|
|
|
|
JRC - Ċentru Konġunt tar-Riċerka
|
|
|
Science Flash For You
Servizz tax-xjenza u l-għarfien ta’ Malta u l-Kummissjoni Ewropea
|
|
|
|
|
|
|
Segwina
|
|
|
|
Aħbarijiet
|
|
Il-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) fil-ġlieda kontra l-coronavirus
|
Il-JRC ikkontribwixxa wkoll għal inizjattivi ta' appoġġ għall-irkupru wara l-kriżi. Il-mużewijiet fetħu? Irrid nilbes maskra fil-pubbliku? Fil-bidu ta' Ġunju, il-JRC żviluppa 'Re-open EU', website u mappa interattiva apposta għat-turisti li, dan is-sajf, jixtiequ jivvjaġġaw b'mod sikur fl-UE. Fiha informazzjoni f'ħin reali dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, pariri dwar l-ivvjaġġar, miżuri rigward is-saħħa u s-sikurezza pubblika, u servizzi tat-turiżmu disponibbli. Iċ-ċittadini madwar l-Ewropa kollha se jkollhom aċċess faċli għall-informazzjoni kollha li għandhom bżonn biex jippjanaw il-vjaġġ tagħhom b'moħħhom mistrieħ u jgawdu l-vaganza tagħhom b'mod sikur.
|
|
|
|
Dan huwa biss wieħed mill-ħafna eżempji tal-kontribut tal-JRC bħala parti mir-rispons tal-Kummissjoni Ewropea għall-kriżi tal-COVID-19 permezz ta’ evidenza xjentifika, għodod u data sodi. Mit-tħejjija ta’ linji gwida u ta’ reaġenti għall-kontrolli pożittivi għall-ittestjar u għall-karatterizzazzjoni aħjar tal-pandemija, sal-analiżi tal-impatti ekonomiċi, il-JRC qed jevalwa u jantiċipa l-evoluzzjoni tal-kriżi biex ikun jista’ iġestiha aħjar u jħejji l-passi li jmiss għall-istrateġija ta’ ħruġ. Il-JRC qed jimmonitorja s-sitwazzjoni mill-perspettiva taċ-ċittadini, u qed jagħmel l-almu tiegħu biex jifhem il-biżgħat u t-tħassib tagħhom b’rabta ma’ aspetti ta’ sigurtà u aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali. F’Marzu, ix-xjenzati tal-JRC iddisinjaw reaġent għall-kontrolli pożittivi ġdid biex jgħinu fil-prevenzjoni ta’ fallimenti tat-testijiet għall-coronavirus, u biex dawn ikunu iktar akkurati. In-nuqqas ta’ reaġenti għall-kontrolli pożittivi kien wieħed mill-isfidi ewlenin li ffaċċjaw il-laboratorji b’rabta mal-implimentazzjoni affidabbli ta’ testijiet dijanjostiċi għall-coronavirus. Mill-1 ta’ April, laboratorji u ċentri ta’ riċerka f’pajjiżi fl-Ewropa kollha bdew jirċievu kampjuni ta’ materjal mibgħuta mill-JRC. Fil-15 ta’ April, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan Direzzjonali Ewropew għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-coronavirus. Kif stqarret Mariya Gabriel, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-JRC, id-disponibbiltà ta’ data affidabbli maż-żmien hija essenzjali għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment. Bl-appoġġ tal-JRC, il-Kummissjoni żviluppat kriterji tal-prestazzjoni tat-testijiet biex ittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tagħhom, u dan se jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Il-Laboratorju Ewropew għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-JRC nieda bażi ta’ data unika ta’ miżuri ta’ konteniment u tal-persuni milquta, li tkopri 35 pajjiż mill-Ewropa kollha. Din id-data, li tiġi aġġornata kuljum, tinkorpora wkoll data lokali dwar l-għadd ta’ kontaġji u mwiet ikkawżati mill-COVID-19 miġbura direttament minn sorsi nazzjonali, u dwar il-miżuri ta’ konteniment adottati mill-pajjiżi. L-oqsma ewlenin għall-monitoraġġ u l-analiżi tal-bażi ta’ data jinkludu enfasi fuq it-tbegħid soċjali, il-mobbiltà internazzjonali u interna, u l-aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi primarji.
|
|
|
|
|
|
|
Malta huwa l-pajjiż l-aktar urbanizzat fl-UE
|
Skont ir-rapport tal-JRC “Atlas of the Human Planet”, Malta huwa l-pajjiż l-aktar urbanizzat fl-Unjoni Ewropea, u 95 % tal-popolazzjoni tiegħu tgħix f’żoni urbani. Wara Malta, skont data li nġabret qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, insibu r-Renju Unit (85 %) u n-Netherlands (82 %) rispettivament.
|
|
|
|
Illum, aktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni tad-dinja tgħix f’żoni urbani. L-Atlas, li fih data mill-aħħar erba’ deċennji rigward madwar 240 pajjiż u territorju, juri kif il-bniedem stabbilixxa ruħu fid-dinja u urbanizza l-pjaneta. Mill-1975-2015, il-proporzjon ta’ nies li jgħixu f’żoni urbani żdied minn 69 % għal 76 %. Din l-edizzjoni hija r-raba’ waħda fis-serje tal-“Atlas of the Human Planet”. Edizzjonijiet preċedenti tal-Atlas iffukaw fuq il-bliet, l-esponiment għall-perikli naturali u l-immappjar taż-żoni abitati mill-bniedem mill-ispazju. L-Atlas fih data dwar aspetti oħra bħall-effiċjenza fl-użu tal-art, xejriet tal-varjabbli soċjetali u xejriet ambjentali. Jidher li fil-perjodu kopert mill-pubblikazzjoni, l-emissjonijiet totali ta’ CO2 f’Malta kwadruplikaw, bl-akbar żieda rreġistrata bejn l-1975 u l-1990. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-livelli huma pjuttost komparabbli.
|
|
|
|
|
|
L-Atlas tal-JRC dwar il-Migrazzjoni jenfasizza d-data dwar Malta
|
Fl-2018, f’Malta tressqu aktar minn 2,000 applikazzjoni għall-ewwel darba għall-ażil, u dan l-għadd jikkostitwixxi żieda meta mqabbel mat-tliet snin ta’ qabel. Skont id-data tal-aħħar edizzjoni tal-Atlas tal-JRC dwar il-Migrazzjoni, li jkopri l-Istati Membri kollha tal-UE u 160 pajjiż mhux tal-UE, l-għadd ta’ persuni li ngħataw ordnijiet biex jitilqu mill-pajjiż minħabba l-pożizzjoni irregolari tagħhom, jiġifieri madwar 1,500, baqa’ stabbli matul l-istess perjodu.
|
|
|
|
Fl-2018, 3.2 miljun persuna ngħataw l-ewwel permess tar-residenza biex jiċċaqilqu lejn Stat Membru tal-UE u jgħixu fih. Biss ftit snin qabel, fl-2014, it-total kien ta’ 2.3 miljun persuna. Fl-2018, fl-Istati Membri tal-UE saru 588,000 applikazzjoni għall-ewwel darba għall-ażil, jiġifieri ħafna aktar mil-livelli rreġistrati fl-għaxar snin ta’ qabel (fl-2008 saru 153,000 applikazzjoni għall-ewwel darba), iżda dawn naqsu b’aktar min-nofs meta mqabbel mal-livell tal-2015 (1.3 miljun). L-Atlas dwar il-Migrazzjoni huwa ktieb ta’ referenza li jipprovdi stampa tal-migrazzjoni u li jservi bħala bażi ta’ għarfien għal dawk li jfasslu l-politika, għall-partijiet ikkonċernati, għan-negozji, għar-riċerkaturi u għall-pubbliku ġenerali.
|
|
|
|
|
|
In-nies f’Malta għandhom attitudni pożittiva lejn il-ħajja
|
It-tifqigħa severa tal-pandemija tal-COVID-19 qiegħdet taħt prova r-reżiljenza tas-soċjetajiet fl-Ewropa. Illum, aktar minn qatt qabel, intbaħna li r-reżiljenza ta’ kull individwu qed taqdi rwol importanti fis-soluzzjoni b’suċċess għall-kriżi. Studju tal-JRC li sar dan l-aħħar analizza t-tweġibiet ta’ persuni li jgħixu fl-Unjoni Ewropea dwar l-awtovalutazzjoni tal-kapaċità tagħhom li jirnexxu minkejja d-diffikultajiet, u li torbot direttament mar-reżiljenza.
|
|
|
|
F’każ ta’ diffikultà, 30 % tal-poplu Malti, meta mqabbel ma’ 40 % fil-livell Ewropew, iddikjaraw li ma jdumux wisq biex jerġgħu lura għan-normalità. Liema strateġiji jużaw biex ilaħħqu ma’ tnaqqis sostanzjali fid-dħul tagħhom? F’Malta, żewġ persuni minn kull ħamsa jagħżlu li jagħmlu użu mill-flus li jkunu faddlu, u li jonfqu inqas. Barra minn hekk, f’Malta, ir-rata tal-persuni li huma aktar probabbli li jiddependu fuq appoġġ mill-istat hija ta’ aktar minn persuna waħda minn kull ħamsa, u din hija ogħla mill-medja Ewropea. L-attitudni lejn il-ħajja tal-poplu Malti tidher li hija pożittiva. Aktar minn 90 fil-mija ddikjaraw li huma kuntenti, li huma sodisfatti bil-ħajja (93 %), li ma jħossuhomx waħedhom (89 %) u li jgawdu minn sitwazzjoni tas-saħħa tajba jew tajba ħafna (86 %).
|
|
|
|
|
|
Malta hija l-pajjiż bl-aqwa prestazzjoni fil-Mediterran, fir-rigward ta’ kif żviluppa d-dħul taċ-ċittadini
|
Il-kriżi ekonomika kbira tal-2008-2009 kellha impatt qawwi fuq il-pajjiżi kollha tal-Mediterran. Madankollu, fir-rigward ta’ kif żviluppa d-dħul taċ-ċittadini, il-prestazzjoni ta’ Malta hija fost l-aqwa mhux biss meta titqabbel ma’ dik tal-pari tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tal-UE kollha.
|
|
|
|
Din it-tabella tieħu kampjun ta’ persuni f’Malta li għandhom aktar minn 15-il sena, tiddistingwihom skont id-dħul domestiku wara t-taxxa u taqsamhom f’ħames partijiet indaqs, li huma rrappreżentati minn linji vertikali. L-għoli tal-linji vertikali jindika l-ammont tipiku tad-dħul tal-membri ta’ dawn il-gruppi, imqabbel mad-dħul ta’ ċittadin tal-UE fi grupp fil-livell tal-UE definit b’mod simili. Kemm fl-2007 kif ukoll fl-2017, il-vantaġġ relattiv ta’ grupp ta’ dħul huwa aktar baxx fil-livelli ogħla tal-ammont tipiku tad-dħul, u huma biss dawk fl-aktar tnejn baxxi li, bħala medja, għandhom aktar mill-pari tagħhom. Sal-2017, il-livelli tad-dħul naqsu b’mod konsiderevoli kważi fil-pajjiżi kollha tal-Mediterran. Dan it-tnaqqis drastiku kellu l-ikbar effett fuq min kien qrib sitwazzjoni ta’ faqar. Unikament, Malta rnexxielha żżomm id-dħul tal-anqas fil-livelli ta’ qabel il-kriżi għall-gruppi kollha ta’ dħul.
|
|
|
|
|
|
Avvenimenti
|
|
Ir-rebbieħa tal-JRC Malta Young Scientist Award iżuru Sevilja
|
Alison Zammit u Brian Azzopardi, żewġ studenti tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) li ngħataw il-Malta Young Scientist Award 2019, żaru s-sit xjentifiku tal-JRC f’Sevilja eżatt qabel bdiet it-tifqigħa tal-COVID-19. Hemmhekk ingħataw rwol ta’ assistenza u taw kontribut lill-ħidma tax-xjenzati tal-JRC fl-oqsma tal-Enerġija, it-Trasport, il-Klima u l-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti.
|
|
|
|
L-oqsma ta’ ħidma relatati mal-interess tagħhom huma l-mitigazzjoni tal-karbonju u l-kontaminanti li jniġġsu, il-ġestjoni tat-trasport u l-elettrifikazzjoni u t-tranżizzjoni enerġetika. Alison taħdem fuq mudelli ta’ tbassir għall-użu tal-ilma li jiskula bħala riżorsa tal-ilma fi klimi semiaridi. Ir-riċerka ta’ Brian hija ffokata fuq l-analiżi tat-taħlitiet tal-enerġija u fuq applikazzjonijiet bħal grilji żgħar, b’attenzjoni speċifika fuq l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji li jaħdmu bl-enerġija alternattiva. Iż-żewġ xjenzati Maltin skambjaw l-għarfien tagħhom mat-tim tal-JRC tal-Unità tal-Ekonomija tat-Tibdil fil-Klima, l-Enerġija u t-Trasport. Ġew akkumpanjati minn Melchior Cini tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), li huwa wkoll il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-JRC f’Malta. Iż-żjara ta’ studju f’Sevilja kienet il-premju tal-Malta Young Scientist Award 2019, li ġie organizzat mill-MCST b’kollaborazzjoni mal-JRC.
|
|
|
|
|
|
|