L-
Oġġetti Perikolużi huma oġġetti li jistgħu jkunu ta’ riskju dirett għas-sikurezza u s-saħħa meta jittieħdu kampjuni minnhom, b’mod partikolari sustanzi kimiċi, preparazzjonijiet kimiċi u materjal ta’ skart kimiku, ittikkettati skont ir-regolamenti
IATA, IMDG jew ADR. Fil-kummerċ, dawk l-oġġetti jkunu akkumpanjati mid-dokumenti rilevanti kollha.
It-teħid ta’ kampjuni ta’ oġġetti perikolużi għandu jsir biss minn uffiċjali mħarrġa u mgħammra fit-teħid ta’ kampjuni minn dawn it-tipi ta’ oġġetti. Inkella, jista’ jissejjaħ kuntrattur, iżda l-proċedura jaf tvarja fi Stati Membri differenti.
Fejn it-teħid ta’ kampjuni jitwettaq minn kuntrattur, l-uffiċjali doganali jridu jissorveljaw it-teħid ta’ kampjuni peress li d-dwana tibqa’ responsabbli għat-teħid ta’ kampjuni. Żgura li l-kampjun ikun issiġillat u ttikkettat sew. Tikketti xierqa bil-klassi u bis-simbolu ta’ periklu għandhom jitwaħħlu fuq il-kampjun u kopja tal-
SDS għandha tkun mehmuża mal-formola tal-kampjun.
Huwa essenzjali li kull min ikun involut fit-teħid ta’ kampjuni, inklużi l-uffiċjali li jissorveljaw il-kuntratturi, ikun liebes it-
Tagħmir Protettiv Personali xieraq.
Prodotti li mhumiex klassifikati bħala oġġetti perikolużi xorta jistgħu jkunu ta’ theddida għal dawk li jiġu f’kuntatt magħhom. L-SDS ta’ sustanza kimika jew ta’ prodott se tagħti tagħrif aktar komprensiv dwar il-proprjetajiet perikolużi tagħha.
Għal aktar tagħrif dwar ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza ara l-kapitlu dwar is-
Sustanzi Perikolużi.
Meta l-oġġetti jiġu kklassifikati bħala oġġetti perikolużi, dan għandu jissemma fuq il-polza ta’ kargu u/jew fid-dikjarazzjoni tal-oġġetti. Huwa obbligatorju li jiġu fornuti l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u r-regolamenti dwar is-sikurezza (eż. l-SDS).
Meta l-oġġetti ma jiġux iddikjarati bħala oġġetti perikolużi iżda jkollok dubju dwar ir-riskju għas-sikurezza tat-teħid ta’ kampjuni, l-importatur għandu jintalab għall-SDS jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodott jekk ma tkun disponibbli l-ebda SDS. Din l-informazzjoni għandha tkun preżenti qabel l-ispezzjoni tal-kunsinna. Jekk tkun għadek f’dubju, għandek tikkunsidra l-prodott bħala oġġett b’
kompożizzjoni mhux magħrufa. Tista’ titlob lil-laboratorju doganali jew lill-ispettorat nazzjonali tiegħek għal aktar tagħrif u struzzjonijiet.
Qatt m’għandek tieħu kampjun minn dawn il-prodotti (estremament perikolużi) li ġejjin (anki meta jkunu f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut!):
- Splussivi u logħob tan-nar
- Materjali ta’ gwerra kimika u batterjoloġika u prodotti li jittieħdu;
- Komposti radjoattivi u materjal nukleari.
Jekk ikun jeħtieġ, korpi uffiċjali kompetenti oħrajn għandhom jieħdu kampjuni minn dawn il-prodotti estremament perikolużi. Il-laboratorji doganali ġeneralment ma jkunux mgħammra biex jaħżnu u janalizzaw dawn il-kampjuni b’mod sikur. Ibgħat dawn il-kampjuni lil laboratorju kompetenti.
Pakketti żgħar u medji li jkun fihom oġġetti perikolużi jistgħu jintbagħtu mhux miftuħa lil-laboratorju wara konsultazzjoni, sakemm l-ippakkjar ikun oriġinali, sigur u mingħajr ħsara.
Għandu jittieħed kampjun ta’
pakketti akbar minn uffiċjal jew kuntrattur imħarreġ, jekk ikunu disponibbli biżżejjed prekawzjonijiet ta’ sikurezza (eż. tagħmir protettiv personali, spazju tax-xogħol ivventilat eż. kappa tad-dħaħen - jekk ikun meħtieġ). Il-formazzjoni ta’ kampjuni aggregati għandha tiġi evitata kemm jista’ jkun biex jitnaqqas l-esponiment.
Ċerti prodotti perikolużi ma jittiħdux kampjuni minnhom mid-Dwana minħabba ftehimiet speċjali ma’ korpi uffiċjali oħrajn, skont ir-regolamenti nazzjonali.
Wieħed għandu jaħseb għat-trasport xieraq lejn il-laboratorju doganali filwaqt li jikkunsidra r-regoli dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi. Normalment il-kampjuni ta’ oġġetti perikolużi jistgħu jiġu trasportati fi kwantitajiet limitati, fejn ir-regolamenti ADR huma ferm inqas elaborati. Għal aktar tagħrif dwar l-ADR ara l-kapitlu tat-Trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq (ADR) (żid il-link). Ara wkoll ir-regolamenti IATA (żid il-link) u IMDG (żid il-link).
Jekk jinstab li l-oġġetti mhumiex konformi mat-tagħrif ipprovdut (it-tikkettar, il-klassi ta’ periklu, id-dokumenti), l-oġġetti għandhom jiġu trattati bħala oġġetti b’
kompożizzjoni mhux magħrufa. Jekk ikollok xi dubju, ikkonsulta mal-laboratorju u mas-superjuri tiegħek rigward l-eżattezza tal-informazzjoni u dwar kwalunkwe diskrepanza li tkun sibt.
L-ammont ta’ kampjun ta’ oġġetti perikolużi kemm għall-analiżi kwalitattiva kif ukoll għal dik kwantitattiva għandu jinżamm żgħir kemm jista’ jkun sabiex jitnaqqas ir-riskju u jiġi evitat skart bla bżonn. Ikkonsulta mal-laboratorju doganali tiegħek jew ma’ laboratorju kompetenti ieħor dwar l-ammont ta’ kampjun meħtieġ.
Qatt ma għandek tieħu prodotti perikolużi jew prodotti b’kompożizzjoni mhux magħrufa f’żona tal-uffiċċji!
Sustanzi ta’ natura mhux magħrufa għandhom jiġu ttrattati b’attenzjoni u għandhom jiġu ttrattati bħala sustanzi perikolużi sakemm jiġu identifikati. Sustanzi ta’ kompożizzjoni kimika mhux magħrufa jistgħu jirriżultaw mit-traffikar ta’ sustanzi kimiċi kkontrollati bħal:
F’dawn il-każijiet, jew ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli jew l-informazzjoni pprovduta hija mistennija li tkun falza. Dubji dwar in-natura kimika tal-prodotti jistgħu jirriżultaw ukoll minn dikjarazzjonijiet kontradittorji jew minħabba li s-sustanzi huma parti minn programm ta’ monitoraġġ.
Sustanzi mhux magħrufa għandhom jiġu mmaniġġati b’attenzjoni u għandhom jiġu ttrattati bħala sustanzi perikolużi sakemm jiġu identifikati.
Għal aktar tagħrif dwar ir-Riskji għas-saħħa u s-sikurezza ara l-kapitli
Sustanzi Perikolużi u
Drogi u sustanzi illeċiti.
Hemm diversi tekniki disponibbli biex jippruvaw jidentifikaw sustanzi mhux magħrufa fuq il-post. F’xi każijiet, l-apparati li jinżammu fl-idejn jaf ikunu kapaċi jidentifikaw is-sustanzi mingħajr ma jinfetaħ l-ippakkjar trasparenti (eż. spettrometru Raman). Inkella, ikollhom jinkisbu kampjuni żgħar għall-identifikazzjoni bl-użu ta’ apparati oħra li jinżammu fl-idejn, eż. spettrometri tal-IR, testijiet rapidi jew strumenti mobbli. Fil-każijiet kollha, l-ippakkjar għandu jitneħħa b’attenzjoni, saff wara saff, sabiex jiġi evitat tixrid aċċidentali. Jekk ikollhom jinkisbu kampjuni żgħar għall-ittestjar, ikunu meħtieġa sondi tubulari żgħar u siġilli speċjali biex il-pakkett jiġi ssiġillat minnufih. L-uffiċjali għandhom jirċievu taħriġ speċjali għall-użu ta’ strumenti tal-ittestjar, inkluż il-ftuħ ta’ pakketti ta’ dawn it-tipi ta’ oġġetti, u għandhom ikunu konxji tal-limitazzjonijiet ta’ dan it-tip ta’ ttestjar.
Jekk sustanza mhux magħrufa ma tkunx tista’ tiġi identifikata fuq il-post, ikollok bżonn titlob parir espert (laboratorju doganali, speċjalista intern jew estern). Jekk ikun meħtieġ ittestjar ulterjuri, pakketti żgħar sa 5 kg/ 5 l jistgħu jintbagħtu lil-laboratorju mingħajr ma jittieħed kampjun mill-kontenut. Għandu jittieħed kampjun minn pakketti akbar bl-użu ta’ prekawzjonijiet u miżuri ta’ sikurezza simili kif deskritt għall-
Oġġetti Perikolużi.
Preferibbilment, madankollu, dawn l-oġġetti ma għandhomx jinfetħu fil-post. Għalhekk, huwa rrakkomandat li dawn il-pakketti jintbagħtu magħluqa lil-laboratorju. Iżda f’pajjiżek jistgħu japplikaw proċeduri differenti. Ikkonsulta mal-uffiċjali lokali jew mal-laboratorju doganali tiegħek għal aktar tagħrif.
Jekk is-sustanzi jkunu ġew identifikati jew ikun hemm suspett li jkunu sustanzi illeċiti, it-tagħbija kollha tkun trid tiġi ssekwestrata. Il-kompiti mwettqa mil-laboratorji doganali fl-identifikazzjoni u fl-analiżi ta’ sustanzi illeċiti jvarjaw fl-Istati Membri mill-identifikazzjoni tas-sustanzi għall-analiżi sħiħa tas-sekwestru. Konsegwentement, il-proċeduri ta’ teħid ta’ kampjuni jiddependu ħafna mit-tip ta’ analiżi li jkollha titwettaq mil-laboratorju doganali u mir-regolamenti nazzjonali dwar il-proċeduri forensiċi għat-teħid ta’ kampjuni ta’ sekwestri ta’ drogi.
Għalhekk, trid tikkonsulta r-regolamenti nazzjonali tiegħek dwar it-teħid ta’ kampjuni minn sekwestri ta’ drogi illeċiti. Kumment: il-prattika rigward dawn it-tipi ta’ kampjuni tista’ tinbidel aktar malajr milli għal tipi oħra ta’ kampjuni. Dejjem ikkonsulta l-aħħar tagħrif! Għal aktar tagħrif dwar it-teħid ta’ kampjuni ta’
drogi illeċiti ara:
- l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC)
- in-Network Ewropew tal-Istituti tax-Xjenza Forensika (ENFSI)