Malta trażżan iċ-ċiklu tal-iskart

Is-sistemi moderni tal-ipproċessar tal-iskart jitolbu l-użu tal-aktar teknoloġija avvanzata u infrastruttura ġdida sabiex jitnaqqsu l-effetti detrimentali fuq l-ambjent. Dan il-proġett fuq skala kbira, maħsub biex ikabbar l-impjant tat-trattament tal-iskart ta’ Sant'Antnin u l-faċilità tal-irkupru u r-riċiklaġġ tal-materjal, jinkorpora dan il-kunċett u fi Frar 2008 ra l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-Faċilità għar-Riċiklaġġ tal-Materjal għal materjal li jintuża fid-dar li jista’ jiġi rriċiklat.

 Għodod addizzjonali

 

“Issa nistgħu nirriċiklaw, nagħżlu u nirkupraw aktar skart, li hija xi ħaġa tajba għal Malta u għall-ambjent.”
Vince Magri, Inġinier u CEO ta’ WasteServ Malta Ltd

Malta hija konxja li l-ħsara għall-ambjent mill-iskart għandha titnaqqas jekk trid tkompli toffri ambjent nadif lin-nies tal-lokal kif ukoll lill-eluf ta’ turisti li jżuruha kull sena. L-Impjant tat-Trattament tal-Iskart ta’ Sant’Antnin huwa parti minn netwerk ta’ faċilitajiet imħaddma minn WasteServ Malta Ltd. Il-faċilitajiet kollha tagħha jsegwu prinċipji ‘ħodor’ bħall-iżvilupp sostenibbli, dak li min iniġġes irid iħallas u r-responsabbiltà tal-produttur.

Is-saħħa tal-iskart

Il-Faċilità għall-Irkupru ta’ Materjal Riċiklabbli (Material Recovery Facility - MRF) fetħet fl-2008, issa hija operattiva b’mod sħiħ, u fiha jiġu pproċessati materjali riċiklabbli li jinġabru b’mod selettiv mid-djar, bħal ħġieġ, karti, metalli u plastik. L-MRF hija biss waħda minn diversi komponenti tat-tkabbir f’Sant’Antnin li sas-sena 2010 mistennija jibdew jipproċessaw u jittrattaw madwar 36 000 tunnellata ta’ materjali solidi riċiklabbli kull sena.

Diġestjoni tajba għas-saħħa għal enerġija pożittiva

L-impjant ta’ Sant’Antnin sejjer jinkludi wkoll impjant tad-diġestjoni biex jittratta l-iskart nadif u bijodigradabbli u jirkupra l-enerġija mill-bijogass li jiġi prodott. Din il-faċilità tal-bijogass tista’ tipproduċi l-‘elettriku aħdar’ u l-kompost. L-impjant tad-diġestjoni sejjer jinkorpora numru ta’ moduli għal post-trattament tad-diġestat li joħroġ mill-impjant tad-diġestjoni – l-istadju arjobiku finali għandu jistabbilizza d-diġestat u joħloq il-kompost.

Għaldaqstant, l-impjant ġdid u mkabbar sejjer jibda jipproduċi l-kompost wara li tiġi estratta l-enerġija ħadra mill-iskart. L-irwejjaħ sejrin jiġu eliminati, ladarba l-impjant huwa magħluq kollu. L-Impjant tat-Trattament tal-Iskart ta’ Sant’Antnin jinkludi l-faċilitajiet li ġejjin:

  • Impjant tat-Trattament Mekkaniku (Mechanical Treatment Plant - MTP) fejn jasal l-iskart tad-djar magħżul/mhux magħżul għal trattament minn qabel u tħejjija għall-istadju tad-diġestjoni.
  • Faċilità tat-trattament tal-ilma mormi biex jiġi ttrattat l-ilma mniġġes iġġenerat mill-impjant tad-diġestjoni.
  • Impjant tal-Enerġija u s-Sħana Ikkombinati (Combined Heat and Power Plant - CHP), li sejjer ikun jaħdem bil-bijogass prodott f’Sant’Antnin u jipprovdi biżżejjed enerġija elettrika għal 1 400 familja b’erba’ persuni kull waħda, aktar mis-sħana meħtieġa biex jitħaddem l-impjant.
  • Ossidatur Termali Riġenerattiv (Regenerative Thermal Oxidiser - RTO) biex jittratta l-gassijiet u l-irwejjaħ li jiġu ġġenerati fil-kompartamenti magħluqa qabel jiġu rilaxxati fl-atmosfera.
  • Stazzjon ta’ aċċettazzjoni tal-iskart biex jiġbor id-data u jikkontrolla d-depożiti tal-iskart.

Id-data ta' l-abbozz

15/06/2010