il-Politika ta' Koeżjoni: l-involviment taċ-ċittadini biex ikunu żgurati riżultati aħjar

 Għodod addizzjonali

 
06/02/2020

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi żewġ azzjonijiet pilota ġodda biex tinvolvi aktar liċ-ċittadini meta jiġu implimentati proġetti ta' koeżjoni fil-prattika. L-għan huwa li jiġi appoġġat l-involviment attiv taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-mod kif il-fondi tal-UE jiġu ppjanati, investiti u mmonitorjati, biex fl-aħħar mill-aħħar jiġu żgurati riżultati aħjar. Skont dawn l-azzjonijiet pilota, l-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-fondi ta' Koeżjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili se jirċievu parir espert u appoġġ biex jiġu żviluppati l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta' koeżjoni.

Il-Kummissarju għall-Politika ta' Koeżjoni u ta' Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “Il-Politika ta' Koeżjoni tinsab fuq quddiem nett fl-isfidi li ċ-ċittadini Ewropej qed jiffaċċjaw illum, mill-klima għall-innovazzjoni, mill-inklużjoni soċjali u l-ħiliet sal-konnettività. Għalhekk, huwa importanti għalihom li jkollhom vuċi akbar fil-mod kif titwettaq din il-politika. Kemm l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili se jgawdu mill-benefiċċji ta' parteċipazzjoni aktar awtentika taċ-ċittadini.”

Taħt l-ewwel azzjoni pilota, l-awtoritajiet li jiġġestixxu l-fondi tal-UE se jirċievu għarfien espert mill-aqwa mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u għajnuna mfassla apposta biex jitwaqqfu inizjattivi ġodda li jinvolvu liċ-ċittadini u jippromwovu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont. Is-sejħa għal awtoritajiet ta' ġestjoni li jixtiequ jipparteċipaw f'din l-inizjattiva hija miftuħa mil-lum u d-dettalji huma disponibbli fuq il-websajt.

Taħt it-tieni azzjoni pilota, il-Kummissjoni se twarrab finanzjament għal-livell lokali ta' EUR 250,000 biex tappoġġja ideat innovattivi u inizjattivi għall-promozzjoni tal-involviment taċ-ċittadini li b'mod partikolari jkunu ġejjin minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżgħar u lokali. L-għan se jkun li jiġu ttestjati approċċi ġodda ta' involviment taċ-ċittadini u li jiġi stimolat, promoss u appoġġat l-involviment taċ-ċittadini fil-Politika ta' Koeżjoni għal implimentazzjoni aħjar tal-proġetti u sens aktar b'saħħtu ta' sjieda tar-riżultati tagħhom fost iċ-ċittadini. Is-sejħa għal organizzazzjonijiet biex jippreżentaw l-ideat tagħhom se tinfetaħ fil-ġimgħat li ġejjin. Din se tikkunsidra l-feedback mill-organizzazzjonijiet waqt il-konferenza dwar il-ħtiġijiet tagħhom li jkollhom rwol attiv fil-kokreazzjoni tal-politiki, fil-parteċipazzjoni u l-monitoraġġ.

Il-passi li jmiss

Iż-żewġ azzjonijiet se jitwettqu għal 12-il xahar u r-riżultati tagħhom se jinxterdu permezz ta' rapport u vademecum dwar it-tagħlimiet miksuba mill-proġetti differenti kif ukoll suġġerimenti dwar kif iċ-ċittadini jistgħu jiġu involuti aktar fil-Politika ta' Koeżjoni. L-għan huwa li jiġu promossi inizjattivi simili fil-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni taħt il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE għall-2021–2027.

Sfond

B'baġit totali ta' aktar minn EUR 350 biljun, il-Politika ta' Koeżjoni hija l-politika ewlenija ta' investiment tal-UE u waħda mill-aktar espressjonijiet konkreti tagħha ta' solidarjetà. Istituzzjonijiet b'saħħithom u kapaċità amministrattiva tajba huma kruċjali biex dawn l-investimenti jkunu ta' suċċess. Iċ-ċittadini għandhom rwol importanti f'li jrendu l-awtoritajiet pubbliċi aktar trasparenti u responsabbli u li jagħmlu l-investiment pubbliku aktar effiċjenti u effettiv.

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni Ewropea qed torganizza Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-kwistjoni “Nimpenjaw liċ-Ċittadini għal Governanza Tajba fil-Politika ta' Koeżjoni” fis-6 ta' Frar 2020, fi Brussell. L-għan tal-Konferenza huwa li teżamina liema inizjattivi skont il-Politika ta' Koeżjoni ħadmet biex issaħħaħ l-involviment taċ-ċittadini u biex tieħu ispirazzjoni għall-Politika ta' Koeżjoni minn eżempji ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini f'kuntesti oħra. Dibattitu miftuħ u trasparenti mal-partijiet kollha involuti se jagħmilha possibbli li tittieħed perspettiva tal-utenti dwar kif il-Politika ta' Koeżjoni tista' toqrob aktar lejn iċ-ċittadini. Il-Konferenza se ssir taħt it-tmexxija politika u bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira.

Għal aktar informazzjoni

Konferenza ta' livell għoli “Nimpenjaw liċ-ċittadini għal governanza tajba fil-Politika ta' Koeżjoni”

Aħbarijiet