breadcrumb.ecName

Ir-Rapport dwar il-Koeżjoni l-Ġdid juri li d-differenzi bejn ir-reġjuni tal-UE qed jonqsu bis-saħħa tal-appoġġ tal-UE

  • 09 February 2022
Ir-Rapport dwar il-Koeżjoni l-Ġdid juri li d-differenzi bejn ir-reġjuni tal-UE qed jonqsu bis-saħħa tal-appoġġ tal-UE

It-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni ppubblikat mill-Kummissjoni juri li l-politika ta' Koeżjoni għenet biex jonqsu d-disparitajiet territorjali u soċjali bejn ir-reġjuni fl-UE. Bis-saħħa tal-finanzjament tal-Koeżjoni, il-PDG per capita tar-reġjuni anqas żviluppati mistenni jiżdied b'sa 5 % sal-2023.

L-istess investimenti appoġġaw ukoll tnaqqis ta' 3.5 % fid-differenza bejn il-PDG per capita tal-10 % tar-reġjuni l-anqas żviluppati u l-10 % tar-reġjuni l-aktar żviluppati.

Ir-rapport juri wkoll li, bis-saħħa tal-flessibilità tagħha, il-politika ta' Koeżjoni pprovdiet appoġġ ferm meħtieġ u rapidu ħafna lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u dawk lokali f'nofs it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u l-agħar kriżi ta' dawn l-aħħar żminijiet.

Il-programmi l-ġodda tal-politika ta' Koeżjoni 2021–2027 se jkomplu jinvestu fir-reġjuni u fin-nies, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-qawwa finanzjarja tal-pakkett NextGenerationEU.

Konstatazzjonijiet ewlenin addizzjonali

  • Il-politika ta' Koeżjoni saret sors aktar importanti ta' investiment. Il-finanzjament ta' koeżjoni kiber mill-ekwivalenti ta' 34 % għal 52 % tal-investiment pubbliku totali mill-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 sal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.
  • Mill-2001 'il quddiem, ir-reġjuni anqas żviluppati fl-Ewropa tal-Lvant bdew jilħqu lill-bqija tal-UE. Madankollu, fl-istess ħin, ħafna reġjuni b'introjtu medju u anqas żviluppati, speċjalment fin-nofsinhar u fil-lbiċ tal-UE, sofrew minn staġnar jew tnaqqis ekonomiku.
  • Il-konverġenza bejn l-Istati Membri aċċellerat, iżda d-disparitajiet reġjonali interni fl-Istati Membri li qed jikbru b'rata mgħaġġla żdiedu.
  • L-impjiegi qed jiżdiedu, iżda d-disparitajiet reġjonali għadhom akbar minn kif kienu qabel l-2008.
  • L-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali naqas bi 17-il miljun bejn l-2012 u l-2019.
  • Id-distakk fl-innovazzjoni reġjonali fl-Ewropa kiber, minħabba nuqqas ta' investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp u dgħufijiet fl-ekosistemi tal-innovazzjoni tar-reġjuni l-anqas żviluppati.
  • Il-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ u se tibda tonqos fis-snin li ġejjin. Fl-2020, 34 % tal-popolazzjoni tal-UE kienet tgħix f'reġjun li kien qed jiċkien. Dan huwa pproġettat li jilħaq il-51 % fl-2040.

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:

Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: It-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni juri biċ-ċar l-importanza tal-politika ta' Koeżjoni biex titrawwem il-konverġenza u jonqsu l-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni fl-UE. Bis-saħħa tal-immappjar tal-oqsma fejn l-Istati Membri u r-reġjuni jridu jagħmlu aktar u aħjar, ir-rapport jippermettilna nitgħallmu mil-lezzjonijiet tal-passat biex inkunu ppreparati aħjar għall-isfidi tal-futur. Jeħtieġ li nħaffu l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' Koeżjoni għall-2021-2027 sabiex inkunu nistgħu nkomplu nappoġġaw lir-reġjuni biex jirkupraw mill-pandemija, igawdu mill-benefiċċji sħaħ tat-tranżizzjoni lejn Ewropa ekoloġika u diġitali u biex iwettqu t-tkabbir fit-tul.

Il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, żied jgħid: “Il-pandemija żiedet ir-riskju ta' inugwaljanzi fl-UE, u l-politika ta' Koeżjoni hija waħda mill-għodod ewlenin tagħna biex niġġieldu din ix-xejra u ninvestu fin-nies. Hija tgħinna nilħqu l-objettiv li nibnu Ewropa soċjali b'saħħitha li tkun inklużiva u ġusta. Jien kburi li bis-saħħa tal-fondi tal-UE, tfal żvantaġġati qed jirċievu kotba u kompjuters; iż-żgħażagħ qed jiġu offruti apprendistati biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; u l-persuni vulnerabbli għandhom aċċess għal ikla sħuna u kura.”

Il-politika ta' koeżjoni tindirizza l-isfidi ewlenin tar-reġjuni tal-UE

Il-politika ta' koeżjoni għamlet differenza għal ħafna reġjuni u nies tal-UE. Hija għenithom jinvestu fi tkabbir aktar sostenibbli u bbilanċjat, b'benefiċċji fit-tul. Hija appoġġat l-infrastruttura fiżika u diġitali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-SMEs, u t-tranżizzjoni ekoloġika.

Aktar reċentement, il-politika ta' Koeżjoni għenet lir-reġjuni tal-UE jiffaċċaw l-isfida tal-pandemija tal-coronavirus u l-konsegwenzi tagħha. Iż-żewġ pakketti ta' appoġġ imnedija fir-rebbiegħa tal-2020 (CRII u CRII+) offrew likwidità immedjata, għamlu l-infiq aktar flessibbli, żiedu r-rata ta' kofinanzjament għal 100 % u estendew il-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE.

Bħala parti min-NextGenerationEU, REACT-EU pprovdiet EUR 50.6 biljun addizzjonali biex tappoġġa l-irkupru mill-pandemija li ppermetta lir-reġjuni u l-bliet ikomplu jinvestu fit-tkabbir tagħhom filwaqt li jħejju l-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027. Ipprovdiet ukoll xibka ta' sikurezza tant meħtieġa għall-persuni vulnerabbli li s-sitwazzjonijiet tagħhom saru terġa' aktar prekarji b'riżultat tal-pandemija.

Tul is-snin li ġejjin, il-politika ta' Koeżjoni se tkompli ssaħħaħ l-iżvilupp ġust u sostenibbli fir-reġjuni kollha tal-UE, filwaqt li tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali permezz ta':

  • Approċċ għall-iżvilupp komprensiv u mmirat: il-finanzjament, il-governanza, il-konsistenza u s-sinerġiji mal-politiki nazzjonali;
  • Politiki bbażati fuq il-post, b'diversi livelli u mmexxija minn sħubijiet, li jfasslu l-appoġġ tagħhom għall-aktar territorji vulnerabbli;
  • Adattabbiltà kontinwata għal sfidi emerġenti u mhux mistennija.

Il-passi li jmiss

It-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni se jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet fil-Forum dwar il-Koeżjoni li jmiss (17-18 ta' Marzu), li jlaqqa' flimkien ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali mill-Istati Membri kollha, is-sħab soċjali u ekonomiċi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-akkademja. Il-Forum se jiddiskuti kif il-politika ta' Koeżjoni tista' tiżgura li l-ebda reġjun ma jitħalla jibqa' lura fil-bidliet strutturali li għaddejjin, u li r-reġjuni kollha jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

Sfond

Kull tliet snin, il-Kummissjoni tippubblika rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, li jippreżenta l-progress u r-rwol tal-UE bħala mutur għall-iżvilupp reġjonali. Dan janalizza l-evoluzzjoni tal-koeżjoni fl-UE skont firxa wiesgħa ta' indikaturi, bħall-prosperità, l-impjiegi, il-livelli tal-edukazzjoni, u l-aċċessibbiltà u l-governanza.

Abbażi tal-fatti u ċ-ċifri, ir-Rapport joffri stampa tal-istat u tal-evoluzzjoni tal-iżvilupp tar-reġjuni tal-UE u l-isfidi li qed jiffaċċaw. Ir-Rapport jivvaluta jekk id-disparitajiet bejn ir-reġjuni naqsux, min qed qiegħed fuq quddiem u min jeħtieġ li jilħaq lill-oħrajn fl-innovazzjoni, l-impjiegi jew il-kapaċità istituzzjonali, pereżempju. Huwa juri wkoll fejn jinsabu r-reġjuni fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u min jeħtieġ aktar appoġġ. Stampa aktar ċara ta' xi nkiseb u x'għad irid isir fil-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027 se tkun ta' gwida għall-politiki u l-investimenti tal-UE biex jgħinu lir-reġjuni jiksbu tkabbir ibbilanċjat u sostenibbli fit-tul.

Aktar informazzjoni