Statistics Explained

Archive:MStatistika dwar il-paga minima


L-estrazzjoni tad-data saret fi Frar 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Mejju 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 21 December 2020.


Highlights

Il-pagi minimi fl-Istati Membri tal-UE varjaw minn EUR 312 għal EUR 2 142 fix-xahar f'Jannar 2020.

Pagi minimi, Jannar 2010 u Jannar 2020
(EUR fix-xahar u %)
Sors: Eurostat (earn_mw_cur)


Dan l-artiklu juri kif il-pagi minimi jvarjaw konsiderevolment fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE); Jipprovdi wkoll tqabbil mas-sitwazzjoni fir-Renju Unit, fil-pajjiżi kandidati u fl-Istati Uniti.

Full article

Ħarsa Ġenerali

L-istatistika dwar il-paga minima, kif ippubblikata Eurostat, tirreferi għall-pagi minimi nazzjonali. Il-paga minima nazzjonali ġeneralment tapplika għall-impjegati kollha, jew għall-inqas għal maġġoranza kbira tal-impjegati f'pajjiż. Din tiġi infurzata bil-liġi, ħafna drabi wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali, jew direttament permezz ta' ftehim intersettorjali nazzjonali.

Il-pagi minimi huma ġeneralment ippreżentati bħala rati ta' kull xahar tal-paga fuq il-qligħ gross, jiġifieri, qabel it-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali pagabbli mill-impjegat; dan it-tnaqqis ivarja minn pajjiż għal ieħor. Il-pagi minimi nazzjonali huma ppubblikati mill-Eurostat darbtejn fis-sena. Jirriflettu s-sitwazzjoni fl-1 ta' Jannar u l-1 ta' Lulju ta' kull sena. Bħala konsegwenza, il-modifiki għall-pagi minimi introdotti bejn dawn iż-żewġ dati jintwerew biss għar-rilaxx segwenti tad-data darbtejn fis-sena.

Varjazzjonijiet fil-pagi minimi nazzjonali

Il-pagi minimi fl-Istati Membri tal-UE varjaw minn EUR 312 għal EUR 2 142 fix-xahar f'Jannar 2020.

F'Jannar 2020, 21 mis-27 Stat Membru tal-UE (id-Danimarka, l-Italja, Ċipru, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja kienu l-eċċezzjonijiet) kellhom paga minima nazzjonali, kif kellhom il-pajjiżi kandidati tal-UE kollha (il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq, l-Albanija, is-Serbja u t-Turkija). Sa mill-1 ta' Jannar 2020, il-pagi minimi nazzjonali varjaw konsiderevolment fl-Istati Membri, minn EUR 312 fil-Bulgarija għal EUR 2 142 fil-Lussemburgu ( ara l-Figura 1).

Figura 1: Il-pagi minimi, Jannar 2010 u Jannar 2020
(EUR kull xahar u %)
Sors: Eurostat (earn_mw_cur)


Meta mqabbel ma' Jannar 2010, f'Jannar 2020, il-pagi minimi (espressi f'euro) kienu ogħla f'kull Stat Membru tal-UE b'paga minima nazzjonali, ħlief fil-Greċja, fejn dawn kienu 12 % aktar baxxi (akkumulati matul l-10 snin, bir-rata medja annwali tal-bidla ta' -1.3 %). Bejn Jannar 2010 u Jannar 2020, ir-rata medja annwali tal-bidla tal-pagi minimi kienet l-ogħla fir-Rumanija (12.5 %) u fil-Litwanja (10.1 %). Barra minn hekk, il-Bulgarija (9.8 %), l-Estonja (7.7 %) u ċ-Ċekja (6.7 %), il-Polonja (6.6 %) u s-Slovakkja (6.5 %) rreġistraw żidiet notevoli.

Abbażi tal-livell tal-pagi minimi gross nazzjonali tagħhom ta' kull xahar espressi f'termini ta' euro, l-Istati Membri tal-UE koperti minn dan il-ġbir ta' data jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet gruppi differenti; il-pajjiżi mhux membri jidhru fil-Figura 1 bħala grupp separat.

  • Il-Grupp 1 , fejn f'Jannar 2020 il-pagi minimi nazzjonali kienu aktar baxxi minn EUR 500 fix-xahar. L-Istati Membri tal-UE f'dan il-grupp kienu jinkludu: il-Bulgarija, il-Latvja, ir-Rumanija u l-Ungerija; il-pagi minimi nazzjonali tagħhom varjaw minn EUR 312 fil-Bulgarija sa EUR 487 fl-Ungerija.
  • Il-Grupp 2, fejn f'Jannar 2020 il-pagi minimi nazzjonali kienu tal-inqas EUR 500 iżda inqas minn EUR 1 000 fix-xahar. L-Istati Membri tal-UE f'dan il-grupp kienu jinkludu: il-Kroazja, iċ-Ċekja, is-Slovakkja, l-Estonja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, il-Greċja, Malta u s-Slovenja; il-pagi minimi nazzjonali tagħhom varjaw minn EUR 546 fil-Bulgarija sa EUR 941 fis-Slovenja.
  • Il-Grupp 3 , fejn f'Jannar 2020 il-pagi minimi nazzjonali kienu tal-inqas EUR 1 000 fix-xahar. L-Istati Membri tal-UE f'dan il-grupp kienu jinkludu: Spanja, Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, in-Netherlands, l-Irlanda u l-Lussemburgu, il-pagi minimi nazzjonali tagħhom varjaw minn EUR 1 050 fi Spanja sa EUR 2 142 fil-Lussemburgu.
  • Il-paga minima nazzjonali fir-Renju Unit f'Jannar 2020 kienet EUR 1 599.
  • Il-pajjiżi kandidati kollha tal-UE kellhom pagi minimi li kienu simili għal dawk fil-grupp 1, li kienu jvarjaw minn EUR 213 fl-Albanija sa EUR 440 fit-Turkija. Il-livell fl-Istati Uniti (b'paga minima nazzjonali ta' EUR 1 119 fix-xahar) waqa' fil-firxa li tidher fil-grupp 3.

Għal dawk l-Istati Membri tal-UE b'pagi minimi nazzjonali li huma barra miż-żona tal-euro (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u r-Renju Unit), kif ukoll għall-pajjiżi kandidati tal-UE u għall-Istati Uniti, il-livell tal-pagi minimi u l-klassifikazzjoni espressa f'termini ta' euro huma influwenzati mir-rati tal-kambju li jintużaw għall-konverżjoni minn muniti nazzjonali għal euro.

Il-pagi minimi espressi fi standards tal-kapaċità tal-akkwist

Id-diskrepanza bejn il-pajjiżi fil-livell tal-pagi minimi kienet konsiderevolment iżgħar ladarba tqiesu d-differenzi fil-livell tal-prezz

Il-Figura 2 tipparaguna l-pagi minimi gross filwaqt li tikkunsidra d-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet billi tapplika l-paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist (PPPs) għan-nefqa fuq il-konsum finali tal-unitajiet domestiċi; kif jista' jkun mistenni, l-aġġustament għad-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet inaqqas il-varjazzjoni bejn il-pajjiżi. Abbażi tal-livell tal-pagi minimi gross nazzjonali tagħhom ta' kull xahar espressi f'termini ta' standard tal-kapaċità tal-akkwist (PPS), l-Istati Membri tal-UE koperti minn dan il-ġbir ta' data jistgħu jiġu kklassifikati f'żewġ gruppi differenti; anki hawn, il-pajjiżi mhux membri jidhru separatament fil-Figura 2

  • Il-Grupp 1 , fejn f'Jannar 2020 il-pagi minimi nazzjonali kienu aktar baxxi minn PPS 1 000 fix-xahar. L-Istati Membri tal-UE f'dan il-grupp kienu jinkludu: il-Latvja, il-Bulgarija, l-Estonja, is-Slovakkja, iċ-Ċekja, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Portugall, il-Greċja, ir-Rumanija, il-Litwanja u Malta; il-pagi minimi nazzjonali tagħhom varjaw minn PPS 579 fil-Bulgarija sa PPS 941 f'Malta.
  • Il-Grupp 2, fejn f'Jannar 2020 il-pagi minimi nazzjonali kienu aktar baxxi minn PPS 1 000 fix-xahar. L-Istati Membri tal-UE f'dan il-grupp kienu jinkludu: il-Polonja, is-Slovenja, ir-Renju Unit, l-Irlanda, Franza, il-Belġju, in-Netherlands, il-Ġermanja u l-Lussemburgu; il-pagi minimi nazzjonali tagħhom varjaw minn PPS 1 056 fis-Slovenja sa PPS 1 705 fil-Lussemburgu.
  • Il-paga minima nazzjonali fir-Renju Unit f'Jannar 2020 kienet PPS 1 320.
  • Bl-eċċezzjoni tat-Turkija, l-erba' pajjiżi kandidati tal-UE kellhom pagi minimi espressi f'PPS li kienu simili għal dawk fil-grupp 1, li kienu jvarjaw minn PPS 388 fl-Albanija sa PPS 634 fis-Serbja. It-Turkija (b'paga minima nazzjonali ta' PPS 1 157) kellha pagi minimi espressi f'PPS li kienu fil-medda tal-grupp 3, filwaqt li l-Istati Uniti (PPS 964) kellhom paga minima espressa f'PPS li kienet fil-medda tal-grupp 1.

L-Istati Membri tal-UE fil-Grupp 1, b'pagi minimi relattivament baxxi f'termini ta' euro, kellhom it-tendenza li jkollhom livelli ta' prezzijiet aktar baxxi u, għalhekk, pagi minimi relattivament ogħla meta espressi fi standard tal-kapaċità tal-akkwist (PPS). Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri fil-Grupp 2, b'pagi minimi relattivament għoljin f'termini ta' euro, kellhom it-tendenza li jkollhom livelli ta' prezzijiet ogħla u, għalhekk, il-pagi minimi tagħhom f'termini ta' PPS ħafna drabi kienu aktar baxxi. Dan l-aġġustamentgħal-livelli tal-prezzijiet għandu l-effett li jtaffi parzjalment il-lakuni distinti bejn it-tliet gruppi differenti ta' Stati Membri li kienu identifikati meta l-pagi minimi ġew ikklassifikati f'termini ta' euro.

Figura 2: Pagi minimi, Jannar 2020
(PPS fix-xahar)
Sors: Eurostat (earn_mw_cur)

Id-disparitajiet fir-rati tal-paga minima bejn l-Istati Membri tal-UE tnaqqsu minn proporzjon ta' 1 għal 6.9 f'euro (li jfisser li l-ogħla paga minima kienet 6.9 darbiet ogħla minn dik l-aktar baxxa, espressa f'euro) għal proporzjon ta' 1 għal 2.9 meta espressa f'PPS (li jfisser li l-ogħla paga minima kienet 2.9 darbiet ogħla minn dik l-aktar baxxa, espressa f'PPS).

Il-livelli tal-paga minima fir-rigward tal-qligħ gross medjan

Il-Figura 3 tipprovdi informazzjoni fir-rigward tas-sehem tal-paga minima nazzjonali fi qligħ gross medjan.

Il-pagi minimi nazzjonali espressi f'termini ta' euro ttieħdu mill-1 ta' Lulju 2014 u ġew diviżi bil-qligħ gross medjan imkejjel mill-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ (SES 2014). F'Lulju 2014, il-proporzjon ta' pagi minimi fi qligħ medjan fl-Istati Membri tal-UE kollha varja minn 40 % sa 66 %. Għall-iskop ta' din l-analiżi, il-ħlasijiet għas-sahra u x-xogħol bix-xift ġew esklużi mill-kalkolu tal-qligħ medjan gross fix-xahar. Fil-każ tal-Ġermanja, Franza, l-Irlanda li l-pagi minimi tagħhom huma stabbiliti fuq bażi ta' kull siegħa, il-proporzjon ġie kkalkulat bħala proporzjon tal-qligħ medju fis-siegħa. Għas-16-il Stat Membru l-ieħor li għandhom pagi minimi nazzjonali fix-xahar u li għalihom hemm data disponibbli, il-proporzjon ġie kkalkulat bħala proporzjon tad-dħul medjan fix-xahar.

Figura 3: Il-pagi minimi bħala proporzjon tal-qligħ gross medjan fix-xahar, 2014
(%)
Sors: Eurostat (earn_mw_cur) u l-Istħarriġ dwar l-istruttura tal-qligħ għall-2014; kalkolu speċjali magħmul għall-iskop ta' din il-pubblikazzjoni; dawn il-kalkoli speċjali mhumiex disponibbli fil-bażi tad-data onlajn tal-Eurostat

Il-proporzjon ta' ħaddiema b'paga minima

Il-proporzjon ta' impjegati li jaqilgħu l-paga minima jista' jvarja b'mod konsiderevoli bejn il-pajjiżi. Jekk il-microdata mill-aħħar żewġ stħarriġiet dwar l-istruttura tal-qligħ (SES) tintrabat mal-livell ta' pagi minimi fis-seħħ f'dak iż-żmien (Ottubru 2010 u 2014), huwa possibbli li tinħareġ stima ta' dawn il-proporzjonijiet (kif ippreżentat fil-Figura 4). Għall-finijiet tal-komparabbiltà, il-kamp ta' applikazzjoni kien ristrett għal ħaddiema full-time ta' 21 sena u aktar, li jaħdmu f'intrapriżi b'10 impjegati u aktar, minbarra l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża u s-sigurtà soċjali obbligatorja (NACE Rev. 2 Taqsima O). Barra minn hekk, il-qligħ fix-xahar ikkalkulat mill-SES jeskludi kwalunkwe qligħ relatat mas-sahra u x-xogħol bix-xift.

F'Ottubru 2014, il-proporzjon ta' impjegati li jitħallsu inqas minn 105 % tal-paga minima nazzjonali kien ogħla minn 7.0 % f'għaxra mill-Istati Membri tal-UE li infurzaw paga minima, jiġifieri: is-Slovenja (19.1 %), ir-Rumanija (15.7 %), il-Portugall (13.0 %), il-Polonja (11.7 %), il-Bulgarija (8.8 %); Franza (8.4 %), il-Liwanja (8.1 %), il-Latvja (7.9 %), il-Greċja (7.7 %) u l-Kroazja (7.1 %). il-Belġju (0.4 %) irreġistra l-aktar proporzjon baxx ta' impjegati li jaqilgħu inqas minn 105 % tal-paga minima nazzjonali, filwaqt li l-proporzjon ta' impjegati fl-għaxar Stati Membri li jifdal li jaqilgħu inqas minn dan l-ammont kien bejn 1.0 % (Spanja) u 5.8 % (il-Lussemburgu).

Figura 4: Il-proporzjon ta' impjegati li jaqilgħu inqas minn 105 % tal-paga minima, Ottubru 2010 u 2014
(%)
Sors: Eurostat (earn_mw_cur) u l-Istħarriġ dwar l-istruttura tal-qligħ għall-2014; kalkolu speċjali magħmul għall-iskop ta' din il-pubblikazzjoni; dawn il-kalkoli speċjali mhumiex disponibbli fil-bażi tad-data onlajn tal-Eurostat

L-iżvilupp tal-proporzjon tal-ħaddiema b'paga minima

Bejn l-2010 u l-2014, il-proporzjon ta' impjegati li jaqilgħu inqas minn 105 % tal-paga minima nazzjonali żdied b'aktar minn 2.0 punti perċentwali fir-Rumanija (11.7 punti), fil-Bulgarija (5.4 punti), fil-Polonja (3.6 punti) u fl-Ungerija (2.3 punti), filwaqt li naqas b'aktar minn 2.0 punti fil-Litwanja (-5.6 punti), fl-Irlanda (-5.1 punti), fil-Lussemburgu (-4.1 punti), fil-Latvja (-4.0 punti), fil-Portugall (-3.8 punti), fil-Kroazja (-2.6 punti) u fis-Slovakkja (-2.2 punti).

Sors tad-data għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

Varjazzjonijiet fil-pagi minimi nazzjonali

L-istatistika dwar il-paga minima, kif ippubblikata mill-Eurostat, tirreferi għall-pagi minimi nazzjonali. Id-data tiġi ppubblikata fir-rigward tal-pagi minimi applikati fl-1 ta' Jannar u l-1 ta' Lulju ta' kull sena. Il-paga minima bażika nazzjonali tiġi ffissata għal rata fis-siegħa, fil-ġimgħa jew fix-xahar, u din il-paga minima tiġi infurzata bil-liġi (il-gvern), ħafna drabi wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali, jew direttament permezz ta' ftehim intersettorjali nazzjonali. Il-paga minima nazzjonali ġeneralment tapplika għall-impjegati kollha, jew għall-inqas għal maġġoranza kbira tal-impjegati fil-pajjiż; l-informazzjoni hija rrapportata f'termini grossi. Ġabra sħiħa ta' informazzjoni speċifika għall-pajjiżi dwar il-pagi minimi nazzjonali hija disponibbli f'anness bħala parti mill-metadata.

Għal dawk il-pajjiżi fejn il-paga minima nazzjonali mhijiex iffissata f'termini grossi, il-valur nett jiġi ingrossat sabiex ikopri t-taxxi applikabbli; dan huwa l-każ għall-Montenegro u għas-Serbja.

Għal dawk il-pajjiżi fejn il-paga minima nazzjonali mhijiex iffissata b'rata ta' kull xahar (pereżempju, fejn il-pagi minimi huma speċifikati fuq bażi ta' kull siegħa jew ta' kull ġimgħa) il-livell tal-paga minima jiġi kkonvertit f'rata ta' kull xahar skont il-fatturi ta' konverżjoni pprovduti mill-pajjiżi kkonċernati:

il-Ġermanja: (ir-rata fis-siegħa x 39.1 siegħa x 52 ġimgħa)/12-il xahar (il-valur ta' 39.1 siegħa għandu x'jaqsam mas-sigħat bażiċi fil-ġimgħa għall-impjegati full time fin-NACE Rev.2, it-taqsimiet B sa S: dan il-valur huwa riżultat ta' stħarriġ tal-qligħ trimestrali);

l-Irlanda: (ir-rata fis-siegħa x 39 siegħa x 52 ġimgħa)/12 xahar;

Franza: data għal Jannar 1999 — Lulju 2005: (ir-rata fis-siegħa x 39 siegħa x 52 ġimgħa) / 12-il xahar; data minn Jannar 2005 'il quddiem (ir-rata fis-siegħa x 35 siegħa x 52 ġimgħa) / 12-il xahar;

Malta: (ir-rata fis-siegħa x 52 ġimgħa) / 12-il xahar;

ir-Renju Unit: (ir-rata fis-siegħa x medja ta' sigħat imħallsa bażiċi fil-ġimgħa għall-impjegati full-time fis-setturi kollha x 52.18 ġimgħat) / 12-il xahar;

l-Istati Uniti: (ir-rata fis-siegħa x 40 siegħa x 52 ġimgħa) / 12-il xahar;

Fis-Serbja, il-paga minima nazzjonali tiġi determinata f'termini netti ta' kull siegħa. Hija applikata l-konverżjoni li ġejja: (ir-rata netta fis-siegħa x 40 siegħa x 52.2 ġimgħa) / 12-il xahar; Imbagħad, dan il-valur jiġi ingrossat sabiex ikopri t-taxxi applikabbli.

Barra minn hekk, meta l-paga minima titħallas għal aktar minn 12-il xahar fis-sena (bħal fil-Greċja, fi Spanja u fil-Portugall, fejn hija titħallas għal 14-il xahar fis-sena), id-data tiġi aġġustata sabiex tqis dawn il-pagamenti.

Id-data dwar il-pagi minimi nazzjonali titressaq lill-Eurostat f'termini ta' munita nazzjonali. Għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro, il-pagi minimi f'muniti nazzjonali jiġu kkonvertiti f'euro billi tiġi applikata rr-rata ta' kambju ta' kull xahar kif irreġistrata fl-aħħar tax-xahar preċedenti (pereżempju, għall-kalkolu tal-pagi minimi f'termini ta' euro mill-1 ta' Jannar 2020 intużat ir-rata fi tmiem Diċembru 2019).

Sabiex jitneħħa l-effett tad-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet bejn il-pajjiżi, jintużaw ir-rati ta' konverżjoni speċjali msejħa paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist (PPPs). Il-PPPs għan-nefqa tal-konsum domestiku finali f'kull pajjiż jintużaw għall-konverżjoni tal-pagi minimi ta' kull xahar espressi f'euro jew muniti nazzjonali għal unità komuni artifiċjali msejħa l-istandard tal-kapaċità tal-akkwist (PPS). Jekk il-PPPs għall-aħħar perjodu ta' referenza jkunu għadhom mhumiex disponibbli, huma jiġu sostitwiti mill-PPP tas-sena preċedenti, u s-serje tiġi aġġornata ladarba jkunu disponibbli l-aktar PPPs riċenti.

Il-pajjiżi mhumiex koperti mill-istatistika dwar il-paga minima

Mill-1 ta' Jannar 2020, ma kien hemm ebda paga minima nazzjonali fid-Danimarka, fl-Italja, f'Ċipru, fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Iżvezja; dan kien ukoll il-każ fil-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera. F'Ċipru, il-pagi minimi huma stabbiliti mill-gvern għal impjiegi speċifiċi. Fid-Danimarka, fl-Italja, fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Iżvezja, kif ukoll fl-Iżlanda, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera, il-pagi minimi huma stipulati permezz ta' ftehimiet kollettivi għal firxa ta' setturi speċifiċi.

Il-qligħ gross medjan ta' kull xahar

Id-data dwar il-medjan tal-qligħ gross fix-xahar hija bbażata fuq l-aħħar data miġbura mill-istħarriġ dwar l-istruttura tal-qligħ (SES) għall-2014 (dan l-istħarriġ isir darba kull erba' snin). Id-data dwar il-medjan tad-dħul gross fix-xahar tirreferi għall-impjegati kollha (esklużi l-apprendisti) li jaħdmu f'intrapriżi b'10 impjegati jew aktar u li joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija ħlief l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd (NACE Rev. 2 taqsima A) u l-amministrazzjoni pubblika u d-difiża; is-sigurtà soċjali obbligatorja (NACE Rev. 2 it-taqsima O). Il-qligħ medjan huwa l-livell ta' qligħ li jaqsam l-impjegati kollha f'żewġ gruppi indaqs: nofshom jaqilgħu inqas mill-qligħ medjan u n-nofs l-ieħor jaqilgħu aktar. Il-qligħ gross fix-xahar jirreferi għall-pagi u s-salarji li jaqilgħu l-impjegati full-time u dawk part-time fix-xahar ta' referenza (ġeneralment Ottubru 2014) qabel ma jitnaqqsu kwalunkwe kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali. Il-pagi u s-salarji jinkludu kull ħlas għas-sahra, primjums tax-xift, benefiċċji, bonusijiet, kummissjoni, eċċ. Il-dħul gross fix-xahar tal-impjegati part-time ġew ikkonvertiti f'unitajiet full-time qabel ma ġew inklużi fil-medja bl-istess piż bħall-impjegati full-time. L-esklużjoni tal-impjegati part-time mill-kalkolu tal-qligħ gross medjan tħalli impatt fuq il-proporzjon tal-paga minima/qligħ medjan b'7 punti perċentwali fin-Netherlands (49 % minflok 56 %).

Ir-rati medji tal-kambju għall-2014 intużaw biex jikkonvertu f'euro d-data għal pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro. Il-kopertura ta' attività speċifika għall-pajjiż għall-pagi minimi nazzjonali bħala proporzjon tal-qligħ medju fix-xahar hija disponibbli f'anness li jifforma parti mill-metadata.

Kuntest

Bosta mill-Istati Membri fundaturi tal-UE għandhom tradizzjoni twila li jiżguraw paga minima nazzjonali għal dawk il-ħaddiema mħallsin l-inqas. B'kuntrast ma' dan, għadd ta' Stati Membri, inklużi l-Ġermanja, l-Irlanda u ħafna mill-pajjiżi li ngħaqdu mal-UE fl-2004 jew aktar tard, kien biss reċentement li introduċew leġiżlazzjoni dwar il-paga minima, filwaqt li sitta mill-Istati Membri tal-UE-27 ma kellhom l-ebda paga minima nazzjonali mill-1 ta' Jannar 2020.

Fis-snin riċenti, kien hemm xejra ta' żidiet relattivament baxxi fil-pagi (moderazzjoni tal-pagi) fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, u ħafna gruppi li jirrappreżentaw il-ħaddiema sostnew li l-kapaċità tal-akkwist u l-istandards ġenerali tal-għajxien naqsu. Xi politikanti, rappreżentanti tal-ħaddiema, gruppi ta' pressjoni u kummentaturi jippromwovu l-idea ta' “paga minima Ewropea” jew pagi minimi nazzjonali stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE kollha.

Il-livelli tal-paga minima nazzjonali mhux neċessarjament jinbidlu kull sena, filwaqt li l-aġġustament mhux dejjem jirriżulta f'żieda tal-paga minima — pereżempju, il-livell tal-pagi minimi fil-Greċja naqas fl-2012 bħala parti mill-miżuri ta' awsterità introdotti mill-gvern. Il-Ftehim Kollettiv Nazzjonali ġie sospiż fil-Greċja dik is-sena u l-paga minima nazzjonali issa hija ffissata b'deċiżjoni tal-gvern.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Pagi minimi (tps00155)
Pagi minimi (earn_minw)
Pagi minimi ta' kull xahar — data kull sentejn (earn_mw_cur)
Paga minima kull xahar bħala proporzjon tal-qligħ medju ta' kull xahar (%) — NACE Rev. 2 (mill-2008 'il quddiem) (earn_mwa_avg2)
Il-paga minima kull xahar bħala proporzjon tal-qligħ medju fix-xahar (%) — NACE Rev. 1.1 (1999–2009) (earn_mwa_avg1)


  • Pagi minimi (fajl tal-metadata ESMS — earn_minw_esms) (bl-Ingliż)