Wara t-teħid tal-kampjuni, il-kontenituri tal-kampjuni għandhom jiġu ċċekkjati għal xi xquq. Il-wiċċ tal-pakketti għandu jkun nadif u xott. Jekk joħroġ xi likwidu, għandek tissikka jew tibdel it-tappijiet. Imbagħad għandek tiċċekkjahom għal darb’oħra, u jekk il-kontenitur jibqa’ jnixxi, għandek tieħu kampjuni ġodda. Preferibbilment uża kontenitur tal-kampjuni ieħor.
Il-kontenituri tal-kampjuni użati għall-ippakkjar ta’ kampjuni ta’ likwidi li jiżvintaw għandhom jimtlew sa madwar 90 % tal-kapaċità totali tagħhom.
Is-sinjali ta’ twissija, il-marki u s-simboli li jindikaw perikli potenzjali għandhom jitqiegħdu fuq pakketti li jkun fihom kampjuni ta’ oġġetti/komposti perikolużi.
Abbażi tar-regolamenti nazzjonali tiegħek il-kontenitur tal-kampjun għandu jkun issiġillat b’mod xieraq għat-tip ta’ kontenitur użat, sabiex tipprevjeni l-immaniġġar mhux awtorizzat jew mhux xieraq tal-kampjuni (u tiżgura l-integrità tal-kontenut). Is-siġill għandu jkun imwaħħal tajjeb u sod sabiex ma jiġrilux ħsara waqt il-ħażna jew it-trasport tal-kampjun, u sabiex tissalvagwardja l-katina ta’ evidenza.
Il-marki fuq it-tikketti għandhom ikunu permanenti u jinqraw sew sabiex tipprevjeni li jitħassru jew li jinbidlu waqt il-ħażna, l-immaniġġar u t-trasport.
Fil-każ ta’ pakketti għall-bejgħ bl-imnut, it-tikketta tad-dwana m’għandhiex tgħatti t-tikketti kummerċjali tal-prodott oriġinali (it-trademark, il-manifattur, il-kontenut, id-data ta’ skadenza, eċċ.). Huwa rrakkomandat li tqiegħed il-pakketti għall-bejgħ f’borża tal-politin u twaħħal it-tikketti u s-siġilli mal-borża.
Ir-regolamenti dwar is-saħħa u s-sikurezza għandhom ikunu osservati.
Id-dokumenti li jakkumpanjaw l-oġġetti għandhom jinżammu konformi mar-regoli stabbiliti mill-amministrazzjoni tad-dwana. Dan jiddependi mis-sitwazzjoni lokali. F’ċerti Stati Membri jintużaw biss dokumenti diġitali; jintbagħtu bil-posta elettronika lil-laboratorju tad-dwana jew permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni integrati. Kopji ta’ dokumenti rilevanti oħrajn li jirrigwardaw in-natura tal-oġġetti jistgħu wkoll ikunu mehmuża (SDS, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, iċ-ċertifikati ta’ kwalità/konformità, eċċ.).
Il-kundizzjonijiet tal-ħażna jiddependu mill-karatteristiċi u l-proprjetajiet tal-kampjuni meħuda. Il-kundizzjonijiet tal-ħażna għandhom jiżguraw li l-kampjun ma jinbidilx b’xi mod li jista’ jaffettwa l-parametri li għandhom ikunu analizzati.
Ir-regolamenti dwar is-saħħa u s-sikurezza għandhom ikunu osservati.
B’mod ġenerali, il-kampjuni għandhom jinħażnu f’kamra nadifa, xotta, mudlama u mperrċa biżżejjed.
- Il-kampjuni tal-oġġetti tal-ikel għandhom jinħażnu f’post separat minn kampjuni oħrajn. Oġġetti li jitħassru għandhom jinħażnu fi friġġijiet jew friżers u t-temperatura tal-ħażna għandha tkun immonitorjata regolarment. Jekk ikunu ffriżati, il-kampjuni għandhom jinżammu taħt it-18 °C u t-temperatura tal-ħażna għandha tkun immonitorjata.
- Is-sustanzi li jaqbdu għandhom jinħażnu f’konformità mar-regolamenti tas-sikurezza f’każ ta’ nirien.
Jekk l-uffiċċju tad-dwana ma jkunx jista’ jipprovdi dawn il-faċilitajiet u l-kampjun ma jistax ikun trasferit lejn il-laboratorju tad-dwana minnufih, għandu jinstab post ta’ ħażna estern alternattiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet għas-salvagwardja tal-kwalità u l-identità tal-kampjuni.
Huwa rrakkomandat li kull uffiċċju tad-dwana jaħtar uffiċjal li jmexxi l-faċilità ta’ ħażna tal-kampjuni. Id-deskrizzjoni tal-impjieg tagħhom għandha tinkludi wkoll il-kompiti li ġejjin:
- li jaċċettaw il-kampjuni għall-ħażna u għat-trasport għall-analiżi, u jżommu reġistri;
- li jimmonitorja l-iskadenzi tal-ħażna tal-kampjuni;
- li jorganizzaw ir-rimi tal-kampjuni wara li dawn id-dati jiskadu;
- li jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ ħażna tal-kampjuni jkunu ssodisfati f’kull ħin.
Fil-każ ta’ ċerti prodotti jkunu xierqa kundizzjonijiet speċifiċi. Xi eżempji qegħdin jingħataw hawn taħt, iżda għal aktar dettalji għandek tirreferi għall-proċedura speċifika ta’ teħid ta’ kampjuni.
| Prodott | Kundizzjonijiet |
| Kampjuni sensittivi għad-dawl | Ħażna f’post mudlam. |
| Kampjuni li jarmu rwejjaħ velenużi jew jintnu. | Ħażna possibbli f’kappa tad-dħaħen jew f’kamra li jkollha biżżejjed ventilazzjoni mekkanika. |
| Żjut minerali, kampjuni li faċilment jieħdu n-nar u kampjuni perikolużi oħrajn | Ara l-SDS. Għandhom jinħażnu f’armadju ta’ sikurezza, fejn ikun possibbli. Jekk ma jkunx hemm informazzjoni disponibbli, staqsi lil-laboratorju għall-kundizzjonijiet ta’ ħażna. |
| Kampjuni li jistgħu jitħassru | Aħżen fi friża jew fi friġġ; jiddependi min-natura tal-prodott. Jekk ikun hemm dubju, ikkonsulta mal-laboratorju. |
| Kampjuni ta’ oġġetti li jitħassru malajr | Il-kampjuni tal-oġġetti tal-ikel għandhom jinħażnu f’post separat minn kampjuni oħrajn. L-oġġetti li jitħassru għandhom jinħażnu fil-friġġ jew jiġu friżati b’konsultazzjoni mal-laboratorju. Indika fuq il-formola dwar il-kampjun li l-iffriżar sar mill-uffiċjal tad-dwana. Il-kampjuni friżati għandhom jinżammu taħt it-18 °C u t-temperatura tal-ħażna għandha tkun immonitorjata b’mod regolari. |
| Kampjuni ta’ prodotti mkessħa | Il-kampjuni tal-oġġetti tal-ikel għandhom jinħażnu f’post separat minn kampjuni oħrajn. Il-kampjuni mkessħa għandhom jinżammu f’madwar 4 °C u t-temperatura tal-ħażna għandha tkun immonitorjata b’mod regolari. |
| Kampjuni ta’ prodotti ffriżati | Il-kampjuni tal-oġġetti tal-ikel għandhom jinħażnu f’post separat minn kampjuni oħrajn. Il-kampjuni friżati għandhom jinżammu taħt it-18 °C u t-temperatura tal-ħażna għandha tkun immonitorjata b’mod regolari. |
| Kampjuni ta’ pakketti għall-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel u ta’ mediċini u prodotti farmaċewtiċi. | Ħżin fil-kundizzjonijiet imniżżla fuq it-tikketta tal-pakkett, iżda mhux aktar minn madwar 30 °C jew kif indikat fuq il-pakkett. |
Il-kundizzjonijiet tat-trasport għandhom jiggarantixxu l-integrità u l-karatteristiċi tal-kampjuni li jkunu qed jiġu ttrasportati. It-tip ta’ trasport se jiddependi fuq in-natura tal-kampjuni (eż. oġġetti perikolużi jew rekwiżiti ta’ temperatura speċjali), il-kwantitajiet, l-urġenza u l-frekwenza li biha jseħħu.
Hemm bosta metodi ta’ trasport tal-kampjuni lejn il-laboratorju tad-dwana.
| Trasport | Rimarki |
| Bil-posta u servizzi ta’ kunsinna regolari | Jista’ jintuża biss għall-kampjuni li ma jkollhomx kundizzjonijiet ta’ ħażna speċjali. Xi servizzi ta’ kunsinna jistgħu wkoll jittrasportaw ċerti kampjuni perikolużi. Kull servizz jista’ jkollu rekwiżiti speċjali rigward il-kwantitajiet, l-ippakkjar u t-tikkettar. |
| Bit-trasport mgħammar apposta, eż. għat-trasport ta’ kampjuni kimiċi jew oġġetti ffriżati | Kull tip ta’ kampjun jista’ jkun ittrasportat b’dan il-metodu sakemm ma jkunx hemm riskju ta’ kontaminazzjoni bejn l-oġġetti. Dan huwa l-aħjar metodu ta’ trasport għall-kampjuni li jkollhom kundizzjonijiet ta’ ħażna speċjali. Għal kampjuni bi proprjetajiet perikolużi, iċċekkja r-rekwiżiti tal-kuntrattur rigward il-kwantitajiet, l-ippakkjar u t-tikkettar. |
| Bil-kurrier | Kull tip ta’ kampjun jista’ jkun ittrasportat b’dan il-metodu jekk il-kampjuni jkunu ippakkjati b’mod tajjeb u ma jkunx hemm riskju ta’ kontaminazzjoni bejn l-oġġetti. Għal kampjuni bi proprjetajiet perikolużi, iċċekkja r-rekwiżiti tal-kuntrattur rigward il-kwantitajiet, l-ippakkjar u t-tikkettar. Il-kurrier jista’ jkollu wkoll restrizzjonijiet fuq dak li jaċċetta. Jista’ jkun prattiku li jintuża kurrier għal operazzjonijiet regolari ta’ trasport jew kunsinni urġenti. |
| Mill-uffiċjali tad-dwana nfushom | Kunsinna diretta lil-laboratorju tad-dwana. Ir-regolamenti dwar it-trasport ta’ sustanzi perikolużi (ADR), għandhom jiġu osservati, sakemm il-kampjuni ma jiġux trasportati f’ċirkostanzi li jippermettu eżenzjonijiet mill-ADR. |
Ara l-gwida nazzjonali tiegħek għal aktar tagħrif dwar it-trasport tal-kampjuni.
Ġeneralment, ma jkunx meħtieġ li tibgħat il-kampjuni lil-laboratorju tad-dwana minnufih, sakemm l-uffiċċju tad-dwana jkollu l-faċilitajiet ta’ ħażna adattati. Il-kampjuni jistgħu jinġabru u jintbagħtu lil-laboratorju tad-dwana perjodikament sakemm ikunu qed jiġu osservati l-limiti ta’ żmien għall-kunsinna tal-kampjuni lil-laboratorju.
Għat-trasport normali bil-kurrier, l-uffiċċji tad-dwana kollha jistgħu jkunu kkollegati permezz ta’ network tat-trasport sabiex ikun assigurat il-ġbir tal-kampjuni minn żmien għal żmien. Għal raġunijiet ta’ prattiċità jista’ jkun li ma jkunx dejjem possibbli li l-uffiċċji tad-dwana kollha jingħaqdu man-network tat-trasport. Dan jista’ jkun il-każ ta’ uffiċċju iżolat tal-fruntiera jew uffiċċju fejn rari jittieħdu kampjuni. Dawk l-uffiċċji jistgħu jibagħtu l-kampjuni tagħhom b’wieħed mill-metodi l-oħrajn. It-trasport urġenti tal-kampjuni jista’ jkun organizzat permezz tal-kurrier, li jista’ jwassal il-kampjuni fi żmien 24 siegħa jew inqas. Kun żgur li l-kurrier joffri l-kundizzjonijiet ta’ ħażna u tat-trasport addattati għall-kampjun.
Għat-trasport, il-kampjuni jistgħu jitqiegħdu f’pakketti addizzjonali (kaxxi tal-kartun, ċestuni, kontenituri speċjali tal-kampjuni, eċċ.) jew f’kontenituri tad-distribuzzjoni. Dawn jistgħu jimtlew bil-vermikolat jew prodott inert ieħor f’forma ta’ pritkuni li jaġixxi bħala ppakkjar u mili. Dan jevita l-ħsara u jekk ikun hemm xi tnixxija, il-likwidu jiġi assorbit.
Il-kampjuni ffriżati jew imkessħa jiġu ttrasportati fi friża mobbli, kaxxi tat-tkessiħ jew, għal distanzi qosra, f’boroż jew f’kaxxi ta’ insulazzjoni tat-temperatura. Il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u għandha tiġi rreġistrata.
Kampjuni miksuba minn prodotti li jitħallew jinħallu m’għandhomx jerġgħu jiġu ffriżati sakemm ma jitħassrux mod ieħor.
Il-kampjuni tal-ikel u l-prodotti kimiċi għandhom ikunu separati fil-vettura tat-trasport (stivi tal-merkanzija, kaxxi tal-ippakkjar, eċċ.) sabiex wieħed jipprevjeni kwalunkwe kuntatt dirett bejniethom.
TWISSIJA
Il-kampjuni ta’ sustanzi li jistgħu jinteraġixxu qatt m’għandhom jinħażnu jew jiġu ttrasportati fl-istess kaxxa. Kwalunkwe interazzjoni fiżika jew kimika jew kontaminazzjoni bejn l-oġġetti li taffettwa l-kampjuni jew li tista’ toħloq sitwazzjoni perikoluża (dħaħen, nar jew splużjoni) għandha tkun evitata.
It-trasport tal-kampjuni ta’ prodotti kimiċi li jistgħu jaqbdu waħedhom, jisplodu jew jarmu gassijiet tossiċi waqt it-trasport għandu jsir minn kuntratturi speċjalizzati.
Il-kampjuni ta’ materjali li jistgħu jiġġeneraw skariki statiċi għandhom ikunu ttrasportati ppakkjati f’materjal li ma jgħaddix elettriku minnu. Trasport bit-triq ta’ merkanzija perikoluża (ADR) Għat-trasport ta’ kampjuni li huma kklassifikati bħala oġġetti perikolużi (ara t-Taqsima 14 “informazzjoni dwar it-trasport” tal-SDS) ir-regolamenti tal-
ADR għandhom ikunu osservati.
Il-persunal kollu involut fl-ippakkjar, fit-trażmissjoni u fit-trasport jeħtieġ li jirċievi aġġornamenti regolari dwar ir-regolamenti tal-ADR rilevanti.
Kumment: F’xi Stati Membri d-dwana għandha eċċezzjoni ġenerali mir-regoli tal-ADR, madankollu, huwa rrakkomandat ħafna li jiġu segwiti r-regoli għas-saħħa u s-sikurezza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ protezzjoni ambjentali f’każ ta’ aċċidenti jew tixrid.
Meta kampjuni li huma kklassifikati bħala oġġetti perikolużi jiġu ttrasportati minn kuntrattur (eż. posta, kurrier, distributur) l-ispeditur huwa responsabbli biex jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-kuntrattur jittratta l-kunsinna b’mod sikur. Għandu jkun hemm konformità ma’ kwalunkwe rekwiżit stabbilit mill-kuntrattur rigward il-kwantitajiet, l-ippakkjar u t-tikkettar.
It-trasport ta’ kwantitajiet kbar ta’ oġġetti perikolużi jeħtieġ miżuri estensivi (eż. fir-rigward tal-vetturi tat-trasport, it-taħriġ tal-persunal, l-ippakkjar, eċċ.).
Normalment, l-uffiċjali tad-dwana jkunu meħtieġa jittrasportaw biss kwantitajiet żgħar ta’ oġġetti perikolużi (eż. prodotti kimiċi, drogi illegali, likwidi li jaqbdu). Hemm żewġ eżenzjonijiet mir-regolamenti sħaħ tal-ADR għat-trasport ta’ kwantitajiet limitati ta’ oġġetti perikolużi, li jistgħu jiġu applikati (ara l-punti A u B hawn taħt).
Dan li ġej huwa astratt qasir tar-regolamenti tal-ADR dwar it-trasport ta’ kwantitajiet limitati. Irreferi dejjem għall-amministrazzjoni nazzjonali tiegħek għal informazzjoni dettaljata.
A) Trasport bħala “Kwantità Limitata” (Kapitolu 3.4 tal-ADR)
- Kull oġġett perikoluż jiġi ppakkjat f’ippakkjar intern u jiġi kkombinat f’ippakkjar estern.
- Il-massa grossa totali tal-pakkett kollu ma għandhiex taqbeż it-30 kg.
- Il-limiti tal-kwantità għall-ippakkjar intern jiddependu fuq in-natura ta’ oġġett perikoluż. Huma speċifikati fil-Kolonna 7(a) tat-Tabella A tal-Kapitolu 3.2 tal-ADR. L-informazzjoni meħtieġa dwar in-numru NU u l-Grupp tal-Ippakkjar tista’ tinstab fl-SDS fit-Taqsima 14 “informazzjoni dwar it-trasport”. Għal ftit eżempji ta’ kampjuni tad-dwana tipiċi ara t-tabella ta’ hawn taħt. Jekk il-Kolonna 7(a) tat-Tabella A tal-Kapitolu 3.2 tal-ADR tindika “0”, il-kampjun ma jistax jiġi ttrasportat bħala kwantità limitata.
- L-ippakkjar jeħtieġ li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Kapitolu 6.1 tal-ADR iżda ma għandux għalfejn jiġi ttestjat għall-eżami tat-tip (ħlief għall-klassi 1).
- L-ippakkjar ta’ barra jiġi ttikkettat bis-sinjal li ġej:
 | u fil-każ ta’ likwidi: |  |
- It-trasportatur jeħtieġ li jkollu informazzjoni dwar il-piż gross tal-kunsinna
- Il-persunal kollu involut fl-ippakkjar, fit-trażmissjoni u fit-trasport jeħtieġ li jirċievi aġġornamenti regolari dwar ir-regolamenti tal-ADR rilevanti.
| Kampjun | Numru NU | Grupp tal-Ippakkjar | Ammont massimu ta’ ippakkjar intern |
| etanol pur | 1170 | II | litru |
| 40 % etanol | 1170 | III | ħames litri |
| gażolina | 1203 | II | litru |
| diżil | 1202 | III | ħames litri |
| żejt tal-fjuwil tqil | 3077 | III | 5 kg |
| kokaina | 1544 | III | 5 kg |
| metamfetamina | 2811 | II | 500 g |
| eroina | 1544 | I | 0 g |
B) Trasport li juża “Eżenzjoni ta’ Tagħbija Żgħira” jew “Regola tal-1 000 Punt” (it-Taqsima 1.1.3.6 tal-ADR)
- L-oġġetti perikolużi għandhom jiġu ppakkjati f’ippakkjar ittestjat għall-eżami tat-tip b’kodiċi NU fuq barra. Immarka: għall-kaxxi tal-kartun, it-tejp u l-ippakkjar ta’ ġewwa (eż. boroż tal-plastik) huma parti mit-test tal-eżami tat-tip.
- Il-pakketti għandhom ikunu ttikkettjati bl-informazzjoni li ġejja: speditur, destinatarju, numru NU, it-tikketta tal-klassi ta’ periklu, vleġeġ ta’ orjentazzjoni fil-każ ta’ likwidi.
- Il-vettura għandha tkun mgħammra b’apparat għat-tifi tan-nar (min. 2 kg).
- Il-limiti tal-kwantità jirreferu għat-tagħbija totali għal kull vettura (inkluż it-trejler). Dawn huma kkalkulati kif muri hawn taħt. Hemm diversi applikazzjonijiet online li jwettqu dawn il-kalkoli diment li jkollok l-informazzjoni kollha meħtieġa.
Kategorija tat-trasport hija assenjata għal kull oġġett perikoluż (ara l-Kapitolu 3.2 tal-ADR, it-Tabella A, il-Kolonna 15). Hemm il-kategoriji 0, 1, 2, 3 u 4 skont in-numru NU, il-klassi u l-grupp tal-ippakkjar tal-oġġett perikoluż. Il-kwantità totali massima għal kull trasport għal kull kategorija ta’ trasport hija murija hawnhekk:
tabella 1: kwantitajiet massimi għal “eżenzjoni għal tagħbija żgħira”
| kategorija tat-trasport | kwantità totali massima għal kull trasport (piż nett f’kg jew f’litri) |
| 0 | 0 |
| 1 | 20 |
| 2 | 333 |
| 3 | 1000 |
| 4 | Bla limitu |
ara: ADR 1.1.3.6.3
Eżempju:- Il-gażolina (NU 1203, klassi 3, grupp tal-ippakkjar II) hija assenjata għall-kategorija tat-trasport 2 u għalhekk jistgħu jiġu ttrasportati 333 litru taħt l-eżenzjoni għal tagħbija żgħira. Bl-istess mod, it-trasport ta’ kampjuni tal-gażolina u kampjuni ta’ etanol pur (NU 1170, klassi 3, grupp tal-ippakkjar II, kategorija tat-trasport 2) jista’ jġorr tagħbija totali ta’ 333 litru.
- Jekk oġġetti perikolużi b’kategoriji differenti ta’ trasport għandhom jiġu trasportati, il-kwantitajiet (piż f’kg jew volum f’litri) jiġu mmultiplikati b’fattur kif muri fit-tabella 2 u magħduda. Ir-riżultat ma jistax jaqbeż in-numru 1 000, jiġifieri r-“regola ta’ 1 000 punt”.
tabella 2: fatturi ta’ multiplikazzjoni għar-“regola ta’ 1 000 punt”
| kategorija tat-trasport | fattur |
| 0 | l-ebda trasport bħala “tagħbija żgħira” |
| litru | 50 |
| 2 | 3 |
| 3 | 1 |
| 4 | l-ebda limitu ta’ kwantità |
ara: ADR 1.1.3.6.4
Eżempji:
- Eżempju 1:
- Trasport ta’ kampjuni (litru kull wieħed): 30 kampjun ta’ etanol pur, 20 kampjun ta’ fjuwil tad-diżil, 10 kampjuni tal-gażolina
| Numru tal-NU | l-isem | kategorijatat trasport | fattur | kwantità | punti |
| 1170 | etanol | 2 | 3 | 30 L | 90 |
| 1202 | diżil | 3 | 1 | 20 L | 20 |
| 1203 | gażolina | 2 | 3 | 10 L | 30 |
punti totali: 140
F’dan l-eżempju t-trasport jista’ jagħmel użu mill-“eżenzjonijiet ta’ tagħbija żgħira”.
- Eżempju 2:
- Trasport ta’ qabda ta’ 50 kg kokaina, qabda ta’ 50 kg ta’ metamfetamina, qabda ta’ 15 kg ta’ eroina:
| Numru tal-NU | l-isem | Kategorija tat trasport | fattur | kwantità | punti |
| 1544 | kokaina | 2 | 3 | 50 kg | 150 |
| 2811 | metamfetamina | 2 | 3 | 50 kg | 150 |
| 1544 | eroina | 1 | 50 | 15 kg | 750 |
punti totali: 1050
F’dan l-eżempju t-trasport ma jistax jagħmel użu mill-“eżenzjonijiet ta’ tagħbija żgħira”.
Is-sewwieq jeħtieġ li jġorr dokument tat-trasport tal-ADR li jkun fih l-informazzjoni li ġejja: speditur, destinatarju u għal kull numru NU fuq it-trasport: għadd ta’ pakketti, il-kodiċi ta’ restrizzjoni tal-mini (ara: Kapitolu 3.2 tal-ADR Tabella A kolonna 15), piż nett totali.
Twissija Jekk ikollok xi dubju dwar l-ippakkjar u t-trasport ta’ oġġetti perikolużi jew sustanzi mhux magħrufa, staqsi lil-laboratorju tad-dwana għal parir.
Ir-regoli u r-rekwiżiti ta’ hawn fuq mhumiex eżawrjenti u japplikaw skont iċ-ċirkostanzi individwali. Regoli differenti japplikaw għat-trasport bl-ajru (IATA) jew bil-baħar (IMDG). Il-kampjun għandu jasal fil-laboratorju fil-kundizzjoni tajba biex ikun aċċettabbli. Għandek tassigura li l-kriterji li ġejjin ikunu ssodisfati waqt it-trasport u t-trasferiment lejn il-laboratorju. Il-laboratorju jikkuntattja lill-uffiċjal tad-dwana u għandu d-dritt li jirrifjuta l-kampjun jekk dawn il-kriterji ma jkunux issodisfati.
Kull kampjun għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:
- Il-kampjuni għandhom ikunu ttikkettati bid-dettalji tal-kampjun, inkluża r-referenza tal-kampjun.
- Il-kampjun għandu jkun issiġillat. Kampjun jitqies issiġillat jekk waħda mill-kriterji li ġejjin ikunu ssodisfati:
- Il-kampjun jiġi kkunsinnat direttament minn uffiċjal tad-dwana.
- L-ippakkjar jew il-kontenitur tal-kampjun innifsu jiġi ssiġillat b’mod xieraq għat-tip ta’ kontenitur użat, kif imsemmi fil-paragrafu 2. L-issiġillar. Pakkett wieħed jista’ jkun fih diversi kampjuni, issiġillati separatament jew le.
- Il-kampjun ikun jikkonsisti f’oġġett li miegħu twaħħlet tikketta u jkun issiġġillat b’mod xieraq.
- Il-pakkett għandu jkun intatt u magħluq. Il-limitu ta’ żmien għall-kunsinna lil-laboratorju m’għandux jinqabeż bi qbil mal-gwida nazzjonali u r-regolamenti nazzjonali.
- Il-kampjuni għandhom ikunu akkumpanjati minn formola dwar it-Teħid ta’ kampjuni mimlija kollha.
- L-ammont tal-kampjuni għandu jkun biżżejjed biex jitwettqu l-analiżijiet. Għal ċerti komoditajiet speċifiċi dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu ssodisfati:
- Il-prodotti surġelati m’għandhomx ikunu nħallu.
- Il-prodotti li normalment jinżammu f’temperaturi baxxi (il-butir, il-prodotti tal-ħalib, il-meraq tal-frott) għandhom ikunu nżammu f’dawn it-temperaturi.
- Il-prodotti li aktarx jiffermentaw għandhom jiġu mmaniġġati b’attenzjoni u għandhom jitqiegħdu fi friġġ mill-aktar fis possibbli.
- Il-kampjuni ta’ żjut minerali għandhom jiġu ppreżentati f’kaxxi tat-trasport protettivi u għandhom ikunu ċċekkjati sabiex ikun żgurat li ma ħariġx il-kontenut.
- Meta l-kampjuni jkunu fil-pakkett oriġinali tagħhom għall-bejgħ bl-imnut, dan il-pakkett għandu jkun intatt.
- Il-kampjuni kimiċi li jkunu mmarkati uffiċjalment b’simboli ta’ periklu, bħal kranju, simbolu ta’ fjamma jew is-simbolu ta’ splużjoni, għandhom ikunu ttrasportati f’kaxxi tal-kampjuni apposta (ara r-rakkomandazzjonijiet dwar l-Ippakkjar).