Tqarrib taċ-ċittadini lejn l-UE: Il-Kummissjoni tniedi l-ewwel kampanja "Europe in My Region"

 Għodod addizzjonali

 
29/04/2016

Il-Kummissjoni Ewropea sejra tniedi llum l-ewwel kampanja "Europe in My Region" biex tħeġġeġ liċ-ċittadini jiskopru u jitgħallmu aktar dwar proġetti ffinanzjati mill-UE madwar l-Ewropa kollha.

Organizzata mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali tal-Kummissjoni, bl-appoġġ tar-Rappreżentanti u l-Awtoritajiet Amministrattivi tal-Kummissjoni, "Europe in My Region" sejra tkun għaddejja mid-29 ta’ April sal-11 ta’ Ġunju fi 23 pajjiż tal-UE u sejra tinvolvi aktar minn 1 200 avveniment b’eluf ta’ ċittadini li huma mistennija li jattendu.

"Europe in My Region" hija organizzata madwar erba’ inizjattivi differenti: l-Open Days tal-Proġetti tal-UE, treasure hunt, kompetizzjoni tar-ritratti u kampanja ta’ blogging. Dawn l-attivitajiet kollha għandhom l-għan li jħeġġu liċ-ċittadini jżuru proġetti ffinanzjati mill-UE filwaqt li jaqsmu ritratti u esperjenzi permezz tal-midja soċjali.

Tul Mejju kollu, il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE sejrin jippreżentaw il-proġetti tagħhom liċ-ċittadini matul l-Open Days tal-Proġetti tal-UE u mappa online sejra tgħin tagħmel ġeo-lokalizzazzjoni tal-proġetti li jaderixxu għal din l-inizjattiva. Fil-frattemp, iċ-ċittadini sejrin jiġu mistiedna jipparteċipaw fi treasure hunt ospitata minn 18-il pajjiż u minn total ta’ 45 reġjun: treasure hunters ikollhom isibu suġġerimenti moħbija f’xi proġetti ko-finanzjati u jwieġbu għal kwiżż online.

Il-5 edizzjoni tal-kompetizzjoni tar-ritratti fuq Facebook (2 ta’ Mejju - 28 ta’ Awwissu) trid tiċċelebra proġetti li qegħdin jagħmlu differenza reali għall-komunitajiet lokali: Biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni, iċ-ċittadini jeħtieġ li jieħdu ritratt ta’ proġett li jkun qed jirċievi finanzjament mill-UE, bil-plakka jew billborad b’informazzjoni dwar il-finanzjament u l-bandiera tal-UE x’imkien fl-istampa. Tliet rebbieħa jkollhom iċ-ċans jirbħu kors tal-fotografija ma’ fotografu professjonista u vjaġġ lejn Brussell.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-aktar bloggers b’talent li jtellgħu post dwar proġetti lokali jiġu mistiedna Brussell sabiex jipparteċipaw fil-programm tal-midja tal-European Week of Regions & Cities (10-13 ta’ Ottubru 2016).

Aktar informazzjoni:
Europe in My Region

Twitter: @EU_Regional @CorinaCretuEU #EUinmyregion

Aħbarijiet