Lift ġdid itejjeb l-aċċess għall-fortifikazzjonijiet storiċi tal-Belt Valletta

Id-differenza fl-għoli bejn il-Port il-Kbir tal-Belt Valletta u l-uniku aċċess għall-parti li tiġi fuq il-fortifikazzjonijiet tas-seklu sittax tal-belt hija 52 m — l-ekwivalenti ta' bini ta' 17-il sular. Lift ġdid itejjeb l-aċċess għall-belt mill-port, u jgħin biex jagħti spinta kif ukoll biex inaqqas il-konġestjoni fit-toroq.

 Għodod addizzjonali

 
Veduta tal-Port il-Kbir mill-quċċata tal-Konnettur Vertikali l-ġdid. Veduta tal-Port il-Kbir mill-quċċata tal-Konnettur Vertikali l-ġdid.

Qabel l-installazzjoni tal-lift, l-uniku aċċess għall-Belt Valletta mill-port kien bil-karozza jew bil-mixi. Il-vjaġġi bil-karozza jwasslu għal konġestjoni tat-traffiku u tniġġis bla bżonn, filwaqt li l-aċċess bil-mixi kien possibbli biss minn telgħa wieqfa u twila - u dan kien jillimita l-aċċess għall-persuni b'nuqqas ta' mobbiltà. Il-lift li għadu kif ġie installat inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar għal 25 sekonda, u jipprovdi rotta ta' aċċess ekoloġika effiċjenti.

Minbarra li huwa ta' benefiċċju għal ħafna turisti li jżuru l-belt mill-cruise liners li jitrakkaw fil-Port il-Kbir, il-proġett fetaħ ukoll rotta ġdida għal vjaġġaturi minn Bormla, l-Isla u l-Birgu u l-bliet ġirien tagħhom. Sistema interkonnessa bejn il-laneċ tal-port u l-lift tippermetti lill-passiġġieri jaqsmu l-Port il-Kbir b'dgħajsa sal-punt ta' żbark, ftit metri 'l bogħod mil-Lift tal-Barrakka, imbagħad jaqbdu l-lift li jeħodhom direttament ġewwa l-belt mingħajr ebda ħlas addizzjonali. Din ir-rotta l-ġdida tieħu madwar 20 minuta, meta mqabbel mal-35 minuta li tieħu biex tasal fl-istess destinazzjoni b'vettura privata u l-45 minuta jekk wieħed juża s-sistemi ta' trasport pubbliku preċedenti. Fl-2013, din ir-rotta l-ġdida kienet qiegħda tintuża minn kważi 5 000 persuna.

Enerġija ekoloġika

Il-mekkaniżmu tal-lift huwa mgħammar b'forma innovattiva ta' teknoloġija riġenerattiva fil-makkinarju tiegħu li tippermetti l-irkupru ta' parti mill-enerġija ġġenerata mis-sistema tal-lift. Barra minn hekk, is-sistemi tad-dawl li jdawwlu ż-żona tal-proġett u tal-pajsaġġ tal-madwar huma tat-tip LED effiċjenti fl-enerġija u dawl fluworexxenti, biex b'hekk jimminimizzaw ir-rekwiżiti tal-enerġija tal-proġett. Flimkien, dawn il-miżuri jnaqqsu l-konsum tal-elettriku u fl-istess ħin jikkontribwixxu għal tnaqqis fit-tniġġis.

Veduti panoramiċi

Minbarra li huwa attrazzjoni fih innifsu, dan il-proġett huwa uniku peress li l-ebda port ewlieni fl-Ewropa mhuwa mdawwar minn ibliet iffortifikati. Vjaġġ fil-lift il-ġdid joffri veduta panoramika mill-isbaħ taż-żona filwaqt li jipprovdi wkoll tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar bejn iż-żona tal-Port u ċ-ċentru tal-belt. Fl-2013, 240 364 persuna użaw il-lift, u dan in-numru huwa mistenni li jiżdied sena wara sena sa 243 000 fl-2019.

Investiment totali u finanzjament tal-UE

L-investiment totali għall-proġett “Konnettur Vertikali” huwa ta' EUR 2 596 716, li minnhom, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kkontribwixxa EUR 2 115 250 għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007 sa 2013, taħt il-Programm Operazzjonali “Ninvestu fil-kompetittività għal kwalità tal-ħajja aħjar”.

Id-data ta' l-abbozz

12/12/2014