Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Arranġamenti raġonevoli għal persuni b’diżabilità

X’inhu arranġament raġonevoli?

Arranġament raġonevoli huwa kwalunkwe bidla għal impjieg jew ambjent tax-xogħol li huwa meħtieġ biex persuna b’diżabilità tkun tista’ tapplika, twettaq u tavvanza fil-funzjonijiet tax-xogħol, jew twettaq taħriġ.

L-arranġament raġonevoli huwa mmirat lejn kwalunkwe impjegat b’diżabilità. Id-dritt għal arranġament raġonevoli jestendi għall-attivitajiet kollha relatati max-xogħol koperti mil-liġi tal-UE, mill-proċess ta’ applikazzjoni għal impjieg sat-terminazzjoni, u jinkludi kundizzjonijiet tax-xogħol u benefiċċji supplimentari. Jekk għandek diżabilità u temmen li għandek bżonn xi aġġustamenti fl-impjieg jew fuq il-post tax-xogħol tiegħek, tista’ titlob arranġament raġonevoli.

X’tgħid il-liġi

Skont id-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg, min iħaddem għandu jipprovdi arranġament raġonevoli lill-impjegati b’diżabilità, sal-punt li dan ma jimponix piż sproporzjonat fuq l-organizzazzjoni.

Dan jistabbilixxi dmirijiet raġonevoli ta’ arranġamenti, li jistgħu jinkludu soluzzjonijiet tekniċi bħal tagħmir.

L-arranġament raġonevoli huwa wkoll obbligu skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), li l-UE u l-Istati Membri kollha huma partijiet tagħha. Il-Konvenzjoni tiddefinixxi l-arranġament raġonevoli bħala “modifika neċessarja u xierqa u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew żejjed, fejn meħtieġ f’każ partikolari, biex jiżguraw lill-persuni b’diżabilità t-tgawdija jew l-eżerċizzju fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha.”

X’arranġament jista’ jiġi offrut?

It-tipi ewlenin ta’ arranġamenti raġonevoli jinkludu soluzzjonijiet tekniċi, arranġamenti ta’ ħidma, miżuri ta’ taħriġ u miżuri ta’ sensibilizzazzjoni.

Is-soluzzjonijiet tekniċi jistgħu jinkludu:

  • l-installazzjoni ta’ liftijiet jew rampi
  • it-tqegħid ta’ għamara tal-uffiċċju f’għoli xieraq
  • l-installazzjoni ta’ lentijiet li jkabbru l-iskrin tal-kompjuter
  • terminali tal-Braille
  • l-installazzjoni ta’ interpretazzjoni f’ħin reali permezz tat-telekomunikazzjonijiet

Każijiet oħrajn ta’ arranġamenti raġonevoli huma relatati ma’

  • arranġamenti tax-xogħol, bħall-forniment ta’ sigħat ta’ xogħol flessibbli, telexogħol, liv, rilokazzjoni f’uffiċċju ġdid jew riallokazzjoni għal impjieg differenti
  • taħriġ, billi jingħata permess li dan isir b’mod orali aktar milli bil-miktub
  • miżuri li jżidu l-għarfien sabiex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom.

Min jiddeċiedi dwar l-arranġamenti raġonevoli?

Id-deċiżjonijiet dwar jekk bidla tkunx raġonevoli jew le jistgħu jsiru biss fuq bażi ta’ każ b’każ. Il-persuni li qed ifittxu arranġament raġonevoli għandhom l-ewwel jiddiskutu l-ħtiġijiet tagħhom ma’ min iħaddimhom.

Jista’ jintalab ukoll għarfien espert professjonali minn tim multidixxiplinarju. Il-gruppi tad-drittijiet għall-persuni b’diżabilità, it-trade unions, jew korp nazzjonali tal-ugwaljanza istgħu jipprovdu aktar pariri u appoġġ.

Ixxerja din il-paġna