Il-Kummissjoni tissospendi l-kooperazzjoni transkonfinali u l-kooperazzjoni transnazzjonali mar-Russja u l-Belarussja

  • 04 March 2022
Il-Kummissjoni tissospendi l-kooperazzjoni transkonfinali u l-kooperazzjoni transnazzjonali mar-Russja u l-Belarussja

Wara l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u f'konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timplimenta bis-sħiħ il-miżuri restrittivi kollha tal-UE, il-Kummissjoni ssospendiet il-kooperazzjoni mar-Russja u l-alleata tagħha il-Belarussja fil-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI CBC) kif ukoll fil-programm Interreg tar-reġjun tal-Baħar Baltiku.

Dan ifisser, fost l-oħrajn, li mhux se jsiru aktar pagamenti lir-Russja jew lill-Belarussja. Is-sospensjoni għandha effett immedjat għad-disa' programmi tal-ENI CBC li jinvolvu r-Russja u l-Belarussja u għall-programm transnazzjonali Interreg tar-reġjun tal-Baħar Baltiku taħt il-perjodu ta' programmazzjoni 2014–2020. Il-finanzjament globali tal-UE għat-tmien programmi mar-Russja huwa ta' EUR 178 miljun, filwaqt li l-finanzjament totali tal-UE għaż-żewġ programmi mal-Belarussja jammonta għal EUR 257 miljun. Ir-regoli dwar l-ENI CBC jipprevedu s-sospensjoni tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi esterni f'każ ta' ksur tad-dritt internazzjonali, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi u tal-istat tad-dritt.*

Il-kooperazzjoni maż-żewġ pajjiżi fil-programmi taħt il-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid 2021–2027 hija sospiża wkoll.

Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “L-aggressjoni militari Russa hija ksur sfaċċat tal-Karta tan-NU, tad-dritt internazzjonali u tal-ordni bbażat fuq ir-regoli. Is-sospensjoni tal-programmi u l-pagamenti transfruntiera u transnazzjonali kollha lir-Russja u lill-Belarussja u, fl-istess ħin, it-tisħiħ tal-appoġġ lill-Ukrajna hija espressjoni konkreta tas-solidarjetà tal-politika Ewropea u ta' Koeżjoni mal-poplu tal-Ukrajna.”

Aktar appoġġ lill-Ukrajna

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tesplora b'mod urġenti l-possibbiltajiet legali u operazzjonali biex issaħħaħ il-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera eżistenti bejn il-pajjiżi tal-UE (il-Polonja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja) u l-Ukrajna, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-Programm tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed tal-ENI CBC jew fil-Programm Transnazzjonali Interreg tad-Danubju.

B'aktar minn elf sħubija eżistenti bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali tar-reġjuni tal-fruntiera tal-UE u tal-Ukrajna, il-programmi joffru opportunitajiet biex jingħata appoġġ rapidu u effettiv lill-Ukrajna, inkluż lir-refuġjati. 

Sfond

L-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) huwa l-istrument finanzjarju ewlieni tal-politika barranija tal-UE lejn il-ġirien tagħha fil-Lvant u fin-Nofsinhar.

Il-programm ta' Kooperazzjoni Transkonfinali tal-ENI (ENI CBC) 2014–2020 — li għandu jissejjaħ “Interreg NEXT 2021–2027” fil-perjodu ta' programmazzjoni 2021–2027 — huwa ffinanzjat mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Politika ta' Koeżjoni tal-UE. Huwa jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli tul il-fruntieri esterni tal-UE u jgħin biex jitnaqqsu d-differenzi fl-istandards tal-għajxien u jindirizza l-isfidi komuni bejn dawn il-fruntieri. Dan jippermetti wkoll il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-partijiet interessati reġjonali u lokali tal-pajjiżi msieħba, abbażi tal-prinċipju tas-sħubija fuq bażi ugwali. 

L-ENI CBC li jinvolvi r-Russja jew il-Belarussja huma dawn li ġejjin: ‘Kolarctic', ‘Karelia', ‘ix-Xlokk tal-Finlandja/ir-Russja', ‘l-Estonja/ir-Russja', ‘il-Latvja/ir-Russja', ‘il-Litwanja/ir-Russja', ‘il-Polonja/ir-Russja', ‘il-Latvja/il-Litwanja/il-Belarussja', ‘il-Polonja/il-Belarussja/l-Ukrajna'. Barra minn hekk, ir-Russja hija involuta fil-programm ta' kooperazzjoni transnazzjonali tar-reġjun tal-Baħar Baltiku.

Il-programmi ENI CBC u Interreg li jinvolvu l-Ukrajna huma: ‘Il-Polonja/il-Belarussja/l-Ukrajna', ‘l-Ungerija/is-Slovakkja/ir-Rumanija/l-Ukrajna', ‘ir-Rumanija/l-Ukrajna', ‘il-Baċir tal-Baħar l-Iswed', ‘il-programm Interreg tar-Reġjun tad-Danubju'.

Aktar informazzjoni