Kooperazzjoni transfruntiera il-programm Interreg tal-UE jiċċelebra t-30 sena li ilu jressaq liċ-ċittadini eqreb lejn xulxin

 Għodod addizzjonali

 
17/02/2020

Is-sena 2020 timmarka t-30 sena mill-bidu ta' Interreg, il-programm emblematiku tal-UE li għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni territorjali bejn ir-reġjuni tal-fruntiera. Fid-dawl ta' din is-sena ta' ċelebrazzjoni, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, ħarġet l-istqarrija li ġejja:

“Interreg huwa programm ferm għal qalbi. Bħala strument uniku ta' kooperazzjoni, appoġġat mill-finanzjament ta' koeżjoni, Interreg jippermetti lir-reġjuni u lill-pajjiżi jaħdmu flimkien biex isolvu sfidi komuni. Il-proġetti ta' Interreg huma eżempji konkreti li l-fruntieri m'għandhomx għalfejn ikunu ta' xkiel, iżda jistgħu jkunu opportunità għat-tkabbir u għal kooperazzjoni b'suċċess. Matul dawn l-aħħar 30 sena, u bis-saħħa ta' diversi proġetti appoġġati mill-UE, Interreg ġab aktar minn 170 miljun Ewropew li jgħixu f'reġjuni tal-fruntiera eqreb flimkien, tejjeb il-ħajjiet tagħhom, u ħoloq opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni.

Iċ-ċelebrazzjoni ta' 30 sena ta' Interreg qed isseħħ fi żmien kruċjali tal-istorja tal-UE. Hekk kif qed niffaċċjaw sfidi globali u lokali serji, jenħtieġ li nerġgħu niksbu l-fiduċja taċ-ċittadini u niżguraw li nipprovdu riżultati. Interreg issa ilu jaġixxi għal 30 sena biex ma jħalli lil ħadd l-art u biex jibni l-Ewropa biċċa biċċa. L-intenzjoni hija li titkompla din il-missjoni iżda wkoll li tintuża din l-okkażjoni ta' ċelebrazzjoni biex issir riflessjoni ġdida, u biex jingħata nifs ġdid għal dak li aħna nqisu bħala valur fundamentali fl-Unjoni Ewropea: l-ispirtu ta' kooperazzjoni, xprunat mit-twemmin qawwi li aħna aktar b'saħħitna flimkien.”

Sfond

Imnedija fl-1990, il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (European Territorial Cooperation, ETC), magħrufa aħjar bħala Interreg, hija programm emblematiku tal-Politika ta' Koeżjoni li jipprovdi qafas għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet konġunti u skambji ta' politika bejn atturi nazzjonali, reġjonali u lokali minn Stati Membri differenti. L-għan globali tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) huwa li tippromwovi żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali armonjuż għall-Unjoni kollha kemm hi. Interreg huwa mibni madwar tliet oqsma ta' kooperazzjoni: transfruntiera (Interreg A), transnazzjonali (Interreg B) u interreġjonali (Interreg C).

Kien hemm ħames perjodi ta' programmazzjoni tal-Interreg wara xulxin: INTERREG I (1990-1993) - INTERREG II (1994-1999) - INTERREG III (2000-2006) - INTERREG IV (2007-2013) - INTERREG V (2014-2020).

Il-programmi ta' kooperazzjoni Interreg ikopri l-kontinent Ewropew kollu b'baġit totali ta' aktar minn EUR 12 biljun, inkluża l-kontribuzzjoni tal-UE u tal-Istati Membri, matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014–2020.

Il-kampanja Interreg ta' 30 sena se tintroduċi matul l-2020 taħt it-temi: ġirien, ekoloġija u żgħażagħ. Il-kampanja se tqis il-kisbiet tal-passat u tħares 'il quddiem lejn dak li jista' jsir aktar u aħjar fil-futur.

Għal aktar informazzjoni

Aħbarijiet