Il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI)
Il-programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) huwa strument ta' finanzjament fil-livell tal-UE biex jippromwovi livell għoli ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, li jiggarantixxi ħarsien soċjali xieraq u diċenti, li jiġġieled l-esklużjoni soċjali u l-faqar u li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Għall-perjodu 2021 – 2027 il-programm EaSI se jsir fergħa taħt il-Fond Soċjali Ewropew plus (FSE+).
Struttura u finanzjament
EaSI hu mmaniġġjat direttament mill-Kummissjoni Ewropea. Jiġbor flimkien tliet programmi tal-UE mmaniġġjati separatament bejn l-2007 u l-2013: PROGRESS, EURES u Progress Microfinance.
Minn Jannar 2014, dawn il-programmi jiffurmaw it-tliet assi ta' EaSI. Huma jappoġġaw:
- il-modernizzazzjoni tal-politiki dwar l-impjiegi u dawk soċjali bl-assi PROGRESS;
- il-mobilità professjonali bl-assi EURES;
- l-aċċess għall-mikrofinanzjament u l-intraprenditorija soċjali bl-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali
Il-baġit totali għall-2014-2020 hu EUR 919,469,000 skont il-prezzijiet tal-2013
Objettivi
- It-tisħiħ tas-sjieda tal-objettivi tal-UE u tal-koordinazzjoni tal-azzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali fl-oqsma tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni.
- L-għoti ta' appoġġ lill-iżvilupp ta' sistemi ta' ħarsien soċjali u ta' politiki tas-suq tax-xogħol adegwati.
- L-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE filwaqt li tkun żgurata l-applikazzjoni effettiva tagħha.
- Il-promozzjoni tal-mobilità ġeografika u l-għoti ta' spinta lil opportunitajiet ta' xogħol permezz tal-iżvilupp ta' suq tax-xogħol miftuħ.
- Iż-żieda tad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-mikrofinanzjament għall-gruppi vulnerabbli u l-mikrointrapriżi, u ż-żieda tal-aċċess għal finanzjament għal intrapriżi soċjali.
Waqt li jkun qed jaħdem biex jilħaq dawn l-objettivi EaSI se:
- jagħti attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli, bħal pereżempju ż-żgħażagħ,
- jippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,
- jiġġieled id-diskriminazzjoni,
- jippromwovi livell għoli ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità,
- jiggarantixxi ħarsien soċjali adegwat u diċenti,
- jiġġieled il-qgħad fit-tul,
- jiġġieled kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.