Il-finanzjament innovattiv itejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini pubbliku taż-żona MED

Sabiex jinkiseb l-iffrankar tal-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, il-proġett STEPPING għen lill-awtoritajiet pubbliċi f’seba’ pajjiżi Mediterranji jirrinnovaw u jaġġornaw il-bini tagħhom bl-użu ta’ finanzjament innovattiv fil-forma ta’ kkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija (EPC). Il-proġett ipprovda taħriġ u ħoloq għodod, linji gwida u rakkomandazzjonijiet ta’ politika biex jiġi promoss l-użu tal-EPCs fiż-żona tal-Mediterran.

 Għodod addizzjonali

 
Measuring the thermal transmittance of a window ©Monica Risso (2019) Measuring the thermal transmittance of a window ©Monica Risso (2019)

" STEPPING għenna nindirizzaw l-effiċjenza enerġetika bil-mod it-tajjeb, b’appoġġ professjonali. "

Claudio Rolfo, l-Istitut Nazzjonali tar-Riċerka Metroloġika, Turin, l-Italja

Id-disa’ sħab tal-proġetti ġabru flimkien kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija u 74 awtorità lokali fl-Italja, fi Franza, fil-Greċja, f’Malta, fil-Portugall, fis-Slovenja u fi Spanja. L-għan kien li jiġu attirati EUR 18.7 miljun f’investiment u li jiġu rinnovati 170 binja pubblika. Sa tmiem il-proġett, saru investimenti ta’ valur ta’ EUR 9 miljun. Ingħataw tliet offerti għall-EPC, li rriżultaw fir-rinnovazzjoni ta’ 94 binja f’20 muniċipalità Taljana.

B’mod ġenerali, il-proġett wera l-effettività tal-EPC fl-attirar ta’ investimenti fl-effiċjenza enerġetika. Ma kienx possibbli li tiġi implimentata l-prattika fil-pajjiżi Mediterranji kollha minħabba restrizzjonijiet bħal ostakoli politiċi u amministrattivi, il-livell attwali ta’ maturità tas-suq u l-oqfsa finanzjarji eżistenti.

Pedament għat-tkabbir

L-EPCs jużaw l-iffrankar miksub permezz ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika biex iħallsu lura l-ispiża tal-installazzjoni tagħhom. Dawn huma ffokati primarjament fuq ir-riżultati li l-investiment jista’ jikseb u jippermettu lis-sidien tal-bini jevitaw nefqa kapitali bil-quddiem. Madankollu, l-awtoritajiet lokali m’għandhomx il-ħiliet u l-għarfien biex ifasslu u jimmaniġġjaw tali kuntratti. Il-proġett STEPPING offrielhom l-appoġġ tekniku, amministrattiv u legali meħtieġ.

Matul id-durata tal-proġett ġew irreklamati erba’ offerti, li tlieta minnhom ingħataw sa tmiem il-proġett fl-2019. Kollha kienu fl-Italja: tnejn ta’ valur ta’ EUR 2.7 miljun ġew implimentati fir-reġjun tal-Piemonte, inkluż waħda fl-Istitut Nazzjonali tar-Riċerka Metroloġika, f’Turin, u oħra f’Modena ta’ valur ta’ EUR 6 miljun.

Fi Franza, żewġ proġetti ta’ investiment ħejjew proċessi ta’ sejħiet għall-offerti fl-2020. Żewġ proġetti oħra ġew skedati għat-tnedija fl-2021. Abbażi tar-riżultati ta’ STEPPING, l-aġenzija tal-enerġija u dik ambjentali Aura-EE, fir-reġjun ta’ Auvergne-Rhône-Alpes, intgħażlet għall-proġett ta’ assistenza għall-iżvilupp BAPAURA. Iffinanzjat minn Orizzont 2020, il-proġett jipprevedi l-istabbiliment ta’ disa’ servizzi ta’ punt uniku ta’ servizz għar-rinnovazzjoni ta’ 115-il binja pubblika fi tliet snin, għal investiment totali ta’ EUR 23 miljun.

Fil-Greċja, il-biċċa l-kbira tal-pjanijiet ta’ investiment imfassla twettqu bl-għajnuna tal-FEŻR. Fis-Slovenja, il-bini kollu kkunsidrat fi STEPPING ġie rinnovat kif ippjanat, għalkemm mhux b’EPC.

Taħriġ u replikazzjoni

Saru total ta’ 32 sessjoni ta’ taħriġ tal-EPC għal 280 persuna – persunal fl-awtoritajiet lokali u professjonisti fis-settur tal-bini, inklużi l-periti u l-inġiniera. Il-proġett ħareġ rakkomandazzjonijiet ta’ politika, linji gwida u għodda ta’ simulazzjoni tal-EPC. Dawn huma maħsuba biex jiżguraw li l-proġett ikun jista’ jiġi rreplikat f’partijiet oħra tal-Ewropa.

 L-għodda ta’ simulazzjoni STEPPING EPC tintuża mill-Park tax-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Ambjent f’Turin biex tivvaluta s-sostenibbiltà finanzjarja tal-proġetti. Ġiet sottomessa applikazzjoni ġdida għall-Faċilità Ewropea tal-Belt permezz tal-għodda.

Il-Pjattaforma tal-EPC MED tippermetti lil kwalunkwe persuna b’interess fis-suġġett biex issib aktar informazzjoni. Fl-aħħar nett, il-proġett ġie ppreżentat matul 61 avveniment organizzati minn istituzzjonijiet oħra, li għalihom attendew 3 125 parteċipant.

Investiment totali u finanzjament tal-UE

L-investiment totali għall-proġett “L-Appoġġ tal-Akkwist Pubbliku tal-EPC Fit-Triq Lil Hinn (STEPPING)” huwa ta’ EUR 1,943,112, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE li kkontribwixxa EUR 1,651,645 permezz tal-Programm Operazzjonali “Interreg Mediterran” għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-investiment jaqa’ taħt il-prijorità “Trawwim ta’ strateġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenza enerġetika”.

Id-data ta' l-abbozz

30/03/2021