Il-Kummissjoni tadotta gwida ġdida dwar kif issir il-verifika tar-reżistenza klimatika tal-proġetti infrastrutturali futuri

 Għodod addizzjonali

 
29/07/2021

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat gwida teknika ġdida għall-perjodu 2021–2027 dwar kif issir il-verifika tar-reżistenza klimatika tal-proġetti infrastrutturali futuri.

New technical guidance on climate-proofing of infrastructure projects - Vulnerability of 571 European cities to climate- and weather-related hazard New technical guidance on climate-proofing of infrastructure projects - Vulnerability of 571 European cities to climate- and weather-related hazard

Il-gwida se tgħin biex il-kunsiderazzjonijiet klimatiċi jiġu integrati fl-investiment u fl-iżvilupp futuri ta' proġetti infrastrutturali minn binjiet u infrastrutturi tan-network għal firxa ta' sistemi u assi mibnija. B'dak il-mod, l-investituri istituzzjonali u privati Ewropej se jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar proġetti meqjusa kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-objettivi klimatiċi tal-UE.

Għalhekk il-gwida adottata llum se tgħin lill-UE twettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, timplimenta r-rekwiżiti skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima u tagħmel l-infiq tal-UE aktar ekoloġiku. Il-gwida hija allinjata ma' perkors għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta' emissjonijiet netti ta' -55 % sal-2030 u għan-newtralità klimatika sal-2050; issegwi l-prinċipji “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” u “tagħmilx ħsara sinifikanti”; u tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni għal għadd ta' fondi tal-UE bħal InvestEU, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni (FK) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF).

L-impatti tat-tibdil fil-klima diġà qed ikollhom riperkussjonijiet fuq l-assi u l-infrastruttura b'ħajja twila bħal ferroviji, pontijiet jew impjanti tal-enerġija, u dawn l-impatti huma mistennija li jintensifikaw fil-futur. Pereżempju, il-kostruzzjoni f'żoni li x'aktarx jiġu affettwati minn żieda fil-livell tal-baħar teħtieġ attenzjoni partikolari; b'mod simili, it-tolleranza termika għal-linji ferrovjarji jeħtieġ li tiġi kkalkulata skont it-temperaturi ogħa u massimi mbassra aktar milli skont il-valuri storiċi. Għaldaqstant huwa essenzjali li jiġu identifikati b'mod ċar – l-infrastrutturi li jkunu mħejjija għal futur li jkun newtrali għall-klima kif ukoll reżiljenti għall-klima, u għalhekk li jsir investiment fihom.

Il-verifika tar-reżistenza klimatika hija proċess li jintegra l-miżuri ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u ta' adattament għalih, fl-iżvilupp ta' proġetti infrastrutturali. Il-gwida teknika adottata llum tistabbilixxi prinċipji u prattiki komuni għall-identifikazzjoni, il-klassifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji klimatiċi fiżiċi fl-ippjanar, fl-iżvilupp, fl-eżekuzzjoni u fil-monitoraġġ ta' proġetti u programmi infrastrutturali. Il-proċess huwa maqsum f'żewġ pilastri (mitigazzjoni, adattament) u f'żewġ fażijiet (skrinjar, analiżi dettaljata) u d-dokumentazzjoni u l-verifika tar-reżistenza klimatika hija meqjusa bħala parti essenzjali mir-raġunament wara t-teħid ta' deċiżjonijiet ta' investiment.

Speċifikament, għal infrastruttura b'tul ta' ħajja lil hinn mill-2050, il-gwida tistipula li t-tħaddim, il-manutenzjoni u d-dekummissjonar finali ta' kwalunkwe proġett għandhom jitwettqu b'mod newtrali għall-klima, li jista' jinkludi kunsiderazzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari, bħar-riċiklaġġ jew l-għoti ta' skop ġdid lill-materjali. Ir-reżiljenza klimatika ta' proġetti infrastrutturali ġodda għandha tiġi żgurata permezz ta' miżuri ta' adattament adegwati, ibbażati fuq valutazzjoni tar-riskju klimatiku.

Gwida teknika addizzjonali dwar il-verifika tar-reżistenza klimatika tal-investimenti għajr tal-infrastrutturi tinsab disponibbli fl-Avviż tal-Kummissjoni (2021/C 280–01).

Kuntest

Il-gwida teknika l-ġdida dwar il-verifika tar-reżistenza klimatika tal-proġetti infrastrutturali ġiet żviluppata mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib ma' sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni għal InvestEU flimkien mal-Grupp tal-BEI.

Hija primarjament maħsuba għal promoturi ta' proġetti u esperti involuti fit-tħejjija ta' proġetti infrastrutturali. Tista' tkun ukoll referenza utli għall-awtoritajiet pubbliċi, għas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, għall-investituri, għall-partijiet ikkonċernati, u għal atturi oħrajn.

Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-verifika tar-reżistenza klimatika f'proġetti kbar matul il-perjodu 2014–2020, din il-gwida tintegra wkoll il-verifika tar-reżistenza klimatika mal-proċessi tal-ġestjoni taċ-ċiklu tal-proġett (PCM), tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali (VIA), u tal-valutazzjoni ambjentali strateġika (VAS), u tinkludi rakkomandazzjonijiet biex jiġu appoġġati proċessi nazzjonali tal-verifika tar-reżistenza klimatika fl-Istati Membri.

Aħbarijiet