1. Għal xiex jintuża?
It-tagħmir ta’ protezzjoni tal-idejn huwa mfassal sabiex jipproteġik kontra firxa wiesgħa ta’ perikli, inklużi:
- qatgħat u grif;
- temperaturi estremi;
- irritazzjoni tal-ġilda u dermatite; kif ukoll
- kuntatt ma’ sustanzi tossiċi jew korrużivi.
Jeżistu tipi differenti ta’ tagħmir ta’ protezzjoni, skont il-perikli possibbli. L-aktar forma ovvja hija l-ingwanti, li jistgħu jkunu magħmula minn firxa wiesgħa ta’ materjali. Il-kremi protettivi huma wkoll tip ta’ protezzjoni tal-idejn u jistgħu jintużaw bħala għajnuna għall-iġjene tal-ġilda.
Ftakar: il-kremi protettivi ma joffrux protezzjoni tajba kontra l-irritazzjoni tal-ġilda u d-dermatite, li jistgħu jkunu kkawżati minn kuntatt ma’ żjut u prodotti kimiċi oħrajn. M’għandhomx jintużaw minflok l-ingwanti, iżda bħala suppliment għalihom. Biex ikunu effettivi, għandhom jiġu applikati fuq idejn nodfa, fuq il-polz u l-parti t’isfel tad-driegħ, qabel ma jintlibsu l-ingwanti.2. X’tipi huma disponibbli?
| It-tip ta’ ngwanti | Applikazzjoni |
| tal-latex li jintremew wara l-użu | ingwanti standard għall-eżamijiet |
| Mhux tal-latex (użu mediku), li jintremew, eż. nitrile | Eżaminar ta’ prodotti kimiċi mhux magħrufa, drogi, tbajja’ fuq il-ġilda, mard li jittieħed (eż. l-epatite) |
| Ingwanti tal-PVC | Maniġġar ta’ diżil u żjut tal-fjuwil oħrajn, xi prodotti kimiċi komuni |
| Ingwanti twal tal-lastiku/ingwanti industrijali (adattati għat-tiftix fit-tojlits tal-ajruplani, fil-kmamar tal-magni, eċċ.) | Protezzjoni kontra l-eskrementi, il-prodotti kimiċi diżinfettanti u kimiki li jintużaw fid-dar, diżil u żjut tal-fjuwil oħrajn |
| Ingwanti tal-qoton bil-pali tal-id tal-ġilda (adattati għall-eżaminazzjoni tal-merkanzija u għal xogħol ta’ tiftix) | Protezzjoni kontra skaldi, grif u qatgħat żgħar (eż. minn xi xifer raff jew jaqta’) |
| Tal-ġilda u tal-Aramid, jifilħu għall-istrapazz | Protezzjoni kontra qatgħat u grif (oġġetti jaqgħtu) |
| Ingwanti tan-najlon (biex titla’ abbord xi bastiment, eċċ.) | Bil-pala tal-id ma tiżloqx dawn ikollhom qabda tajba u protezzjoni limitata tal-id |
Twissija: L-ingwanti jridu jinħażnu b’mod xieraq u jridu jiġu sostitwiti regolarment. Kemm il-lastiku naturali u kemm il-lastiku artifiċjali jiddekomponu maż-żmien u jistgħu ma jipprovdux il-livell korrett ta’ protezzjoni.
Għall-iskop ta’ teħid ta’ kampjuni l-esponiment tiegħek għal sustanza kimika għandu jkun qasir - iżda huwa importanti li tifhem ir-riskji u l-kapaċitajiet tal-ingwanti. Normalment jintużaw it-termini li ġejjin:
- Permeazzjoni – il-proċess li bih is-sustanza kimika tgħaddi minn ġol-ingwanta fil-livell molekulari. Ir-rata ta’ permeazzjoni tindika għal kemm żmien tista’ tintlibes l-ingwanta. Ingwanta b’rata ta’ permeazzjoni baxxa hija l-aħjar.
- Penetrazzjoni – il-fluss tal-massa tas-sustanza kimika permezz tat-toqob, tal-ħjatat jew qasmiet oħra fl-ingwanta.
- Degradazzjoni – il-bidla li tikkawża ħsara f’waħda mill-proprjetajiet fiżiċi jew aktar tal-ingwanta ta’ protezzjoni bħala riżultat tal-esponiment għas-sustanza kimika.
- Ħin ta’ reżistenza – il-ħin bejn l-ewwel kuntatt mal-ingwanta u d-detezzjoni tas-sustanza kimika ġewwa l-ingwanta. Dan huwa ddikjarat fuq it-tabella dwar il-kompatibbiltà tas-sustanza kimika. Il-ħin ta’ reżistenza ta’ ingwanta reżistenti għas-sustanzi kimiċi għandu jkun ta’ aktar minn 30 minuta.
Fl-aħħar nett, huwa importanti li wieħed jevita l-esponiment bi żball għas-sustanza kimika meta jitneħħew l-ingwanti.
L-ingwanti mfassla għall-protezzjoni kontra s-sustanzi kimiċi jridu jikkonformaw mal-istandard EN374, li jipprevedi livelli differenti ta’ kopertura:
| Protezzjoni bażika: Impermeabbli għall-ilma u protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni bijoloġika |
Tip A: Ingwanti ta’ protezzjoni b’reżistenza għall-permeazzjoni ta’ mill-inqas 30 minuta kull waħda għal mill-inqas 6 sustanzi kimiċi tat-test |
Tip B: Ingwanti ta’ protezzjoni b’reżistenza għall-permeazzjoni ta’ mill-inqas 30 minuta kull waħda għal mill-inqas 3 sustanzi kimiċi tat-test. |
Tip C: Ingwanti ta’ protezzjoni b’reżistenza għall-permeazzjoni ta’ mill-inqas 10 minuti għal mill-inqas sustanza kimika waħda tat-test. |
 |
 |
 |
 |
Għandek tivverifika li l-ingwanta tipprovdi protezzjoni xierqa għas-sustanza kimika kkonċernata u ħin xieraq biex jitlesta l-proċess ta’ teħid ta’ kampjuni.
Hemm bosta standards oħrajn li jagħtu marki għal tipi differenti ta’ protezzjoni:
| EN 388 Protezzjoni mekkanika kontra l-grif u l-qatgħat |
EN 407 Protezzjoni kontra n-nar jew kontra s-sħana |
EN 511 Protezzjoni kontra l-kesħa jew kontra l-ġlata |
EN 16350 Protezzjoni elettrostatika |
 |
 |
 |
(L-ebda marka speċifikata) |
3. Fejn għandu jintlibes it-tagħmir ta’ protezzjoni tal-idejn?
Għandek tilbes it-tagħmir ta’ protezzjoni tal-idejn kull fejn ikun hemm riskju ta’ kwalunkwe tip ta’ korriment jew mard waqt ix-xogħol li tkun qed tagħmel.
Kull fejn huwa obbligatorju li tilbes xi tip ta’ protezzjoni tal-idejn fil-bini ta’ negozjant, normalment jitwaħħal sinjal simili għal dak muri
hawnhekk. Fil-parti l-kbira tal-każijiet dan ifisser ingwanti, ħlief fejn ikun hemm periklu li jistgħu jinqabdu ġol-makkinarju jew jekk ikun importanti li jkun hemm ċerta flessibbiltà fil-moviment.
L-ingwanti li jintremew wara l-użu għandhom jintlibsu flimkien ma’ PPE ieħor meta l-uffiċjali jittrattaw oġġetti perikolużi jew sustanzi kimiċi b’kompożizzjoni mhux magħrufa kif ukoll aġenti infettivi, demm u fluwidi tal-ġisem.
Saffi ta’ ngwanti addizzjonali jistgħu jkunu meħtieġa għal protezzjoni akbar jew protezzjoni kontra kombinazzjoni ta’ riskji kimiċi/bijoloġiċi u oħrajn fiżiċi.
4. X’inhuma l-limitazzjonijiet tiegħu?
L-ingwanti tal-PVC m’għandhomx jintlibsu f’temperaturi baxxi ħafna minħabba li jistgħu jibbiesu.
L-ingwanti tal-ġilda jew tal-qoton tqal jistgħu jsiru skomdi jekk jintlibsu għal ħin twil, b’mod partikolari f’ambjent sħun.
L-ingwanti ma joffru l-ebda protezzjoni għall-polz jew għall-parti t’isfel tad-dirgħajn. Jekk ikun hemm xi riskju ta’ ħsara f’dawn il-partijiet tal-ġisem, għandhom jintlibsu l-ingwanti twal u dawn għandhom jiddaħħlu fil-kmiem ta’ lbies ieħor. Dan inaqqas ir-riskju ta’ ċarċir mad-dirgħajn sal-pala tal-id.
Meta jkunu qed jiġu mmaniġġjati s-sustanzi kimiċi, l-esponiment irid jinżamm f’livell minimu. Anki jekk l-SDS tista’ tirrakkomanda ingwanti, dawn jistgħu jipproteġuk biss għal żmien limitat. Jista’ jkun hemm degradazzjoni jew permeazzjoni tas-sustanza kimika anki wara ħin qasir. Jekk m’intix ċert, ħu parir jew uża persunal jew kuntratturi mħarrġa biex iwettqu t-teħid ta’ kampjuni.
5. Kif nieħu ħsiebu?
Tista’ żżomm il-parti l-kbira tal-ingwanti f’kundizzjoni tajba billi tnaddafhom u terfagħhom skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur. L-istruzzjonijiet speċifiċi li ġejjin itawlu l-ħajja ta’ ċerti ngwanti:
- L-ingwanti tal-PVC għandhom jinżammu nodfa billi wieħed jaħsilhom minn barra b’mod regolari — jekk tħallihom jitħammġu jkunu ferm inqas effettivi.
- L-ingwanti tal-lastiku naturali (tal-latex) faċilment issirilhom ħsara. Tħallihomx jiġu f’kuntatt ma’ żjut, griż, terpentina jew solventi oħrajn. Għandek ukoll:
- taħsilhom bl-ilma u bis-sapun jekk ikunu ntużaw għall-immaniġġjar ta’ aċidi jew alkali qawwija;
- terfagħhom f’kontenitur b’saħħtu, f’post frisk u xott, meta ma jintużawx;
- tiżgura li jdejk huma nodfa u xotti qabel ma tilbishom;
- taħsel l-ingwanti minn ġewwa b’mod regolari bl-ilma u bis-sapun — u tħallihom jinxfu sew; kif ukoll
- ma tilbishomx aktar minn kemm ikun assolutament meħtieġ.
L-ingwanti li jintremew wara l-użu jintużaw għal operazzjoni waħda biss u ladarba jintużaw; għandhom jintremew — iżda tinsiex li aktarx ikun jeħtieġ li jiġu ttrattati bħala skart perikoluż. Speċjalment meta jiġu mmaniġġati oġġetti perikolużi, sustanzi kimiċi b’kompożizzjoni mhux magħrufa kif ukoll aġenti infettivi, għandha tingħata attenzjoni speċjali meta jitneħħew biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni sekondarja.
Għandek tqiegħed l-ingwanti kkontaminati f’borża separata ssiġillata tajjeb sabiex tinġabar minn kumpanija tar-rimi tal-iskart approvata.
Għandha tingħata attenzjoni wkoll biex l-ingwanti jintlibsu u jintneżgħu kif suppost biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni.
Għal aktar tagħrif għandek tirreferi għal-leġiżlazzjoni u l-gwida tal-amministrazzjoni nazzjonali tiegħek.