014. Sal-2018, is-sehem ta’ unitajiet domestiċi tal-EU-28 b’aċċess għall-internet żdied għal 89 %, xi 29 punt perċentwali aktar mill-2008.

L-aċċess mifrux u affordabbli għall-broadband huwa wieħed mill-mezzi għall-promozzjoni ta’ soċjetà tal-għarfien u tal-informazzjoni. Il-broadband bla dubju kien l-aktar forma komuni ta’ aċċess għall-internet fl-Istati Membri kollha tal-UE: dan intuża minn 86 % tal-unitajiet domestiċi tal-EU-28 fl-2018, bi 38 punt perċentwali aktar mis-sehem irreġistrat fl-2008 (48 %) — ara l-Illustrazzjoni 1.

Illustrazzjoni 1: Aċċess għall-internet u konnessjonijiet tal-internet broadband tal-unitajiet domestiċi, EU-28, 2008-2018 (% tal-unitajiet domestiċi kollha)
Sors: Eurostat (isoc_ci_in_h) u (isoc_ci_it_h)


L-ogħla proporzjon (98 %) ta’ unitajiet domestiċi b’aċċess għall-internet fl-2018 ġie rreġistrat fin-Netherlands (ara l-Illustrazzjoni 2), filwaqt li r-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Finlandja, id-Danimarka, il-Lussemburgu u l-Iżvezja rrappurtaw ukoll li aktar minn 9 kull 10 unitajiet domestiċi kellhom aċċess għall-internet. L-aktar rata baxxa ta’ aċċess għall-internet fost l-Istati Membri tal-UE ġiet osservata fil-Bulgarija (72 %). Madankollu, il-Bulgarija — flimkien mar-Rumanija, Ċipru, il-Greċja, il-Portugall u l-Kroazja — irreġistrat espansjoni rapida fil-proporzjon tagħha ta’ unitajiet domestiċi b’aċċess għall-internet, b’żidiet fil-medda ta’ 17-23 punt perċentwali bejn l-2013 u l-2018. Kif mistenni, ġiet irreġistrata stabbiltà relattiva f’diversi Stati Membri fejn l-aċċess għall-internet fl-unitajiet domestiċi kien diġà qrib is-saturazzjoni fl-2013, bħan-Netherlands u d-Danimarka; dan kien ukoll il-każ fl-Iżlanda u fin-Norveġja.

Illustrazzjoni 2: L-aċċess għall-internet tal-unitajiet domestiċi, 2013 u 2018
(% tal-unitajiet domestiċi kollha)
Sors: Eurostat (isoc_ci_in_h)


Il-Illustrazzjoni 3 turi li, sa ċertu punt, hemm disrepanza urbana-rurali fi ħdan l-EU-28 f’termini ta’ aċċess għall-internet. Filwaqt li l-unitajiet domestiċi fl-ibliet kif ukoll fl-irħula u fis-subborgi kellhom rati ta’ aċċess komparattivament għoljin — 91 % fl-ibliet u 89 % fl-irħula u fis-subborgi — l-aċċess għall-internet kien xi ftit aktar baxx fiż-żoni rurali (85 %). Fi 23 Stat Membru tal-UE, il-proporzjon ta’ unitajiet domestiċi fiż-żoni rurali b’aċċess għall-internet kien aktar baxx mill-proporzjonijiet ekwivalenti ta’ unitajiet domestiċi fl-ibliet jew fl-irħula u fis-subborgi. Id-diskrepanza bejn iż-żoni rurali u ż-żewġ tipi l-oħra ta’ żoni kienet partikolarment b’saħħitha fil-Greċja, fil-Portugall, fil-Bulgarija u fir-Rumanija, li kull wieħed minnhom kellu livell kumplessiv aktar baxx ta’ aċċess għall-internet mill-medja tal-EU-28. Fl-Estonja, fl-Awstrija u fl-Italja, għalkemm il-livell ta’ aċċess għall-internet kien ogħla fl-ibliet, ma kienx hemm differenza fil-proporzjon ta’ unitajiet domestiċi b’aċċess għall-internet bejn dawk fl-irħula u fis-subborgi u dawk fiż-żoni rurali. Fin-Netherlands, is-sehem ta’ unitajiet domestiċi b’aċċess għall-internet kien l-istess madwar it-tliet gradi differenti ta’ urbanizzazzjoni, u għar-Renju Unit, kważi l-istess (punt perċentwali wieħed aktar baxx fiż-żoni rurali). Fil-Belġju u fis-Slovenja, l-irħula u s-subborgi rreġistraw l-ogħla livell ta’ aċċess għall-internet, filwaqt li l-proporzjon ta’ unitajiet domestiċi fl-ibliet u fiż-żoni rurali kien identiku. Eċċezzjonijiet oħra kienu Franza u l-Lussemburgu, fejn l-ogħla livell ta’ aċċess għall-internet kien irreġistrat fl-ibliet, iżda dak l-aktar baxx kien irreġistrat fl-irħula u fis-subborgi (aktar milli fiż-żoni rurali).

Illustrazzjoni 3: Aċċess għall-internet fl-unitajiet domestiċi skont il-grad ta’ urbanizzazzjoni, 2018
(% tal-l-unitajiet domestiċi kollha)
Sors: Eurostat (isoc_ci_in_h)

Użu tal-internet

Mill-bidu tal-2018, aktar minn erba’ kwinti (85 %) tal-individwi kollha fl-EU-28, li għandhom bejn 16 u 74 sena, użaw l-internet (mill-anqas darba fit-tliet xhur qabel id-data tal-istħarriġ). Mill-anqas 9 minn 10 individwi fid-Danimarka, fil-Lussemburgu, fin-Netherlands, fir-Renju Unit, fil-Finlandja, fil-Ġermanja u fl-Iżvezja użaw l-internet matul it-tliet xhur qabel l-istħarriġ. B’paragun, ftit anqas minn tliet kwarti tal-individwi kollha li għandhom bejn 16 u 74 sena użaw l-internet fl-Italja (74 %), fil-Greċja (72 %) u fir-Rumanija (71 %), bl-aktar sehem baxx fil-Bulgarija (65 %).

Il-proporzjon tal-popolazzjoni tal-EU-28 li qatt ma uża l-internet kien ta’ 11 % fl-2018 (żewġ punti perċentwali aktar baxxi mis-sena ta’ qabel), b’dan is-sehem jinżel għal terz tal-livell tiegħu fl-2008 (meta kien 33 %).

Fl-2018, aktar minn tliet kwarti (76 %) tal-individwi fl-EU-28 aċċessaw l-internet kuljum — ara l-Illustrazzjoni 4 — b’7 % oħra li jużawh tal-anqas darba fil-ġimgħa (iżda mhux kuljum). Fil-fatt, 83 % tal-individwi kienu utenti regolari tal-internet (mill-anqas darba fil-ġimgħa). Il-proporzjon ta’ utenti li jużaw l-internet kuljum fost l-utenti kollha tal-internet (li kienu użaw l-internet fit-tliet xhur ta’ qabel) laħaq medja ta’ 89 % fl-EU-28 u varja madwar l-Istati Membri tal-UE minn 76 % fir-Rumanija sa aktar minn 90 % f’għaxar Stati Membri, b’massimu ta’ 96 % fl-Italja u fir-Renju Unit. L-Iżlanda (97 %) irrappurtat sehem saħansitra ogħla ta’ utenti li jużaw l-internet kuljum fost l-utenti kollha tal-internet.

Illustrazzjoni 4: Frekwenza tal-użu tal-internet, 2018
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: Eurostat (isoc_ci_ifp_iu) u (isoc_ci_ifp_fu)


L-Illustrazzjoni 5 tanalizza l-użu tal-internet waqt ċaqliq minn post għall-ieħor, fi kliem ieħor meta wieħed ikun ’il bogħod mid-dar jew ix-xogħol, pereżempju, l-użu tal-internet fuq kompjuter jew apparat portabbli permezz ta’ konnessjoni bil-mowbajl jew mingħajr fili. L-Illustrazzjoni tqabbel id-data tal-2013, meta 43 % tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena fl-EU-28 użaw apparat mobbli biex jaqbdu mal-internet, mad-data tal-2018, fejn dan is-sehem żdied għal 69 %. L-aktar apparat mobbli komuni għall-konnessjonijiet mal-internet kienu t-telefons ċellulari jew l-ismartphones, il-laptops u l-kompjuters tablet.

Id-Danimarka, l-Iżvezja, in-Netherlands, il-Lussemburgu u r-Renju Unit irreġistraw l-ogħla proporzjonijiet ta’ użu tal-internet bil-mowbajl fl-2018, b’aktar minn erba’ minn kull ħames individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena li użaw l-internet waqt li kienu qegħdin jiċċaqilqu minn post għall-ieħor, b’massimu ta’ 88 % fid-Danimarka u fl-Iżvezja; b’punt perċentwali wieħed aktar, is-sehem massimu ġie rreġistrat fin-Norveġja (89 %). B’paragun ma' dan, bejn 50 % u 60 % tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena fil-Greċja, fil-Bulgarija, fir-Rumanija, fil-Latvja u fil-Portugall użaw l-internet ’il bogħod mid-dar jew mix-xogħol, b’dan il-proporzjon li jilħaq l-aktar livell baxx b’ 49 % fil-Polonja u b’40 % fl-Italja.

Illustrazzjoni 5: Individwi li użaw kompjuter jew apparat portabbli għall-aċċess għall-internet ’il bogħod mid-dar jew mix-xogħol, 2013 u 2018
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: Eurostat (isoc_ci_im_i)


Fl-2018, waħda mill-attivitajiet online l-aktar komuni fl-EU-28 kienet il-parteċipazzjoni fin-netwerking soċjali, ara l-Illustrazzjoni 6. Aktar minn nofs (56 %) l-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena użaw l-internet għan-netwerking soċjali (pereżempju, l-użu ta’ siti bħal Facebook, Twitter, Instagram jew Snapchat). Bejn 70 % u 80 % tan-nies fid-Danimarka, fil-Belġju, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit użaw siti ta’ netwerking soċjali, u dan is-sehem laħaq massimu ta’ 79 % fid-Danimarka, filwaqt li dan żdied b’mod konsiderevoli fl-Iżlanda (91 %) u fin-Norveġja (82 %). Fit-tarf l-ieħor, kien hemm tliet Stati Membri tal-UE fejn anqas minn nofs in-nies użaw dawn is-siti, jiġifieri s-Slovenja (49 %), l-Italja (46 %) u Franza (42 %).

Illustrazzjoni 6: Individwi li użaw l-internet biex jieħdu sehem fin-netwerking soċjali, 2018
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: Eurostat (isoc_ci_ac_i)

Privatezza u protezzjoni tal-identità personali (stħarriġ tal-2016)

Jistgħu jiġu osservati inugwaljanzi bejn l-Istati Membri tal-UE fil-mod kif l-utenti tal-internet immaniġġjaw l-aċċess għall-informazzjoni personali tagħhom fuq l-internet fl-2016. Aktar minn kwart (28 %) tal-utenti tal-internet tal-EU-28 ma pprovdewx informazzjoni personali fuq l-internet, sehem li varja minn 8 % fil-Lussemburgu għal nofs jew aktar fil-Bulgarija, fil-Portugall u fir-Rumanija (ara l-Illustrazzjoni 7). Fil-fatt, aktar minn 70 % tal-utenti tal-internet tal-EU-28 ipprovdew xi tip ta’ informazzjoni personali online, u ħafna minnhom ħadu xi tip ta' azzjoni biex jiġi kkontrollat l-aċċess għal din l-informazzjoni personali fuq l-internet. Kważi nofs (46 %) l-utenti kollha tal-internet irrifjutaw li jippermettu l-użu ta’ informazzjoni personali għar-reklamar u tnejn minn kull ħamsa (40 %) limitaw l-aċċess għall-profil jew il-kontenut tagħhom fuq is-siti tan-netwerking soċjali. Barra minn hekk, aktar minn terz (37 %) tal-utenti tal-internet qraw id-dikjarazzjonijiet tal-politika tal-privatezza qabel ma pprovdew informazzjoni personali, filwaqt li ftit anqas minn terz (31 %) limitaw l-aċċess għall-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

Illustrazzjoni 7: Individwi li ma pprovdew l-ebda informazzjoni personali fuq l-internet, 2016
(% tal-individwi li użaw l-internet fl-aħħar sena)
Sors: Eurostat (isoc_cisci_prv)


Fl-2016, madwar 71 % tan-nies li għandhom bejn 16 u 74 sena fl-EU-28, li kienu użaw l-internet fit-12-il xahar ta’ qabel kienu jafu li l-cookies jistgħu jintużaw biex jintraċċaw l-attivitajiet online tan-nies. Il-livell ta’ sensibbiltà ta’ din il-kwistjoni kien ftit ogħla (74 %) fost l-utenti żgħażagħ (li għandhom bejn 16 u 24 sena) u aktar baxx (64 %) fost l-utenti anzjani (li għandhom bejn 55 u 74 sena). Ftit aktar minn terz (35 %) tal-utenti li għandhom bejn 16 u 74 sena rrappurtaw li kienu bidlu s-settings tal-brawżer tal-internet tagħhom sabiex jipprevjenu jew jillimitaw l-użu tal-cookies (ara l-Illustrazzjoni 8).

Fost l-Istati Membri tal-UE, l-utenti tal-internet fin-Netherlands (89 %), fil-Ġermanja u fil-Finlandja (it-tnejn 85 %) kellhom l-akbar sensibbiltà li l-cookies jistgħu jintużaw biex jintraċċaw l-attivitajiet tagħhom online. Il-livell ta’ sensibbiltà kien ukoll għoli fid-Danimarka (81 %), fil-Kroazja (78 %), fl-Italja (77 %), fil-Lussemburgu u fl-Awstrija (it-tnejn 76 %). B’kuntrast, anqas minn nofs l-utenti tal-internet kienu konxji minn dan fir-Rumanija (38 %), fil-Latvja (47 %) u f’Ċipru (48 %); ġie rrappurtat ukoll livell ta’ sensibbiltà baxx għat-Turkija u għall-Maċedonja ta’ Fuq (it-tnejn 30 %). Il-proporzjon ta’ utenti tal-internet li kienu bidlu s-settings tal-brawżer tal-internet tagħhom biex jevitaw jew jillimitaw l-użu tal-cookies qabeż in-nofs fi Stat Membru wieħed biss, jiġifieri fil-Lussemburgu (54 %). Min-naħa l-oħra, anqas minn kwinta tal-utenti tal-internet ħadu xi azzjoni bħal din fiċ-Ċekja, fir-Rumanija, fil-Bulgarija, f’Ċipru u fil-Latvja, kif kien ukoll il-każ fit-Turkija.

Illustrazzjoni 8: Użu ta’ cookies u settings tal-brawżer, 2016
(% tal-individwi li użaw l-internet fl-aħħar sena)
Sors: Eurostat (isoc_cisci_prv)

L-ordni jew ix-xiri ta’ oġġetti u servizzi

Il-proporzjon ta’ individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena fl-EU-28 li ordnaw jew xtraw oġġetti jew servizzi fuq l-internet għall-użu privat kompla jiżdied: Fl-2018, dan kien ta’ 60 %, żieda ta’ 13-il punt perċentwali meta mqabbel mal-2013 (ara l-Illustrazzjoni 9). Fl-2018, tliet kwarti jew aktar tal-individwi fil-Ġermanja u fl-Iżvezja ordnaw jew xtraw oġġetti jew servizzi fuq l-internet u dan is-sehem laħaq tal-anqas erbgħa kwinti fin-Netherlands (80 %), fir-Renju Unit (83 %) u fid-Danimarka (84 %). B’kuntrast, dan il-proporzjon kien l-aktar baxx f’Ċipru (32 %), fil-Bulgarija (21 %) u fir-Rumanija (20 %).

Minbarra l-ħames Stati Membri tal-UE li rrappurtaw intervall fis-serje — l-Estonja, il-Latvja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u l-Iżvezja — l-akbar żieda fil-proporzjon ta’ individwi li ordnaw jew xtraw oġġetti jew servizzi fuq l-internet bejn l-2013 u l-2018 kienet osservata fiċ-Ċekja (żieda ta’ 23 punt perċentwali), segwita minn Spanja (żieda ta’ 21 punt perċentwali). Mhux sorprendenti li wħud mill-iżgħar żidiet (żidiet ta’ 6 jew 7 punti perċentwali) kienu osservati fid-Danimarka u fir-Renju Unit fejn il-perċentwali ta’ individwi li jordnaw jew jixtru oġġetti jew servizzi online kienu diġà relattivament għoljin meta mqabbla ma’ Stati Membri oħra; dan kien ukoll il-każ fin-Norveġja. Madankollu, is-sehem ta’ individwi li jordnaw oġġetti jew servizzi fuq l-internet żdied ukoll b’pass relattivament modest f’Malta (8 punti perċentwali) u f’Ċipru (7 punti perċentwali).

Illustrazzjoni 9: Individwi li ordnaw oġġetti jew servizzi fuq l-internet għall-użu privat fit-12-il xahar qabel l-istħarriġ, 2013 u 2018
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: Eurostat (isoc_ec_ibuy)

Servizzi ordnati minn individwi oħra permezz tal-internet

Fl-2018, is-sehem ta’ individwi (li għandhom bejn 16 u 74 sena) fl-EU-28 li użaw kwalunkwe sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal akkomodazzjoni minn individwu (privat) ieħor matul it-12-il xahar preċedenti kien ta’ 19 %. Dan il-proporzjon varja mill-ogħla livell ta’ 44 % fil-Lussemburgu u tal-anqas kwart tat-total fl-Irlanda, f’Malta u fir-Renju Unit, sa anqas minn 1 minn 10 individwi f’seba’ Stati Membri tal-UE, bl-ishma l-aktar baxxi rreġistrati fil-Bulgarija (9 %), fil-Greċja, fir-Rumanija u fis-Slovenja (kollha 8 %), fil-Latvja (7 %), fiċ-Ċekja (5 %) u f’Ċipru (3 %). L-ibbukkjar tal-akkomodazzjoni online minn individwi privati oħra kien aktar komuni fost persuni ta’ età medja (li għandhom bejn 25 u 54 sena) milli kien fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa (bejn 16 u 24 sena) jew anzjana (bejn 55 u 74 sena). Ħafna minn dawn is-servizzi kienu ordnati permezz ta’ siti web jew applikazzjonijiet dedikati, li jaġixxu bħala intermedjarji, u li jippermettu lil individwi privati jaqsmu l-aċċess għas-servizzi ta’ akkomodazzjoni — eżempji jinkludu Airbnb, Lovehomeswap jew Couchsurfing.

Illustrazzjoni 10: Individwi li użaw kwalunkwe sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal akkomodazzjoni minn individwu ieħor fit-12-il xahar qabel l-istħarriġ, 2018
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: Eurostat (isoc_ci_ce_i)


Analiżi simili hija ppreżentata fl-Illustrazzjoni 11, li turi s-sehem ta’ individwi li użaw xi sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal servizz tat-trasport minn individwu ieħor. Dan it-tip ta’ servizz kien ġeneralment anqas komuni mill-arranġamenti għal akkomodazzjoni, iżda għal darb’oħra twettaq permezz ta’ siti web u applikazzjonijiet dedikati (pereżempju, Liftshare, UberPool jew Wundercar); l-użu medju li sar minn dawn it-tipi ta’ servizzi madwar l-EU-28 minn individwi (li għandhom bejn 16 u 74 sena) kien ta’ 8 %. Fost l-Istati Membri tal-UE, is-sehem ta’ individwi li użaw kwalunkwe sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal servizz tat-trasport fl-2018 laħaq l-ogħla livell fl-Estonja (bi 23 %). Kienet xi ħaġa komuni li anqas minn 1 minn kull 10 individwi użaw sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal servizzi tat-trasport; tabilħaqq, din is-sitwazzjoni ġiet osservata fi 18-il Stat Membru. L-ibbukkjar għat-trasport online minn individwi oħra kellu t-tendenza li jkun aktar komuni fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa (ta’ bejn 16 u 24 sena) minn dik anzjana.

Illustrazzjoni 11: Individwi li użaw xi sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal servizz tat-trasport minn individwu ieħor fit-12-il xahar qabel l-istħarriġ, 2018
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: Eurostat (isoc_ci_ce_i)

Data sors għat-tabelli u l-figuri (MS Excel)

Sorsi tad-data

Il-bidla teknoloġika rapida f’oqsma relatati mal-internet u applikazzjonijiet ġodda oħra tal-ICTs huma ta’ sfida għall-istatistika. Fil-fatt, kien hemm livell konsiderevoli ta’ żvilupp f’dan il-qasam, b’għodod tal-istatistika li ġew adattati biex jissodisfaw id-domandi l-ġodda għad-data. Sewwasew, l-istatistika f'dan id-dominju hija rivvalutata fuq bażi annwali sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-utenti u jiġi rifless il-pass mgħaġġel tal-bidla.

Dan l-approċċ ġie rreplikat fl-istħarriġ dwar l-użu tal-ICT fl-unitajiet domestiċi u mill-individwi tal-Eurostat. Dan l-istħarriġ annwali jintuża biex jiġu mqabbla l-iżviluppi xprunati mill-ICT, kemm billi jiġu segwiti l-iżviluppi għall-varjabbli ewlenin matul iż-żmien kif ukoll billi tingħata ħarsa aktar fil-fond lejn aspetti oħra f’waqt speċifiku. Filwaqt li l-istħarriġ inizjalment ikkonċentra fuq kwistjonijiet ta’ aċċess u ta’ konnettività, l-ambitu tiegħu sussegwentement ġie estiż biex ikopri varjetà ta’ suġġetti (pereżempju, il-gvern elettroniku u l-kummerċ elettroniku) u l-analiżi soċjoekonomika (bħad-diversità reġjonali, l-ispeċifiċità tas-sessi, id-differenzi fl-età, l-edukazzjoni u s-sitwazzjoni fl-impjieg). L-ambitu tal-istħarriġ fir-rigward tat-teknoloġiji differenti huwa adatt ukoll sabiex ikopri gruppi ġodda ta’ prodotti u mezzi biex jitwasslu teknoloġiji ta’ komunikazzjoni lill-utenti finali (bħall-introduzzjoni ta’ mistoqsijiet ġodda dwar akkomodazzjoni jew servizzi tat-trasport peer-to-peer online fl-2017).

Il-perjodu ta’ referenza għall-istħarriġ dwar l-użu tal-ICT fl-unitajiet domestiċi u minn individwi huwa fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-ewwel trimestru ta’ kull sena; fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-istħarriġ isir fit-tieni trimestru ta’ kull sena. Ta' min jinnota li l-modulu dwar il-privatezza u l-protezzjoni tal-identità personali fforma parti mill-istħarriġ tal-2016 (iżda ma ġiex ripetut fl-2017 u fl-2018).

Kopertura u definizzjonijiet

L-istħarriġ dwar l-ICT fl-unitajiet domestiċi jkopri dawk l-unitajiet domestiċi li għandhom tal-anqas membru wieħed fil-grupp ta’ età ta’ bejn 16 u 74 sena. L-aċċess għall-internet tal-unitajiet domestiċi jirreferi għall-perċentwal ta’ unitajiet domestiċi li għandhom aċċess għall-internet, sabiex kwalunkwe persuna fl-unità domestika tkun tista’ tuża l-internet mid-dar, jekk tkun tixtieq dan, anke sempliċement biex tibgħat email.

L-utenti tal-Internet huma ddefiniti bħala l-individwi kollha li għandhom bejn 16 u 74 sena li kienu użaw l-internet fit-tliet xhur ta’ qabel l-istħarriġ. L-utenti regolari tal-internet huma individwi li użaw l-internet, bħala medja, tal-anqas darba fil-ġimgħa fit-tliet xhur qabel l-istħarriġ.

It-teknoloġiji bil-fili li jintużaw l-aktar għall-aċċess għall-internet jinqasmu bejn il-broadband u l-aċċess bid-dial-up permezz ta’ linja tat-telefon normali jew ISDN. Il-broadband jinkludi linji diġitali tal-abbonati (DSL) u juża teknoloġija li tittrasporta d-data b’veloċitajiet għoljin. Il-linji tal-broadband huma ddefiniti li għandhom livell ta’ kapaċità ogħla minn ISDN, jiġifieri daqs jew ogħla minn 144 kbit/s. Apparati popolari biex jiġi aċċessat l-internet mid-dar jinkludi kompjuters desktop u portabbli, filwaqt li aktar reċentement kien hemm espansjoni f’teknoloġiji oħra attivati għall-internet.

L-użu tal-internet bil-mowbajl huwa definit bħala l-użu tal-internet ’il bogħod mid-dar jew mix-xogħol fuq kompjuters jew apparat portabbli tramite netwerks tat-telefon ċellulari jew konnessjonijiet bla fili.

L-ordni ta’ oġġetti u servizzi minn individwi jirreferi għall-perjodu ta’ 12-il xahar qabel l-istħarriġ u jinkludi riżervazzjonijiet ikkonfermati għall-akkomodazzjoni jew l-ivvjaġġar, ix-xiri ta’ investimenti finanzjarji, servizzi ta’ telekomunikazzjoni, logħob vidjo jew softwer, kif ukoll servizzi ta’ informazzjoni mill-internet li tħallas għalihom direttament. Prodotti u servizzi li jinkisbu b’xejn permezz tal-internet huma esklużi. Huma esklużi wkoll ordnijiet li jsiru permezz ta’ emails ittajpjati manwalment, SMS jew MMS.

Kuntest

F’Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija għal suq uniku diġitali (COM(2015) 192 finali) bħala waħda fost l-10 prijoritajiet politiċi ewlenin tagħha. L-istrateġija kellha 16-il inizjattiva li koprew tliet pilastri wiesa’: il-promozzjoni ta’ aċċess online aħjar għall-prodotti u s-servizzi madwar l-Ewropa; it-tfassil tal-aqwa ambjent għall-iżvilupp ta’ netwerks u servizzi diġitali; l-iżgurar li l-ekonomija u l-industrija Ewropej iġawdu vantaġġ sħiħ mill-ekonomija diġitali bħala mutur potenzjali għat-tkabbir. Fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea tal-2017 It-twettiq bil-fatti ta’ Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi (COM(2016) 710), il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-proposti li diġà kienu tressqu jitmexxew ’il quddiem malajr u li jsir rieżami tal-progress li sar lejn l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali.

It-teknoloġiji tal-broadband huma meqjusa bħala importanti fil-kejl tal-aċċess għall-internet u l-użu tiegħu, billi dawn joffru lill-utenti l-possibbiltà li jittrasferixxu malajr volumi kbar ta’ data u li jżommu l-linji ta’ aċċess miftuħa. Sewwasew, l-adozzjoni ta’ broadband b’veloċità għolja u superfast hija kkunsidrata bħala indikatur ewlieni fid-dominju tat-tfassil tal-politika tal-ICT. Filwaqt li l-linji diġitali tal-abbonati (DSL) jibqgħu l-forma ewlenija ta’ twassil għat-teknoloġija tal-broadband fl-UE, alternattivi bħall-kejbil, is-satellita, il-fibrottika u l-linji lokali bla fili qed jinfirxu aktar.

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda taħdem fuq għadd ta’ inizjattivi biex tagħti spinta lill-ħiliet fl-ICT fil-forza tax-xogħol, bħala parti minn aġenda usa’ għal aġġornament f'ħiliet aħjar, billi tantiċipa d-domanda għall-ħiliet u tqabbel il-provvista tal-ħiliet mad-domanda. Sabiex tiżdied il-provvista ta’ speċjalisti tal-ICT, il-Kummissjoni Ewropea varat Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali, sħubija għall-UE kollha li tfittex li tuża fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej biex ittaffi d-diffikultajiet relatati mar-reklutaġġ ta’ speċjalisti tal-ICT.

Fl-10 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat Aġenda ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa li bl-għan li tippromwovi għadd ta’ azzjonijiet biex jiġi żgurat li n-nies fl-UE jkollhom disponibbli t-taħriġ adatt, il-ħiliet adattin u l-appoġġ adatt sabiex dawn ikunu mgħammra b’ħiliet li huma meħtieġa f’ambjent tax-xogħol modern, inkluż il-promozzjoni tal-ħiliet diġitali.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations






ICT usage in households and by individuals (t_isoc_i)


ICT usage in households and by individuals (isoc_i)
Connection to the internet and computer use (isoc_ici)
Households - level of internet access (isoc_ci_in_h)
Households - type of connection to the internet (isoc_ci_it_h)
Individuals - mobile internet access (isoc_ci_im_i)
Internet use (isoc_iiu)
Individuals - internet use (isoc_ci_ifp_iu)
Individuals - frequency of internet use (isoc_ci_ifp_fu)
Individuals - collaborative economy (isoc_ci_ce_i)
E-commerce (isoc_iec)
Internet purchases by individuals (isoc_ec_ibuy)
ICT trust, security and privacy (isoc_ci_sci)
Privacy and protection of personal information (isoc_cisci_prv)