breadcrumb.ecName

25 finalista mħabbra għall-kompetizzjoni RegioStars 2021

  • 10 September 2021
25 finalista mħabbra għall-kompetizzjoni RegioStars 2021

Il-Kummissjoni ħabbret il-25 finalista tal-premjijiet RegioStars 2021 għall-aħjar proġetti tal-politika ta’ Koeżjoni.

Din l-edizzjoni tkopri ħames kategoriji:

  • “Ewropa intelliġenti: Iż-żieda fil-kompetittività tan-negozji lokali f’dinja diġitali”,
  • “Ewropa ekoloġika: Il-komunitajiet ekoloġiċi u reżiljenti fl-ambjent urban u rurali”,
  • “Ewropa ġusta: It-trawwim tal-inklużjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni”,
  • “Ewropa urbana: Il-promozzjoni ta’ sistemi tal-ikel ekoloġiċi, sostenibbli u ċirkolari f’żoni urbani funzjonali”,
  • u s-Suġġett speċifiku tas-Sena “It-tisħiħ tal-mobbiltà ekoloġika fir-reġjuni: Is-sena Ewropea tal-Ferroviji”.

Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-riformi, Elisa Ferreira, qalet: “Din is-sena għal darb’oħra ksirna r-rekord f’termini ta’ parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni ewlenija tal-Politika ta’ Koeżjoni, b’214-il applikazzjoni li waslu minn madwar l-Ewropa kollha. L-għan tal-għotjiet ta’ RegioStars huwa li jinstabu proġetti li jservu ta’ xempju tal-kwalità u li jistgħu jkunu ta’ ispirazzjoni għal oħrajn biex isegwuhom. Peress li l-politika ta’ Koeżjoni hija impenjata li ma tħalli lil ħadd lura, ninsab kuntent li nara eżempji eċċellenti ta’ dan l-approċċ inklużiv fost il-finalisti ta’ RegioStars 2021”.

Ġurija indipendenti għażlet ħames finalisti għal kull kategorija fost l-applikazzjonijiet ta’ kwalità għolja li waslu. B’mod partikolari, il-ġurija għażlet proġetti li jinsabu:

  • fil-Flanders u fil-Wallonia fil-Belġju, fir-reġjun ta’ Kaunas fil-Litwanja,
  • fir-reġjun tad-Danimarka tat-Tramuntana,
  • fil-Kontea ta’ Krapina Zagorje fil-Kroazja,
  • fis-Silesia ta’ Isfel fil-Polonja,
  • fl-Emilia Romagna fl-Italja,
  • fir-Reġjun Centro fil-Portugall

Kif ukoll proġetti ffinanzjati minn Programmi Interreg differenti:

  • “Il-Baħar tat-Tramuntana”,
  • “Franza-Spanja-Andorra”,
  • “l-Irlanda-l-Irlanda ta’ fuq-l-Iskozja”,
  • “l-Italja-l-Awstrija”,
  • “spazju Alpin”,
  • “Nord” ,
  • “EMR”,
  • “l-Ewropa tal-Majjistral”,
  • “il-Kroazja-Bożnija-Ħerzegovina-Montenegro”,
  • “il-Mediterran tal-Balkani”.

Ir-rebbieħa tal-kategorija 5 tar-RegioStars 2021 u r-rebbieħ tal-Premju għall-għażla Pubblika sejrin jitħabbru fit-2 ta’ Diċembru 2021 matul iċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni f’Dubrovnik, fil-Kroazja. Il-lista sħiħa tal-finalisti tista’ tinstab hawnhekk. Mil-lum, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jivvota għall-proġett favorit tiegħu sal-15 ta’ Novembru hawnhekk.