Il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE tinvesti aktar minn EUR 1.4 biljun fi proġetti ekoloġiċi f'seba' Stati Membri

 Għodod addizzjonali

 
17/03/2020

Illum il-Kummissjoni Ewropea approvat pakkett ta' investiment li jiswa aktar minn EUR 1.4 biljun f'fondi tal-UE f'14-il proġett kbir ta' infrastruttura f'seba' Stati Membri, jiġifieri l-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja. Il-proġetti jkopru diversi oqsma ewlenin bħall-ambjent, is-saħħa, it-trasport u l-enerġija għal Ewropa aktar intelliġenti u b'livell baxx ta' karbonju. Dawn jirrappreżentaw investiment enormi biex tingħata spinta lill-ekonomija, jiġi protett l-ambjent u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri soċjali taċ-ċittadini.

Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “Fi żminijiet diffiċli bħal dawn għall-kontinent tagħna, huwa kruċjali li l-politika ta' Koeżjoni tkompli twettaq ir-rwol tagħha li ssostni l-ekonomija għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna. Il-proġetti kbar adottati llum juru li l-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari l-politika ta' Koeżjoni, jagħti riżultati konkreti, billi jgħin biex ir-reġjuni u l-bliet isiru aktar sikuri, aktar nodfa u aktar komdi għan-nies u għall-impriżi. Ħafna mill-proġetti approvati jgħinu wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Meta l-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u r-reġjuni jaħdmu flimkien, nistgħu niksbu ħafna.”

It-titjib tan-netwerk ferrovjarju tal-Kroazja

Aktar minn EUR 119-il miljun mill-Fond ta' Koeżjoni se jiffinanzjaw ix-xiri ta' 21 tren elettriku ġdid biex tingħata spinta lill-kwalità tas-servizz, jitnaqqas id-dewmien u aktar nies jitħeġġew jużaw tip ta' trasport li hu sostenibbli. Dan il-proġett se jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tar-rolling stock tal-pajjiż u biex jittejbu l-konnettività u l-mobilità b'konsegwenzi ekonomiċi pożittivi. Il-ħinijiet tal-ivvjaġġar, l-istorbju, il-vibrazzjonijiet u l-ispejjeż operattivi se jitnaqqsu filwaqt li s-sikurezza se tiżdied.

Provvista tal-enerġija aktar affidabbli u effiċjenti fiċ-Ċekja

Bis-saħħa ta' investiment ta' kważi EUR 37 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, fiċ-Ċekja se tinbena linja ġdida effiċjenti u affidabbli ta' ċirkwiti elettriċi doppji bejn Přeštice u Vítkov fir-reġjuni ta' Plzeň u Karlovy Vary. Dan il-proġett, apparti li huwa infrastruttura ewlenija li tgħaqqad is-sistemi tal-enerġija ta' pajjiżi differenti tal-UE, se jżid is-sigurtà tal-enerġija u l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Se jonqsu wkoll il-qtugħ tad-dawl u l-ħsarat tal-grilja fir-reġjuni.

Aktar sikurezza waqt l-għargħar u titjib fil-ġestjoni sostenibbli tal-ilma fl-Ungerija

Aktar minn EUR 49 miljun mill-Fond ta' Koeżjoni se jżidu s-sikurezza waqt l-għargħar għan-nies u għall-ekonomija fil-wied tax-xmara Tisza, speċjalment bħala rispons għall-għargħar kbar tul l-aħħar għexieren ta' snin.

Barra minn hekk, kważi EUR 96 miljun mill-Fond ta' Koeżjoni se jipproteġu wkoll aktar minn 132,000 abitant mir-riskju tal-għargħar fil-parti ta' fuq tat-Tisza. Dan il-proġett jinkludi wkoll it-titjib tal-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, u b'hekk jappoġġa ekonomija bbażata fuq l-ilma.

Enerġija nadifa u servizzi ta' trasport aħjar fil-Polonja

Bis-saħħa ta' investiment tal-UE ta' aktar minn EUR 54 miljun mill-Fond ta' Koeżjoni, se tinbena linja ta' trażmissjoni tal-elettriku u substazzjonijiet tal-elettriku fit-Tramuntana u fil-Majjistral tal-Polonja. Il-proġett ikopri medda ta' kważi 380 km, u se jsostni l-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni ta' enerġija nadifa u sikura, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u t-tniġġis tal-arja.

Barra minn hekk, kważi EUR 85 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jtejbu t-trasport pubbliku f'Olsztyn bl-estensjoni tar-rotot eżistenti tat-tramm u tal-karozzi tal-linja u bl-installazzjoni ta' sistema ta' trasportazzjoni intelliġenti. B'dan il-mod, aktar nies se jitħeġġew jużaw it-trasport pubbliku u se tonqos il-konġestjoni b'konsegwenzi ambjentali urbani pożittivi.

Imbagħad, il-Fond ta' Koeżjoni se jinvesti aktar minn EUR 38 miljun biex jiġi modernizzat in-netwerk tat-tramm f'Bydgoszcz, fir-reġjun ta' Kujawsko-Pomorskie. Bis-saħħa ta' dan il-proġett, madwar 350,000 abitant se jibbenefikaw minn kumdità u aċċessibilità aħjar għall-persuni b'mobilità mnaqqsa kif ukoll tnaqqis fit-traffiku u fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

Barra minn hekk, b'investiment ta' aktar minn EUR 76 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Polonja se timmodernizza erba' linji ferrovjarji għal tul totali ta' kważi 52 km fir-reġjun ta' Śląskie. Dan se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u t-tniġġis tal-arja filwaqt li jiżgura interoperabbiltà u sikurezza ferrovjarja aħjar.

Titjib tat-trasport pubbliku fil-Portugall

Il-Fond ta' Koeżjoni se jinvesti EUR 107 miljun biex jaġġorna s-sistema tal-linja tal-metro f'Porto. Dan se jagħmel it-trasport pubbliku tal-belt aktar attraenti, se jnaqqas it-traffiku u t-tniġġis u se jiggarantixxi għall-passiġġieri vjaġġi aktar sikuri, aktar veloċi u aktar komdi .

Garanzija ta' aċċess għal ilma nadif u kura tas-saħħa aħjar fir-Rumanija

Permezz ta' EUR 486.6 miljun mill-Fond ta' Koeżjoni se jiġi żgurat aċċess għal ilma tax-xorb aħjar u għal trattament xieraq tal-ilma mormi għal aktar minn 400,000 persuna fil-Lbiċ tar-Rumanija filwaqt li tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-ilma ta' taħt l-art fil-kontea ta' Suceava fil-Grigal għal 220,000 abitant.

Imbagħad, l-UE se tinvesti EUR 47 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex ittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi mediċi fir-reġjun tal-Grigal. Bis-saħħa ta' dan l-investiment, li se jibbenefikaw minnu 90,000 abitant, il-pazjenti se jirċievu trattament ta' kwalità għolja u l-għadd ta' mwiet u d-diżabilitajiet fit-tul se jonqsu.

Titjib tal-konnessjoni ferrovjarja mal-kuritur tal-Atlantiku

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jinvesti EUR 265 miljun biex itejjeb aktar minn 178 km ta' konnessjoni ferrovjarja fil-linja ta' veloċità għolja ta' 715 km bejn Madrid u Lisbona, u speċjalment fiż-żona ta' Extremadura. Dan se jkun ta' benefiċċju għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fuq distanzi twal b'benefiċċji ekonomiċi u ambjentali pożittivi. Dan il-proġett huwa parti mill-Kuritur tal-Atlantiku tan-netwerk TEN-T li jgħaqqad l-Ewropa tal-Lbiċ mal-bqija tal-UE.

Sfond

Proġetti kbar huma investimenti fuq skala kbira tal-politika ta' koeżjoni b'valur ta' aktar minn EUR 50 miljun kull wieħed. Minħabba l-kontribuzzjoni finanzjarja għolja tal-UE għal dawn il-proġetti, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew tal-Fond ta' Koeżjoni, huma soġġetti għal proċedura ta' valutazzjoni speċifika u deċiżjoni finali mill-Kummissjoni Ewropea.

Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 tal-UE, diġà kien hemm 310 proġetti kbar li rċevew is-sostenn mill-politika ta' koeżjoni.

JASPERS (Assistenza Konġunta ta' Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej), il-grupp ta' esperti indipendenti li jgħinu lill-gvernijiet lokali, reġjonali, u nazzjonali jħejju proġetti infrastrutturali kbar iffinanzjati minn fondi tal-UE, kellhom rwol importanti f'kull wieħed minn dawn il-proġetti, kemm permezz ta' pariri lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji matul l-iżvilupp tal-proġett kif ukoll matul l-iskrutinju tal-applikazzjoni għall-finanzjament. 

Għal aktar informazzjoni

Aħbarijiet