NextGenerationEU: Il-Kummissjoni tgħaddi EUR 800 miljun mill-ewwel pagamenti biex tinkoraġġixxi l-irkupru u r-reżiljenza tal-kriżi

 Għodod addizzjonali

 
28/06/2021

Illum il-Kummissjoni żborżat EUR 800 miljun f'pagamenti permezz ta' NextGenerationEU, l-istrument temporanju biex jiffinanzja l-irkupru tal-Ewropa u jinkoraġġixxi ekonomija aktar ekoloġika, aktar diġitali u reżiljenti wara l-pandemija.

Il-pagamenti li saru llum se jkunu ta' 41 programm nazzjonali u reġjonali f'16-il Stat Membru (Franza, il-Greċja, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Polonja, il-Litwanja, in-Netherlands, is-Slovakkja, l-Estonja, l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Bulgarija, l-Iżvezja, il-Portugall, il-Kroazja) mill-inizjattiva tal-Assistenza għall-Irkupru għall-Koeżjoni u t-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU), l-inizjattiva li tgħin lill-Istati Membri jiffinanzjaw ir-rispons għall-kriżi u l-miżuri ta' rkupru wara l-pandemija tal-coronavirus. Il-fondi permezz tar-REACT-EU jikkostitwixxu f'riżorsi addizzjonali għall-programmi eżistenti tal-politika ta' Koeżjoni.

Il-miżuri permezz tar-REACT-EU se jnaqqsu d-distakk bejn ir-rispons ta' emerġenza u l-investimenti fit-tul billi jsaħħu r-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, jippreservaw u joħolqu l-impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, jappoġġaw lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, u jipprovdu kapital operatorju u appoġġ għall-investiment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

REACT-EU tiffinanzja miżuri mmirati għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali biex jiġu ttrattati malajr il-konsegwenzi negattivi tat-tifqigħa, pereżempju, permezz ta' investimenti fl-effiċjenza enerġetika, l-ekoloġizzazzjoni urbana u d-diġitalizzazzjoni.

L-iżborż isegwi l-implimentazzjoni b'suċċess tal-ewwel operazzjoni ta' teħid b'self permezz ta' NextGenerationEU. Il-bond ta' EUR 20 biljun għal 10 snin kien l-akbar ħruġ ta' bonds istituzzjonali fl-Ewropa u l-akbar ammont li l-UE ġabret fi tranżazzjoni waħda. Sal-aħħar ta' din is-sena, il-Kummissjoni biħsiebha tiġbor madwar EUR 80 biljun f'finanzjament fit-tul, li għandu jiġi kkomplementat minn EU-Bills għal żmien qasir.

Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:

Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “Ninsab kuntenta li l-politika ta' Koeżjoni għadha fuq quddiem fir-rispons għall-kriżi u l-irkupru. REACT-EU kienet l-ewwel Strument ta' NextGenerationEU li ġie ffinalizzat, il-programmi tagħha kienu l-ewwel li ġew adottati u issa hija l-ewwel strument li jagħti appoġġ lill-ekonomija, lin-negozji u lill-ħaddiema tagħna. REACT-EU iġġib magħha saħħa ta' investiment addizzjonali tant meħtieġa fil-programmi eżistenti tal-politika ta' Koeżjoni biex ikompli jiġi stimulat irkupru robust, ġust u koeżiv.”

Il-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni, Johannes Hahn, żied jgħid: “Ninsab kuntent ħafna li rnexxielna nagħtu bidu għall-ħruġ ta' NextGenerationEU kif skedat. Mil-lum, il-flus permezz ta' NextGenerationEU diġà qed jintużaw permezz ta' REACT-EU biex jgħinu lir-reġjuni u l-bliet tagħna jirkupraw mill-pandemija u jibnu Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti.”

Nilħqu l-ekonomija reali

Il-fondi addizzjonali se jgħaddu primarjament permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), inkluża l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (Youth Employment Initiative, YEI). Xi wħud mir-riżorsi l-ġodda se jintużaw ukoll biex jiżdied il-Fond Ewropew għal Għajnuna għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) għall-perjodu 2014-2020.

Biex tingħata l-assistenza massima possibbli lill-Istati Membri, il-kundizzjonijiet għall-użu ta' dawn ir-riżorsi addizzjonali ġew issimplifikati:

  • Il-kofinanzjament nazzjonali mhuwiex obbligatorju - dan ifisser li l-UE tista' tkopri 100 % tal-ispiża jekk l-Istati Membri jqisu li dan ikun meħtieġ.
  • Il-likwidità immedjata fil-forma ta' prefinanzjament ta' 11 % se tgħin biex tiġi żgurata introduzzjoni rapida ta' dan l-appoġġ, u b'hekk jiġi evitat kull xkiel.
  • Ma hemm l-ebda kondizzjonalità ex ante, u lanqas xi rekwiżiti għal konċentrazzjoni tematika jew allokazzjoni skont il-kategorija ta' reġjun. L-ambitu tal-appoġġ huwa wiesa' u t-trasferimenti bejn il-FEŻR u l-FSE huma possibbli.
  • Il-proġetti li jmorru lura għall-1 ta' Frar 2020 jistgħu jiġu rimborżati retroattivament.

Żgurar tat-trasparenza u tar-responsabbiltà;

Biex jikkoinċidi ma' dawn l-ewwel pagamenti, tnieda dashboard ġdid tar-REACT-EU fuq il-Pjattaforma tad-Data Miftuħa tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni, biex jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar l-użu tar-riżorsi REACT-EU madwar l-UE. Temi trasversali bħal miżuri ekoloġiċi, diġitali u speċifiċi għall-adattament għall-klima huma enfasizzati, flimkien mad-data dwar oqsma speċifiċi ta' investiment skont il-fond. Id-dashboard ġie stabbilit biex jiffaċilita l-aċċess għad-data pubblika u biex jiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà.

Sfond

NextGenerationEU huwa strument ta' rkupru temporanju ta' madwar EUR 800 biljun fi prezzijiet attwali biex jappoġġa l-irkupru tal-Ewropa mill-pandemija tal-coronavirus u jgħin biex tinbena Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti. Biex tiffinanzja lil NextGenerationEU, il-Kummissjoni Ewropea - f'isem l-UE - se tiġbor sa madwar EUR 800 biljun mis-swieq kapitali bejn issa u tmiem l-2026. EUR 407.5 biljun għall-għotjiet (skont programmi tal-RRF, tar-REACT-EU u oħrajn tal-baġit tal-UE); EUR 386 biljun għas-self. Dan se jissarraf f'volumi ta' self ta' medja ta' bejn wieħed u ieħor EUR150 biljun fis-sena.

REACT-EU hija parti minn NextGenerationEU u tipprovdi €50.6 biljun f'fondi addizzjonali (bi prezzijiet attwali) tul l-2021 u l-2022 għall-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni. Il-miżuri jiffukaw fuq l-appoġġ għar-reżiljenza tas-suq tax-xogħol, l-impjiegi, l-SMEs u l-familji bi dħul baxx, kif ukoll l-istabbiliment ta' pedamenti validi għall-futur għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u rkupru soċjoekonomiku sostenibbli.

 

Aħbarijiet