Il-Finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika: Il-Pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta

 Għodod addizzjonali

 
14/01/2020

L-Unjoni Ewropea hija impenjata ssir l-ewwel blokk newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050. Dan jeħtieġ investiment sinifikanti, kemm mill-UE kif ukoll mis-settur pubbliku nazzjonali u minn dak privat. Il-Pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew - il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli - ppreżentat illum se jimmobilizza l-investiment pubbliku u se jgħin biex jinkisbu fondi privati permezz ta' strumenti finanzjarji tal-UE, b'mod partikolari InvestEU u għandu jwassal għal mill-inqas EUR 1 triljun ta' investimenti.

Filwaqt li l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-setturi kollha se jkollhom jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni, il-kobor tal-isfida mhuwiex l-istess. Xi reġjuni se jkunu partikolarment affettwati u se jgħaddu minn trasformazzjoni ekonomika u soċjali profonda. Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta se jipprovdi għajnuna finanzjarja u prattika mfassla apposta biex jgħin lill-ħaddiema u se jiġġenera l-investimenti meħtieġa f'dawn l-oqsma.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet: “In-nies huma fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-viżjoni tagħna biex l-Ewropa ssir newtrali għall-klima sal-2050. It-trasformazzjoni quddiemna hija bla preċedent. U se taħdem biss jekk tkun ġusta — u jekk taħdem għal kulħadd. Aħna se nappoġġjaw lin-nies u lir-reġjuni tagħna li jeħtiġilhom jagħmlu sforzi akbar f'din it-trasformazzjoni, biex niżguraw li ma nħallu lil ħadd lura. Il-Patt Ekoloġiku jġib miegħu ħtiġijiet importanti ta' investiment, li aħna se nbiddlu f'opportunitajiet ta' investiment. Il-pjan li qed nippreżentaw illum, biex nimmobilizzaw mill-inqas EUR 1 triljun, se juri d-direzzjoni u se joħloq mewġa ta' investiment ekoloġiku.”

Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, Frans Timmermans, qal: “It-tranżizzjoni neċessarja lejn in-newtralità għall-klima se ttejjeb il-benesseri tan-nies u se tagħmel lill-Ewropa aktar kompetittiva. Iżda se tirrikjedi sforzi akbar miċ-ċittadini, mis-setturi u mir-reġjuni li l-aktar jiddependu fuq il-fjuwils fossili. Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta se jgħin biex jappoġġja lil dawk li se jkunu l-aktar affettwati billi jagħmel l-investimenti aktar attraenti u jipproponi pakkett ta' għajnuna finanzjarja u prattika li jiswa mill-inqas EUR 100 biljun. Din hija l-wegħda tagħna ta' solidarjetà u ġustizzja.”

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies żied: “Biex l-Ewropa taqleb lejn ekonomija newtrali għall-klima, għandna bżonn kemm impenn politiku kif ukoll investimenti kbar. Il-Patt Ekoloġiku juri d-determinazzjoni tagħna li nindirizzaw it-tibdil fil-klima, li issa qed nappoġġaw bi pjan ta' finanzjament. L-ewwel nett, se nużaw il-baġit tal-UE biex ningranaw fondi privati għal proġetti ekoloġiċi fl-Ewropa kollha u se ngħinu lir-reġjuni u lill-persuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni. It-tieni, se noħolqu l-inċentivi regolatorji xierqa biex l-investimenti ekoloġiċi jirnexxu. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, se ngħinu lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-atturi tas-suq jidentifikaw u jiżviluppaw proġetti bħal dawn. L-Unjoni Ewropea ma nbnitx f'ġurnata. L-Ewropa Ekoloġika mhux se sseħħ mil-lum għall-għada. Biex is-sostenibbiltà tqiegħed fil-qalba ta' kif ninvestu teħtieġ bidla fil-mentalità. Illum ħadna pass importanti lejn dan.

Il-Pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

Il-pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jimmobilizza l-finanzjament tal-UE u joħloq qafas ta' abilitazzjoni li jiffaċilita u jistimula l-investimenti pubbliċi u privati meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija newtrali għall-klima, ekoloġika, kompetittiva u inklużiva. Filwaqt li jikkumplimenta inizjattivi oħra mħabbra taħt il-Patt Ekoloġiku, il-Pjan huwa bbażat fuq tliet dimensjonijiet:

  • Il-finanzjament: Se jimmobilizza mill-inqas EUR 1 triljun ta' investimenti sostenibbli matul l-għaxar snin li ġejjin. Sehem akbar minn qatt qabel ta' nfiq fuq l-azzjoni klimatika u ambjentali mill-baġit tal-UE li se jattira l-finanzjament privat, b'rwol importanti għall-Bank Ewropew tal-Investiment.
  • L-abilitazzjoni: L-għoti ta' inċentivi biex jiġi żblokkat u redirezzjonat l-investiment pubbliku u privat. L-UE se tipprovdi għodod għall-investituri billi tqiegħed il-finanzi sostenibbli fil-qalba tas-sistema finanzjarja, u se tiffaċilita l-investiment sostenibbli mill-awtoritajiet pubbliċi billi tinkoraġġixxi l-ibbaġitjar u l-akkwist ekoloġiku, u billi tfassal modi biex jiġu ffaċilitati l-proċeduri għall-approvazzjoni l-Għajnuna mill-Istat għar-reġjuni tat-tranżizzjoni ġusta.
  • Għajnuna prattika: Il-Kummissjoni se tipprovdi għajnuna lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-promoturi tal-proġetti fl-ippjanar, fit-tfassil u fit-twettiq tal-proġetti sostenibbli.

Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta

Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (Just Transition Mechanism - JTM) huwa għodda ewlenija biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija newtrali għall-klima sseħħ b'mod ġust u li ħadd ma jibqa' lura. Filwaqt li r-reġjuni kollha se jkunu jeħtieġu finanzjament u l-Pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jipprevedi għal dan, il-Mekkaniżmu jipprovdi għajnuna mmirata biex jgħin jimmobilizza mill-inqas EUR 100 biljun matul il-perjodu 2021–2027 fir-reġjuni l-aktar affettwati ħalli jtaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni. Il-Mekkaniżmu se joħloq l-investiment meħtieġ biex jgħin lill-ħaddiema u lill-komunitajiet li jiddependu fuq l-impjiegi fil-katina tal-valur tal-fjuwils fossili. Se jkun b'żieda mal-kontribuzzjoni sostanzjali mill-baġit tal-UE permezz tal-istrumenti kollha direttament rilevanti għat-tranżizzjoni.

Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta se jkun magħmul minn tliet sorsi ewlenin ta' finanzjament:

1) Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta li se jirċievi EUR 7.5 biljun ta' fondi ġodda tal-UE, li huma apparti mill-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE. Sabiex jisfruttaw is-sehem tagħhom mill-Fond, l-Istati Membri, fi djalogu mal-Kummissjoni, se jkollhom jidentifikaw it-territorji eliġibbli permezz ta' pjanijiet ta' tranżizzjoni territorjali apposta. Se jkollhom ukoll jimpenjaw ruħhom li għal kull ewro li jirċievu mill-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta jużaw ewro ieħor mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus u li jipprovdu riżorsi addizzjonali nazzjonali. Flimkien, dawn se jipprovdi bejn EUR 30 u EUR 50 biljun ta' finanzjament u dan se jimmobilizza anki aktar investimenti. Il-Fond primarjament se jipprovdi għotjiet lir-reġjuni. Pereżempju, se jgħin lill-ħaddiema jiżviluppaw ħiliet u kompetenzi għas-suq tax-xogħol tal-ġejjieni u se jgħin lill-SMEs, lin-negozji ġodda u lill-inkubaturi joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda f'dawn ir-reġjuni. Se jsostni wkoll l-investimenti fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, pereżempju fl-effiċjenza enerġetika.

2) Skema apposta ta' tranżizzjoni ġusta taħt InvestEU biex timmobilizza sa EUR 45 biljun ta' investimenti. L-għan tagħha se jkun li tattira investimenti privati, inkluż fl-enerġija u fit-trasport sostenibbli li jibbenefikaw lil dawk ir-reġjuni u tgħin lill-ekonomiji tagħhom isibu sorsi ġodda ta' tkabbir. 

3)  Faċilità ta' self għas-settur pubbliku mal-Bank Ewropew tal-Investiment garantita mill-baġit tal-UE biex timmobilizza bejn EUR 25 u EUR 30 biljun f'investimenti. Se tintuża għal self lis-settur pubbliku, pereżempju għal investimenti fin-netwerks ta' tisħin distrettwali u fir-rinnovazzjoni ta' bini. Il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva biex tistabbiliha f'Marzu 2020.

Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta mhuwiex marbut biss mal-finanzjament: filwaqt li tiddependi fuq Pjattaforma tat-Tranżizzjoni Ġusta, il-Kummissjoni se tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri u lill-investituri u se tiżgura li l-komunitajiet, l-awtoritajiet lokali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi affettwati jkunu involuti. Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġustase jinkludi qafas ta' governanza b'saħħtu ċċentrat fuq pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta.

Għal Aktar Informazzjoni

MEMO: Il-Pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta spjegati

Skedi informattivi

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli

Proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta

Emendi għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

Aħbarijiet