Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali: għal żoni rurali tal-UE aktar b'saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi

 Għodod addizzjonali

 
30/06/2021

Illum il-Kummissjoni Ewropea ressqet viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE, li tidentifika l-isfidi u t-tħassib li qed jiffaċċjaw, kif ukoll tenfasizza wħud mill-aktar opportunitajiet promettenti li huma disponibbli għal dawn ir-reġjuni. Abbażi ta' prospettivi u konsultazzjonijiet wiesgħa maċ-ċittadini u ma' atturi oħra fiż-żoni rurali, il-Viżjoni tal-lum tipproponi Patt Rurali u Pjan ta' Azzjoni Rurali, li għandhom l-għan li jagħmlu ż-żoni rurali tagħna aktar b'saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi.

Biex nirrispondu b'suċċess għall-megatendenzi u l-isfidi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, l-urbanizzazzjoni, it-tixjiħ u biex naħsdu l-benefiċċji tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, għandna bżonn politiki u miżuri sensittivi għall-post li jqisu d-diversità tat-territorji tal-UE, il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u l-vantaġġi relattivi.

Fiż-żoni rurali madwar l-UE, il-popolazzjoni bħala medja hija ixjeħ miż-żoni urbani, u se tibda tonqos bil-mod fl-għaxar snin li ġejjin. Meta ma' dan jiżdied in-nuqqas ta' konnettività, l-infrastruttura mhux żviluppata biżżejjed, in-nuqqas ta' opportunitajiet ta' impjiegi diversi, u l-aċċess limitat għas-servizzi, iż-żoni rurali jsiru inqas attraenti biex wieħed jgħix u jaħdem fihom. Fl-istess waqt, iż-żoni rurali għandhom ukoll rwol attiv fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE. Jekk jintlaħqu l-miri tal-ambizzjonijiet diġitali tal-UE għall-2030, jistgħu jinħolqu aktar opportunitajiet għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali lil hinn mill-agrikoltura, il-biedja u l-forestrija, filwaqt li jiġu żviluppati perspettivi ġodda għat-tkabbir tal-manifattura u speċjalment tas-serivzzi, u titjieb id-distribuzzjoni ġeografika tas-servizzi u tal-industriji.

Din il-Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE għandha l-għan li dawk l-isfidi u t-tħassib tindirizzahom billi tibni fuq l-opportunitajiet emerġenti tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE u fuq it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, u billi tidentifika mezzi biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja rurali, jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat u jiġi stimolat it-tkabbir ekonomiku.

Patt Rurali

Patt Rurali ġdid se jinvolvi atturi fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, biex jappoġġa l-għanijiet kondiviżi tal-Viżjoni, irawwem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jindirizza l-aspirazzjonijiet komuni tal-komunitajiet rurali. Il-Kummissjoni se tiffaċilita dan il-qafas permezz ta' networks eżistenti, u tħeġġeġ l-iskambju ta' ideat u l-aħjar prattiki fil-livelli kollha.

Pjan ta' Azzjoni Rurali tal-UE

Illum, il-Kummissjoni ressqet ukoll Pjan ta' Azzjoni biex tħeġġeġ żvilupp rurali sostenibbli, koeżiv u integrat. Diversi politiki tal-UE jipprovdu appoġġ liż-żoni rurali, u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ibbilanċjat, ġust, ekoloġiku u innovattiv tagħhom. Fost dawn, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-Politika ta' Koeżjoni se jkunu fundamentali fl-appoġġ u fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni, filwaqt li jkunu akkumpanjati minn għadd ta' oqsma ta' politika oħra tal-UE li flimkien se jbiddlu din il-Viżjoni f'realtà.

Il-Viżjoni u l-Pjan ta' Azzjoni jidentifikaw erba' oqsma ta' azzjoni, appoġġati minn inizjattivi ewlenin, biex jippermettu li ż-żoni rurali tal-UE jkunu:

  • Aktar b'saħħithom: jiġi enfasizzat l-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet rurali, jittejjeb l-aċċess għas-servizzi u tiġi faċilitata l-innovazzjoni soċjali;
  • Konnessi: biex tittejjeb il-konnettività kemm f'termini ta' trasport kif ukoll ta' aċċess diġitali;
  • Reżiljenti: il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-ekoloġizzazzjoni tal-attivitajiet tal-biedja biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima filwaqt li tiġi żgurata wkoll ir-reżiljenza soċjali billi jiġi offrut aċċess għal korsijiet ta' taħriġ u opportunitajiet ta' impjiegi diversi ta' kwalità;
  • Prosperużi: biex jiddiversifikaw l-attivitajiet ekonomiċi u jtejbu l-valur miżjud tal-attivitajiet tal-biedja u dawk agroalimentari u l-agrituriżmu.

Il-Kummissjoni se tappoġġa u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Rurali tal-UE u taġġornah fuq bażi regolari biex tiżgura li dan jibqa' rilevanti. Se tkompli wkoll iżżomm kuntatt mal-Istati Membri u mal-atturi rurali biex ikun hemm djalogu dwar kwistjonijiet rurali. Barra minn hekk, se tiġi stabbilita “verifika rurali” fejn il-politiki tal-UE jiġu rieżaminati mil-lenti rurali. L-għan huwa li jiġu identifikati u jitqiesu aħjar l-impatt u l-implikazzjoni potenzjali ta' inizjattiva ta' politika tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi rurali, it-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli.

Fl-aħħar nett, se jitwaqqaf osservatorju rurali fi ħdan il-Kummissjoni biex ikompli jtejjeb il-ġbir u l-analiżi tad-data dwar iż-żoni rurali. Dan se jipprovdi evidenza li tagħti informazzjoni fit-tfassil tal-politika fir-rigward tal-iżvilupp rurali u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Rurali.

Il-passi li jmiss

It-tħabbira tal-lum tal-Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni Rurali timmarka l-ewwel pass lejn żoni rurali aktar b'saħħithom, konnessi aħjar, reżiljenti u prosperużi sal-2040. Il-Patt Rurali u l-Pjan ta' Azzjoni Rurali tal-UE se jkunu l-komponenti ewlenin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Sa tmiem l-2021, il-Kummissjoni se tingħaqad mal-Kumitat tar-Reġjuni biex teżamina t-triq lejn l-għanijiet tal-Viżjoni. Sa nofs l-2023, il-Kummissjoni se tevalwa liema azzjonijiet iffinanzjati mill-UE u mill-Istati Membri twettqu u ġew ipprogrammati għaż-żoni rurali. Rapport pubbliku, li se jiġi ppubblikat fil-bidu tal-2024, se jidentifika oqsma fejn huma meħtieġa appoġġ u finanzi msaħħa, kif ukoll it-triq 'il quddiem, abbażi tal-Pjan ta' Azzjoni Rurali tal-UE. Id-diskussjonijiet dwar ir-rapport se jikkontribwixxu għar-riflessjoni dwar it-tħejjija tal-proposti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2028-2034.

Kuntest

Il-ħtieġa li titfassal viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali ġiet enfasizzata fil-linji gwida politiċi tal-President von der Leyen u fl-ittri ta' missjoni lill-Viċi President Šuica, lill-Kummissarju Wojciechowski u lill-Kummissarju Ferreira

L-Artikolu 174 tat-TFUE jesiġi li l-UE tagħti attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, fost l-oħrajn, meta tippromwovi l-iżvilupp armonjuż ġenerali tagħha, issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha u tnaqqas id-disparitajiet bejn id-diversi reġjuni.

F'April 2021 sar stħarriġ tal-Ewrobarometru li vvaluta l-prijoritajiet tal-Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni Rurali. L-istħarriġ sab li 79 % taċ-ċittadini tal-UE appoġġaw li l-UE għandha tqis iż-żoni rurali fid-deċiżjonijiet tal-infiq pubbliku; 65 % taċ-ċittadini tal-UE kienu tal-fehma li ż-żona lokali jew il-provinċja għandha tkun tista' tiddeċiedi kif jintefaq l-investiment rurali tal-UE; u 44 % semmew l-infrastruttura u l-konnessjonijiet tat-trasport bħala ħtieġa ewlenija taż-żoni rurali.

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar il-Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni Rurali mis-7 ta' Settembru sat-30 ta' Novembru 2020. Aktar minn 50 % ta' dawk li wieġbu ddikjaraw li l-infrastruttura hija l-aktar ħtieġa urġenti taż-żoni rurali. 43 % tar-rispondenti semmew ukoll l-aċċess għal servizzi u kumditajiet bażiċi, bħall-ilma u l-elettriku kif ukoll il-banek u l-uffiċċji postali, bħala ħtieġa urġenti. Ir-rispondenti jemmnu li, matul l-20 sena li ġejjin, l-attraenza taż-żoni rurali se tiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà tal-konnettività diġitali (93 %), tas-servizzi bażiċi u tas-servizzi elettroniċi (94 %) u fuq it-titjib tal-prestazzjoni klimatika u ambjentali tal-biedja (92 %).

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu

Il-Viċi President għad-Demokrazija u d-Demografija, Dubravka Šuica, qalet: “Iż-żoni rurali jospitaw kważi 30 % tal-popolazzjoni tal-UE u hija l-ambizzjoni tagħna li ntejbu b'mod sinifikanti l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Aħna smajna t-tħassib tagħhom u, flimkien magħhom, bnejna din il-viżjoni abbażi tal-opportunitajiet ġodda maħluqa mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE u mit-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19. B'din il-Komunikazzjoni, irridu noħolqu momentum ġdid għaż-żoni rurali, bħala postijiet attraenti, vibranti u dinamiċi, filwaqt li naturalment nipproteġu l-karattru essenzjali tagħhom. Irridu nagħtu liż-żoni u lill-komunitajiet rurali vuċi aktar b'saħħitha fil-bini tal-futur tal-Ewropa.”

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura Janusz Wojciechowski, qal: “Illum iż-żoni rurali huma kruċjali għall-UE; huma jipproduċu l-ikel tagħna, jissalvagwardjaw il-wirt tagħna u jipproteġu l-pajsaġġi tagħna. Għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Madankollu, irridu nipprovdu l-għodod it-tajba għal dawn il-komunitajiet rurali biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li ġejjin u jindirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw bħalissa. Il-Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni Rurali hija l-ewwel pass lejn it-trasformazzjoni taż-żoni rurali tagħna. Il-PAK il-ġdida se tikkontribwixxi għall-Viżjoni billi trawwem settur agrikolu intelliġenti, reżiljenti u diversifikat, issaħħaħ l-indukrar ambjentali u l-azzjoni klimatika u ssaħħaħ in-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali. Se niżguraw li l-Pjan ta' Azzjoni Rurali tal-UE jippermetti żvilupp sostenibbli taż-żoni rurali tagħna.”

Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “Għalkemm ilkoll niffaċċjaw l-istess sfidi, it-territorji tagħna għandhom mezzi, qawwiet u kapaċitajiet differenti biex ilaħħqu magħhom. Il-politiki tagħna għandhom ikunu sensittivi għall-karatteristiċi diversi tar-reġjuni tagħna. L-Unjoni demokratika u koeżiva li rridu, trid tinbena eqreb taċ-ċittadini u t-territorji tagħna, bl-involviment ta' livelli differenti ta' governanza. Il-Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni Rurali titlob soluzzjonijiet imfassla għall-ħtiġijiet u l-assi speċifiċi tagħhom, bl-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-komunitajiet lokali. Iż-żoni rurali jridu jkunu kapaċi jipprovdu servizzi bażiċi għall-popolazzjoni tagħhom u jibnu fuq il-punti tagħhom li l-aktar huma b'saħħithom biex isiru pedamenti għall-iżvilupp ekonomiku. Dawn kollha huma fil-qalba tal-Politika ta' Koeżjoni l-ġdida għall-2021-2027.”

 

Aħbarijiet

Temi relatati

Rural development