Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Id-diġitalizzazzjoni fil-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

Ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jitolbu lill-Istati Membri biex jużaw l-aħħar teknoloġiji għall-iskambju, l-aċċess u l-ipproċessar tad-data meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli kif ukoll biex joffru servizzi faċli li jintużaw għall-persuni mobbli. 

Bis-saħħa tal-iskambju elettroniku transfruntier tal-informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali, l-istituzzjonijiet nazzjonali jistgħu jipproċessaw it-talbiet taċ-ċittadini mobbli għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (bħall-benefiċċji tal-qgħad, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa, il-benefiċċji tal-familja, u l-pensjoni tal-irtirar) b’mod aktar rapidu u effiċjenti.

Dan hu konformi mal-istrateġija diġitali tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-objettivi u l-miżuri biex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, tinkiseb l-interoperabbiltà transfruntiera u tiġi ffaċilitata l-interazzjoni maċ-ċittadini.

Skambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI)

L-EESSI hi sistema tal-IT li tgħin lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-UE kollha jiskambjaw l-informazzjoni relatata mal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-mard, il-mard ikkaġunat mix-xogħol u l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, il-pensjoni, il-benefiċċji tal-qgħad u tal-familja iktar malajr u b'mod iktar sigur – kif meħtieġ bir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Qabel l-eżistenza tal-EESSI l-biċċa l-kbira tal-iskambji kienu bbażati fuq il-karti. Dawn qed jiġu sostitwiti bi skambji elettroniċi hekk kif l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri qed jintroduċu l-EESSI.

Kif taħdem l-EESSI

Il-komunikazzjoni kollha bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali dwar dokumenti tas-sigurtà soċjali transfruntieri ssir permezz tal-EESSI: l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiskambjaw dokumenti elettroniċi strutturati u jsegwu proċeduri miftiehma b’mod komuni. Dawn id-dokumenti se jgħaddu mill-EESSI lid-destinazzjoni t-tajba fl-istituzzjonijiet it-tajba fi Stat Membru ieħor.

L-istaff fl-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jistgħu jsibu d-destinazzjoni t-tajba f'pajjiż ieħor tal-UE billi jikkonsultaw ir-repożitorju tal-istituzzjonijiet nazzjonali.

Skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-EESSI fl-Istati Membri

L-ewwel skambju ta’ messaġġ elettroniku strutturat fir-rigward ta’ każ konkret li jinvolvi s-sitwazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ ċittadin tal-UE seħħ f’Jannar 2019. Kienet kisba estremament importanti fil-proġett tal-EESSI, wara snin ta’ ħidma u sforzi intensivi.

Mill-2019 ’il quddiem, il-pajjiżi parteċipanti kollha kellhom jikkonnettjaw mas-sistema tal-EESSI. Il-Kummissjoni tkompli tappoġġja u tissorvelja l-isforzi tal-Istati Membri biex jiżguraw li t-32 pajjiż jinsabu lesti biex jużaw l-EESSI mill-iktar fis possibbli.

Benefiċċji tal-EESSI

Skambju ta’ informazzjoni aktar rapidu u effiċjenti bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u benefiċċji għaċ-ċittadini mobbli

  • L-EESSI tħaffef l-iskambji bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dwar każijiet relatati ma’ fergħat differenti tas-sigurtà soċjali (bħall-benefiċċji tal-qgħad, tal-familja, tal-irtirar, tal-mard eċċ.). Tippermettilhom jittrattaw każijiet individwali aktar malajr, u tgħinhom jagħmlu l-kalkolu u l-pagament tal-benefiċċji aktar malajr.
  • L-iskambju aktar rapidu u aktar effiċjenti ta’ informazzjoni tas-sigurtà soċjali jsaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini bejn il-fruntieri.

Skambju tad-data iktar preċiż bejn l-awtoritajiet nazzjonali

  • L-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-UE kollha jużaw dokumenti elettroniċi standardizzati tradotti bil-lingwa tagħhom, u b’hekk tittejjeb il-komunikazzjoni multilingwi.
  • L-EESSI tottimizza t-trattament tal-każijiet, bl-introduzzjoni ta’ proċeduri elettroniċi standard li jridu jiġu segwiti mill-istituzzjonijiet. Din tgħin tiżgura li r-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiġu applikati b’mod korrett.

Ġlieda kontra l-frodi

  • L-EESSI tintroduċi salvagwardji biex jiġi żgurat li d-data skambjata tkun korretta u kompluta, u b’hekk tgħin lill-istituzzjonijiet jiġġieldu kontra l-frodi u l-iżbalji.

Trattament sikur tad-data personali

  • L-EESSI tuża infrastruttura komuni sikura għal skambju ta’ data transfruntiera bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
  • Dan jippermetti l-iskambju tal-messaġġi bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali, iżda s-sistema ma toħloqx bażi tad-data biex jinħażnu tali messaġġi u data personali b’mod ċentrali. Il-kontenut tal-messaġġi hu disponibbli biss għall-istituzzjonijiet rilevanti, u l-Istati Membri jibqgħu responsabbli biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, f’konformità mar-regoli tal-UE. 
  • L-EESSI ssegwi l-aħħar standards tas-sigurtà tal-IT.

Ġbir ta’ statistika dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

  • L-EESSI tippermetti l-ġbir ta’ statistika dwar l-iskambju ta’ messaġġi bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

Verifika tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali

  • L-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Ewropa jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti wkoll biex jivverifikaw id-drittijiet tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini mobbli.

Ixxerja din il-paġna