L-Istħarriġ “Il-Kwalità tal-Ħajja fl-Ibliet Ewropej” jitfa dawl fuq kemm in-nies huma ssodisfati bil-belt tagħhom

 Għodod addizzjonali

 
29/01/2016

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet ir-riżultati tal-ħames stħarriġ Flash Eurobarometer dwar il- “Perċezzjoni tal-Kwalità tal-Ħajja fl-Ibliet Ewropej”. L-istħarriġ sar f’total ta’ 79 belt Ewropea tal-Istati Membri tal-UE kollha kif ukoll fl-Islanda, fin-Norveġja, fl-Isvizzera u fit-Turkija. Ġew intervistati aktar minn 40 000 persuna fuq firxa ta’ kwistjonijiet urbani.

L-istħarriġ jiffoka esklussivament fuq il-kwalità tal-ħajja, u juri kemm huma ssodisfati n-nies b’aspetti varji tal-ħajja urbana, bħall-opportunitajiet ta' impjieg, il-preżenza tal-barranin, it-trasport pubbliku u t-tniġġis fl-ibliet tagħhom. Fost is-sejbiet prinċipali tiegħu, l-istħarriġ juri li b'mod ġenerali l-Ewropej huma ssodisfati ħafna fir-rigward tal-ibliet fejn jgħixu: f’kollha minbarra 6 ibliet, mill-inqas 80% ta' dawk li wieġbu jgħidu li huma ssodisfati jgħixu fil-belt tagħhom. Xi sejbiet juru xejra pożittiva meta mqabbla mas-snin preċedenti: pereżempju, f'Budapest u fi Krakovja, kien hemm żieda ta’ 20% ta' dawk li għandhom perċezzjoni pożittiva tat-trasport pubbliku fl-ibliet tagħhom, meta mqabbla mal-2012. L-istħarriġ juri wkoll liema oqsma jistħoqqilhom attenzjoni partikolari minħabba li l-maġġoranza tan-nies tqis li s-servizzi tas-saħħa, il-qgħad u l-edukazzjoni huma t-tliet kwistjonijiet l-aktar importanti għall-belt tagħhom.

Il-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 sejra tkun qiegħda tinvesti bil-qawwi fiż-żoni urbani, bi EUR 15-il biljun amministrati direttament mill-awtoritajiet tal-belt għall-iżvilupp urban sostenibbli. L-Istħarriġ huwa ddisinjat sabiex jippermetti lill-ibliet iqabblu lilhom infushom fuq 30 kriterju li jindirizzaw kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u ambjentali. Għandu jispira lil partijiet interessati u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex isegwu approċċ olistiku għal żvilupp urban sostenibbli. 

Aktar informazzjoni

X

Aħbarijiet

Temi relatati

Urban development