Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
L-FEŻR għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea billi jikkoreġi l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni tagħha.
L-FEŻR jiffoka l-investimenti tiegħu fuq diversi oqsma ta' prijorità. Din hija magħrufa bħala "konċentrazzjoni tematika":
- L-Innovazzjoni u r-riċerka;
- L-aġenda diġitali;
- L-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs);
- L-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.
Ir-riżorsi tal-FEŻR allokati lil dawn il-prijoritajiet ser jiddependu fuq il-kategorija tar-reġjun.
- F'reġjuni aktar żviluppati, tal-anqas 80 % tal-fondi għandhom jiffukaw fuq tal-anqas tnejn minn dawn il-prijoritajiet;
- F'reġjuni ta' tranżizzjoni, dan il-fokus huwa għal 60 % tal-fondi;
- Din hija 50 % fir-reġjuni li għadhom lura.
Barra minn hekk, xi riżorsi tal-FEŻR għandhom jiġu ddedikati speċifikament għall-proġetti ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju:
- Ir-reġjuni "L-aktar żviluppati": 20 %;
- Ir-reġjuni ta' tranżizzjoni: 15 %; u
- Reġjuni li għandhom lura: 12 %.
Kooperazzjoni Territorjali Ewropea
Taħt il-programmi ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropew, tal-anqas 80 % tal-fondi ser jiġu kkonċentrati fuq dawn l-erba' oqsma ta' prijorità msemmija hawn fuq.
Karatteristiċi Territorjali Speċifiċi
L-FEŻR jagħti wkoll attenzjoni partikolari lil karatteristiċi territorjali speċifiċi. L-azzjoni tal-FEŻR hija maħsuba biex tnaqqas il-problemi ekonomiċi, ambjentali u soċjali fiż-żoni urbani, b'fokus speċifiku fuq l-iżvilupp urban sostenibbli. Tal-anqas 5 % tar-riżorsi tal-FEŻR huma mwarrba għal dan il-qasam, permezz ta' "azzjonijiet integrati" ġestiti mill-ibliet.
Iż-żoni li huma żvantaġġati b'mod naturali minn perspettiva ġeografika (żoni remoti, muntanjużi jew bi ftit popolazzjoni) jibbenefikaw minn trattament speċjali. Fl-aħħar nett, ir-reġjuni l-aktar imbiegħa jibbenefikaw ukoll minn assistenza speċifika mill-FEŻR biex jindirizzaw l-iżvantaġġi possibbli minħabba d-distanza tagħhom.