breadcrumb.ecName

Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE

Communications

Data: 20 sep 2017

Perjodu: 2014-2020

Tema: Cooperation between regions and countries, Research and innnovation

Lingwi:   bg | cs | da | de | el | en | es | et | fi | fr | hr | hu | it | lt | lv | mt | nl | pl | pt | ro | sk | sl | sv

L-Unjoni Ewropea għandha 40 reġjun tal-fruntieri fuq l-art interni, li jirrappreżentaw 40% tat-territorju tal-Unjoni, u qrib it-30% tal-popolazzjoni tal-UE. Madankollu, ir-reġjuni tal-fruntieri ġeneralment imorru inqas tajjeb ekonomikament minn reġjuni oħra fi Stat Membru. L-aċċess għal servizzi pubbliċi bħal sptarijiet u universitajiet ġeneralment hu inqas f'reġjuni tal-fruntieri. L-individwi, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi f'reġjuni tal-fruntieri jaffaċċjaw diffikultajiet speċifiċi meta jinnavigaw bejn sistemi amministrattivi u legali differenti. Huma meħtieġa miżuri li jmorru lil hinn mill-finanzjament Ewropew, peress li dawn id-diffikultajiet kontinwi ma jistgħux jiġu indirizzati permezz tal-finanzjament u tal-investimenti biss. Sabiex tindirizza dawn id-diffikultajiet u tipproponi serje ta' azzjonijiet konkreti ġodda, fl-20 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha "Spinta lit-Tkabbir u l-Koeżjoni fir-Reġjuni tal-Fruntieri tal-UE".

Il-Komunikazzjoni tenfasizza modi li bihom l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jnaqqsu l-kumplessità, it-tul u l-ispejjeż tal-interazzjoni transkonfinali u jippromwovu l-ġbir ta' servizzi matul il-fruntieri interni. Hi tħares lejn dak li hu meħtieġ li jitjieb biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-fruntieri jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera. Hi għandha l-għan ukoll li tikkontribwixxi għall-proċess ta' riflessjoni li beda bil-White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa billi tipproponi miżuri u toħroġ rakkomandazzjonijiet li jagħmluha aktar faċli biex ir-reġjuni tal-fruntieri interni jikkooperaw, jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-ostakli u jgħinu liċ-ċittadini u lin-negozji tal-fruntieri jużaw il-potenzjal kollu ta' dawn ir-reġjuni.

Il-Komunikazzjoni tipproponi sett ta' azzjonijiet biex titjieb is-sitwazzjoni kompetittiva u koeżiva tar-reġjuni tal-fruntieri, b'mod partikolari billi tindirizza xi wħud mill-ostakli legali u amministrattivi li bħalissa qed ixekklu l-kooperazzjoni u l-interazzjoni aktar mill-qrib. L-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet ser tiġi ffaċilitata bil-ħolqien ta' "Punt Fokali tal-Fruntiera" fi ħdan il-Kummissjoni u tikkonsisti minn esperti tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet transkonfinali, li ser joffru pariri lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex jindirizzaw ostakli legali u amministrattivi tal-fruntieri.

L-effetti pożittivi tat-tnaqqis tal-ostakli transkonfinali ser jikkontribwixxu kemm għall-iżvilupp soċjoekonomiku kif ukoll għall-integrazzjoni tar-reġjuni tal-fruntieri. Il-Kummissjoni għandha rwol prinċipali f'dan il-proċess billi tipproponi leġiżlazzjoni jew tiffinanzja mekkaniżmi jew billi tappoġġja l-Istati Membri u r-reġjuni biex jifhmu aħjar l-isfidi u jiżviluppaw arranġamenti operazzjonali, b'mod partikolari billi jippromwovu l-qsim tal-informazzjoni u juru prattiki ta' suċċess fir-reġjuni tal-fruntieri tagħhom.

Il-Komunikazzjoni hi akkompanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jippreżenta kunċetti ewlenin u l-proċess ta' elaborazzjoni, li beda fl-2015 bl-inizjattiva "reviżjoni transkonfinali ("cross-border review")". Barra minn hekk, hu jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar id-diffikultajiet legali u amministrattivi li jaffaċċjaw ir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE u l-impatt soċjali tagħhom u jenfasizza l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni b'analiżi ulterjuri u b'eżempji konkreti.

Fl-20-21 ta' Settembru fi Brussell ser ikun qed iseħħ avveniment ta' tnedija ("launch event" biex tiġi mfakkra l-adozzjoni ta' din il-Komunikazzjoni. Barra minn hekk, bejn Outtubru 2017 u Frar 2018 barra Brussell ser jiġu organizzati tliet avvenimenti simili f'Merida (Spanja), Kopenhagen (id-Danimarka) u Bratislava (is-Sklovakkja).