Il-promozzjoni ta’ settur tal-bastimenti tal-kruċieri sostenibbli għar-reġjun tal-Mediterran

Il-proġett LOCATIONS iffinanzjat mill-UE qed jaħdem biex iżid il-benefiċċji ekonomiċi li t-turiżmu tal-kruċieri jġib lill-komunitajiet kostali tar-reġjun tal-Mediterran filwaqt li jnaqqas l-impatt negattiv li għandu fuq il-mobilità urbana u l-ambjent.

 Għodod addizzjonali

 
The LOCATIONS project is addressing the impact cruise ship passengers have on urban mobility and the environment in the places they come ashore. ©Rodolfo Riccamboni 2017 The LOCATIONS project is addressing the impact cruise ship passengers have on urban mobility and the environment in the places they come ashore. ©Rodolfo Riccamboni 2017

" Mill-perspettiva tiegħi, il-proġett LOCATIONS qed jagħmel lin-nies konxji li l-kisba tal-kwalità ambjentali, it-trasformazzjoni tal-art u l-promozzjoni tal-qasma modali teħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd u ħidma konġunta. It-territorju tagħna jista’ jissodisfa l-bżonnijiet ta’ kulħadd b’użu mtejjeb tal-assi tiegħu: rotot u itinerarji li jwasslu lin-nies għal esplorazzjoni sostenibbli taż-żona tagħna. "

Nicola Scanferla, il-Muniċipalità ta’ Ravenna, sieħeb fil-proġett

Għar-reġjun tal-Mediterran, it-turiżmu tal-kruċieri jista’ jkun kemm barka kif ukoll saħta. Minn naħa waħda, il-vapuri jġibu vantaġġi ekonomiċi sostanzjali fil-portijiet tal-waqfa tagħhom u fiż-żoni tal-madwar. Min-naħa l-oħra, in-numru enormi ta’ passiġġieri li jġorru jistgħu jagħmlu ħerba mill-ibliet, ikunu ta’ piż kbir fuq is-sistemi tat-trasport tagħhom u jinvadu l-inħawi pittoreski li ħafna residenti jsejħu d-dar.

Billi l-industrija tal-kruċieri mistennija taqbeż il-25 miljun passiġġier madwar id-dinja fis-snin li ġejjin, l-impatt li l-passiġġieri tal-kruċieri għandhom fuq il-mobilità urbana u l-ambjent għandu jiġi indirizzat. 

Il-proġett LOCATIONS iffinanzjat mill-UE għandu l-għan li jagħmel eżattament dan – li jsib bilanċ bejn it-tisħiħ tal-vantaġġi ekonomiċi tat-turiżmu tal-kruċieri waqt li fl-istess ħin itaffi l-impatt negattiv li s-settur għandu fuq l-ambjent u l-mobilità urbana. Biex dan jitwettaq, il-proġett qed jgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jfasslu pjanijiet ta’ trasport u ta’ mobilità b’livell baxx ta’ karbonju (LCTPs). Billi jtejjeb il-flussi tal-passiġġieri u l-merkanzija relatati mal-kruċieri, il-proġett għandu l-għan li jtaffi l-konġestjoni tat-traffiku fl-bliet u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

Viżjoni fit-Tul

LCTP jipprovdi belt b’viżjoni fit-tul għat-trasport urban. Dan jindirizza kemm il-bidla fil-klima kif ukoll l-iżvilupp permezz ta’ proċess ta’ ppjanar integrat tat-trasport u tal-użu tal-art. L-elementi kollha tat-trasport urban huma koperti taħt proċess ta’ ppjanar li jirrikonoxxi r-relazzjoni minn żewġ naħat bejn il-mobbiltà disponibbli u x-xewqa ta’ individwu li jiċċaqlaq.

Il-proġett LOCATIONS żviluppa u implimenta LCTPs f’seba’ bliet portwali pilota: Liżbona, Malaga, Ravenna, Trieste, Rijeka, Zadar, u Durrës. Dawn il-piloti huma maħsuba biex jittestjaw miżuri speċifiċi identifikati. Il-miżuri vvalidati kollha huma rrapportati f’katalogu ta’ azzjonijiet li jistgħu jiġu replikati mill-awtoritajiet lokali biex ifasslu l-LCTP tagħhom stess. 

B’mod ġenerali, iktar minn 40 miżura ġew ikkunsidrati u miġbura fil-kategoriji li ġejjin: 

  • vetturi ibridi, nodfa u tal-elettriku  
  • aċċessibilità tal-port 
  • aċċessibilità
  • intramodalità 
  • biljetti u tariffi
  • titjib/servizzi taċ-ċikliżmu u l-mixi
  • ġestjoni tal-aċċess u prezzijiet tat-toroq  
  • ġestjoni/prezzijiet tal-parkeġġ 
  • informazzjoni f’ħin reali u tal-utent tat-triq

LCTP fl-azzjoni

Eżempju ta’ kif jidher LCTP huwa l-belt Taljana ta’ Ravenna. It-terminal tal-kruċieri huwa 15-il km miċ-ċentru tal-belt u l-pjan għandu l-għan li jistabbilixxi netwerk taċ-ċikliżmu u ta’ persuni mixjin fit-triq u sistema relatata ma’ kif issib it-triq. Is-sistema tgħaqqad it-terminal ma’ ħafna attrazzjonijiet naturali fil-qrib u ċ-ċentru tal-belt permezz ta’ sistema elettronika ta’ qsim tar-roti ma’ oħrajn. Il-proġett ibiddel ir-rotta tat-traffiku ħdejn il-port biex jimminimizza l-impatt li l-karozzi tal-linja relatati mal-kruċieri jkollhom fuq il-popolazzjoni lokali.

Ġew iddisinjati total ta’ 14-il pakkett modulari, li kull wieħed minnhom jipprovdi lill-ibliet b’azzjonijiet speċifiċi għall-immaniġġjar ta’ firxa ta’ kwistjonijiet ta’ mobilità li joħolqu l-vapuri tal-kruċieri. Permezz ta’ azzjonijiet internazzjonali għall-bini tal-kapaċità u opportunitajiet ta’ tagħlim transkonfinali dwar il-mobbiltà sostenibbli, l-esperjenza LOCATIONS qed tinfirex madwar il-Mediterran. Il-proġett nieda kampanja ta’ sensibilizzazzjoni għat-turisti li tħeġġiġhom biex ma jaffettwawx il-kwalità tal-ħajja tal-lokal b’mod negattiv. 

Videos

Investiment totali u finanzjament mill-UE 

L-investiment totali għall-proġett “LOCATIONS – Trasport b’Livell Baxx ta’ Karbonju fi Bliet ta’ Destinazzjoni tal-Kruċieri” huwa ta’ EUR 3 012 605, bil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE jikkontribwixxi EUR 2 334 793 permezz tal-Programm Operattiv “Interreg V-B Mediterranean”, u EUR 225 921 permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-perjodu ta’ programmar 2014-2020. L-investiment jaqa’ taħt il-prijorità “Unjoni tal-Enerġija u l-Klima”.

 

Id-data ta' l-abbozz

29/05/2019