finland
Nota
- Ir-residenti tad-Danimarka, l-Iżlanda, in-Norveġja jew l-Iżvezja jridu juru biss karta tal-identità nazzjonali valida u jipprovdu l-indirizz permanenti tagħhom fil-pajjiż Nordiku l-ieħor biex jiksbu l-kura tas-saħħa pubblika fil-Finlandja fuq l-istess termini bħar-residenti lokali.
Emerġenza
- Ċempel il-112
- Ikkuntattja ċentru tas-saħħa muniċipali lokali fir-reġjun fejn qed toqgħod.
Il-Finlandja għandha żewġ ilsna uffiċjali: il-Finlandiż u l-Iżvediż. Il-biċċa l-kbira tal-persuni, inklużi l-professjonisti mediċi, jitkellmu wkoll bl-Ingliż.
Kura, kopertura u spejjeż
Tobba
- Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tintitolak għall-kura medika neċessarja fi kwalunkwe faċilità tal-kura tas-saħħa pubblika. Tista' tikkuntattja ċentru tas-saħħa muniċipali, fejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jevalwaw x'tip ta' kura medika għandek bżonn.
- Trid turi Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa valida u passaport jew xi forma oħra ta' identifikazzjoni biex tieħu l-kura bl-istess prezz bħar-residenti.
- Iċ-ċentru tas-saħħa jiċċarġjak biss tariffa tal-klijent skont skala fissa ta' tariffi.
- Jekk għadek m’għalaqtx it-18, il-kura hi fil-biċċa l-kbira bla ħlas.
- Tista' wkoll tmur għand tobba u kliniki privati. F'dan il-każ ikollok tħallas it-tariffa sħiħa. Madankollu, tista’ titlob rimborż tal-kura medika neċessarja aktar tard mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali Kela jew l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.
Dentisti
- Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tintitolak għall-kura medika neċessarja fi kwalunkwe faċilità tal-kura tas-saħħa pubblika. Ikkuntattja liċ-ċentru muniċipali tas-saħħa jekk teħtieġ kura tas-snien.
- Trid turi Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa valida u passaport jew xi forma oħra ta' identifikazzjoni biex tieħu l-kura bl-istess prezz bħar-residenti.
- Iċ-ċentru tas-saħħa jiċċarġjak biss tariffa tal-klijent ibbażata fuq skala fissa ta' tariffi. Hemm ukoll ħlas għal trattamenti differenti, li jista’ jvarja skont il-proċedura (madwar €8 - €220).
- Jekk għadek m’għalaqtx it-18, il-kura tas-snien hi ġeneralment bla ħlas.
- Tista' wkoll tmur għand dentisti u kliniki privati. F'dan il-każ ikollok tħallas it-tariffa sħiħa. Madankollu, tista’ titlob rimborż tal-kura medika neċessarja aktar tard mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali Kela jew l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.
Kura fi sptar
- Biex tiddaħħal fi sptar ikollok bżonn riferiment mingħand tabib. F'każ ta' emerġenza, tista’ tmur direttament fl-unità tal-emerġenza ta' kwalunkwe sptar pubbliku.
- Trid turi Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa valida u passaport jew identifikazzjoni oħra.
- Teżisti tariffa kuljum għall-klijenti li jieħdu l-kura in-patient.
- Jekk għadek m’għalaqtx it-18, m’għandekx għalfejn tħallas it-tariffa ta' kuljum għal aktar minn sebat ijiem fl-istess sena kalendarja.
- Jeżistu tariffi tal-klijent għall-kura fi sptar out-patient.
- Jekk tmur fi sptar privat, ikollok tħallas l-ispejjeż kollha. Madankollu, tista’ titlob rimborż tal-kura medika neċessarja aktar tard mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali Kela jew l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.
Riċetti tat-tabib
- Fil-Finlandja, tista’ tixtri mediċina b’riċetta stampata jew elettronika maħruġa f’pajjiż ieħor tal-UE jew taż-ŻEE jew fl-Iżvizzera jekk il-mediċina inkwistjoni tkun liċenzjata għall-bejgħ fil-Finlandja.
- Fl-ispiżerija trid tħallas il-prezz kollu tal-mediċina.
- L-ispiżerija għandha tagħtik irċevuta għan-nefqa kollha tar-riċetta, li mbagħad tista’ tużaha biex titlob rimborż għal kura medikament neċessarja mingħand Kela.
Ambulanza
- Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tagħtik id-dritt għal kura ta' emerġenza f'ambulanza. Trid turi l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa lill-ħaddiema tal-ambulanza.
- L-ambulanza se tiċċarġjak tariffa tal-klijent.
Ambulanza bl-ajru
- Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tagħtik id-dritt għal kura ta' emerġenza f'ambulanza tal-ajru. Trid turi Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa valida lill-ħaddiema tal-ambulanza tal-ajru.
- Il-ħtieġa għal trasport bl-ajru tiġi deċiża meta jintuża n-numru tal-emerġenza 112.
- Hemm tariffa tal-klijent għas-servizz tal-ambulanza bl-ajru.
Rimborż
- Is-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali troddlok lura parti mill-ispejjeż ta':
- servizzi tal-kura tas-saħħa privati, skont skeda ta' tariffi stipulati,
- ivvjaġġar marbut ma' kura u testijiet,
- mediċini preskritti minn tabib.
- Ma jsir ebda rimborż għat-tariffi standard li jiċċarġjaw iċ-ċentri muniċipali tas-saħħa jew l-isptarijiet.
- Ir-rimborż tista' tagħmel talba għalih mill-Kela, l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali, billi tibgħat il-formola SV 127(e), normalment disponibbli fil-kliniċi privati. Il-formola tista' ssibha wkoll fis-sit web tal-Kela.
- Imla l-formola u ffirmaha. L-informazzjoni mitluba tinkludi l-indirizz permanenti, id-data u d-dettalji tal-bank tiegħek (isem il-bank u n-numru tal-kont, inkluż in-Numru Internazzjonali tal-Kont tal-Bank (IBAN) u l-Kodiċi tal-Identifikazzjoni tal-Bank BIC).
- Inkludi kopji tad-dokumenti rilevanti meta tibgħat il-formola lill-Kela. Dawn jinkludu d-dokumentazzjoni dwar it-tariffa tat-tabib u l-eżaminazzjoni u l-kura mogħtija mit-tabib, il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa u l-passaport jew identifikazzjoni oħra.
- Il-Kela tqiegħed ir-rimborż direttament fil-kont tal-bank tiegħek.
- Issottometti t-talbiet għar-rimborż tan-nefqa tiegħek fi żmien sitt xhur min-nefqa oriġinali.
- Ara d-dettalji tar-rimborż fuq is-sit web tal-Kela.
In-numru tas-servizz għar-rimborż ta' spejjeż mediċi
Tel: +358 20 634 0200 (bil-Finlandiż))
Tel: +358 20 634 0300 (bl-Iżvediż)
Tel: +358 20 634 0200 (bl-Ingliż)
Jekk ikollok tħallas għall-kura medika iżda ma rnexxilekx tibgħat talba għar-rimborż waqt li kont fil-Finlandja, ikkuntattja lill-fornitur tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek meta tasal lura f'pajjiżek.
Kontribuzzjoni tal-pazjent
- Fil-Finlandja s-servizzi tas-saħħa pubbliċi huma:
- bla ħlas, jew
- it-tariffa tal-klijent hi l-istess għal kulħadd, jew
- it-tariffa tal-klijent hi determinata skont l-introjtu u r-relazzjonijiet tal-familja.
- It-tariffi massimi imposti fuq is-servizzi tas-saħħa muniċipali huma stipulati fil-leġiżlazzjoni. Il-muniċipalitajiet jistgħu jagħżlu li jużaw tariffi aktar baxxi jew li jipprovdu s-servizz rilevanti bla ħlas. Il-muniċipalitajiet ma jistgħux jiġbru tariffi għas-servizzi ogħla mill-prezz attwali tas-servizzi.
- It-tariffi għas-servizzi pubbliċi għandhom limitu massimu kull sena kalendarja li meta jintlaħaq il-klijent ma jkollux għalfejn ikompli jħallas. Dan ma japplikax għall-kura istituzzjonali fuq żmien qasir. Għal aktar informazzjoni ara l-paġni web tal-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa.
- Il-miżati u t-tariffi għal prattika privata: il-Kela tagħti rimborż għal parti mit-tariffa ta' tabib privat u mit-tariffi tat-testijiet u l-kura skont skeda ta' tariffi fissi. L-iskeda tat-tariffi fissi tinsab biss bil-Finlandiż fil-paġna web tal-Kela. It-tariffa jew imposta massima rimborżabbli speċifikata fl-iskeda spiss tkun iżgħar mis-somma attwalment mitluba.
- M'hemm ebda rimborż għas-servizzi mediċi li tieħu mingħand fornituri tas-settur pubbliku u lanqas għall-perjodi li fihom persuna tkun qed tirċievi kura fi sptar jew istituzzjoni pubblika (bħal dar tax-xjuħ)
- Ir-rimborżi mingħand il-Kela huma disponibbli wkoll għall-mediċini bir-riċetta.
Dijaliżi, ossiġenu u kimoterapija
Jekk ikollok bżonn kura bħal din, ikkuntattja minn qabel lill-unità tal-kura tas-saħħa (pereżempju sptar), fejn tixtieq li tirċievi l-kura.
Kif napplika għal EHIC?
- L-EHIC hi disponibbli għal kull min hu kopert bis-sistema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa Finlandiża u għal dawk il-persuni li għalihom hi responsabbli l-Finlandja fir-rigward tal-ispejjeż għall-kura tas-saħħa.
- Tista’ tordna l-EHIC
- bit-telefown
- billi timla l-formola ta’ applikazzjoni (SV 193). Tista’ tipprintja din il-formola mis-sit web tal-Kela jew tiġborha mill-uffiċċju tal-Kela.
- permezz tas-servizz online tal-konsumatur tal-Kela. Jekk jogħġbok kun af li s-servizz tal-konsumatur hu disponibbli biss bil-Finlandiż u l-Iżvediż.
Fejn jaċċettaw l-EHIC
- Sfortunatament mhix disponibbli lista iżda l-provvedituri tal-kura tas-saħħa kollha fil-Finlandja jaċċettaw il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa. Tista’ ssib informazzjoni ta’ kuntatt fis-sit web tal-punt ta’ kuntatt Finlandiż għall-kura tas-saħħa transfruntiera. Email: yhteyspiste@kela.fi.
- Jekk tmur għand tabib privat jew fi klinika privata, ikollok tħallas it-tariffa sħiħa iżda tista’ tagħmel talba għar-rimborż ta’ kura medikalment neċessarja aktar tard, mingħand il-Kela.
Kard mitlufa jew misruqa
Kuntatti għal min għandu EHIC li nħarġet fil-Finlandja
Ikkuntattja ċ-Ċentru tal-Kela għall-Affarijiet Internazzjonali
Tel: +358 20 634 0200
Fax: +358 20 634 1599
Email: inter.helsinki@kela.fi