Tempji antiki salvati minn għata protettiv

Żewġ tempji megalitiċi Maltin li kienu qed juru sinjali ta’ xedd u kedd tgħattew minn għata temporanju. Biex tkun assigurata l-konservazzjoni fit-tul tagħhom, Ħaġar Qim u l-Imnajdra issa jinsabu taħt strutturi għoljin u eleganti ta’ azzar u tessuti.

 Għodod addizzjonali

 
Għata fuq tempji megalitiċi għal skop ta' preservazzjoni Għata fuq tempji megalitiċi għal skop ta' preservazzjoni

“Iċ-ċentru tal-viżitaturi jissodisfa l-ħtieġa li ilha tinħass għal interpretazzjoni aħjar, biex is-sit jingħata aktar tifsira u aċċessibbli għal udjenzi kollha.”
Dr Reuben Grima, Kuratur Anzjan, Dipartiment tas-Siti Storiċi, Heritage Malta

Dawn it-tempji, li jinsabu fil-kosta tan-nofsinhar ta’ Malta, huma tnejn minn sitta fil-gżira reġistrati fil-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO u mmaniġġjati direttament minn Heritage Malta. Fil-qrib inbena ukoll ċentru għall-viżitaturi.

Tined għoljin

Separati b’madwar 500 metru, it-tempji tal-ġebla tal-franka ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra jmorru lura sal-perjodu 3,600-3,200 QK. Sa mill-iskavar tagħhom fl-1839 u l-1840, huma attiraw eluf ta’ viżitaturi – li jimmeraviljaw rwieħhom bil-ġebel u ħitan massivi tagħhom irranġati tajjeb. Huma l-ewwel bini tal-ġebel ta’ daqshekk kumplessità arkitettoniku, fi kwalunkwe post tad-dinja, u jinsabu fil-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO għall-valur universali ta’ importanza kbira għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Fis-snin riċenti huma sofrew minn taħsir u problemi strutturali prinċipalment minħabba l-espożizzjoni għax-xita, bidliet fit-temperaturi u umdità relattiva, radjazzjoni solari, tniġġis, u affarijiet bħal dawn. Dawn kienu l-konklużjonijiet ta’ Kumitat Xjentifiku imwaqqaf fl-2000. Bħala konsegwenza ġie propost li t-tempji jkunu protetti permezz ta’ għata temporanju, idea approvata mill-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.

Ngħatat konsiderazzjoni bil-għaqal għad-disinn tal-għata, inkluż l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra b’kondizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi simili. Fl-aħħar, l-esperti Maltin marru għal tined kbar miftuħin b’arkati tal-azzar u tessuti. It-tinda fuq Ħaġar Qim hija aktar minn 11.5 metri għolja.

Ix-xogħol fuq l-għata beda fl-2008, permezz ta’ proġett kofinanzjat mill-UE li kopra kwazi żewġ terzi tal-ispejjeż totali. L-għata huma maħsuba li jservu għal 25 jew 30 sena li ġejjin. Sadattant ser ikompli ix-xogħol biex jissaħħu t-tempji, kif ukoll r-riċerka biex jiġu identifikati alternattivi fit-tul għall-għata.

Parti mill-proġett jinvolvi wkoll t-twaqqif ta’ ċentru għal viżitaturi. Ix-xogħol fuq dan beda f’April 2007.

Il-konservazzjoni hija ċ-ċavetta

L-għata l-ġodda huma meqjusa bħala miżura temporanja vitali għall-ħarsien tas-siti minn aktar taħsir. Il-viżitaturi ser jibbenefikaw ukoll, għaliex huma issa jistgħu jimxu madwar it-tempji mingħajr ma jkunu esposti għall-elementi.

L-esperjenza tal-individwi tas-siti tkabbret ukoll permezz tal-interpretazzjoni li ser tkun offruta fiċ-ċentru tal-viżitaturi ġdid. Il-futur ta’ Ħaġar Qim u tal-Imnajdra jidhru assigurati għal għexieren ta’ snin li ġejjin, li hija aħbar tajba għall-wirt ta' Malta u t-turisti.


Id-data ta' l-abbozz

17/12/2009