Il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE

 Għodod addizzjonali

 

Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) twaqqaf biex iwieġeb għad-diżastri naturali ewlenin u jesprimi solidarjetà Ewropea mar-reġjuni milquta minn diżastri fl-Ewropa. Il-Fond inħoloq bħala reazzjoni għall-għargħar kiefer fl-Ewropa Ċentrali fis-Sajf tal-2002. S'issa, hu ntuża għal 80 diżastru li jkopru firxa ta' avvenimenti katastrofiċi differenti fosthom għargħar, nirien fil-foresti, terremoti, tempesti u nixfa. 24 pajjiż Ewropej differenti kienu appoġġati s'issa għal ammont ta' aktar minn 5 biljun ewro. Ikklikkja għal-lista tal-interventi kollha PDF en

B’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) ġie estiż mill-1 ta’ April 2020 biex jinkludi emerġenzi kbar tas-saħħa pubblika. Issib hawnhekk il-paġna ddedikata.

Kif tapplika?

Kull applikazzjoni jeħtiġilha li tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 12-il ġimgħa mid-data tal-ewwel ħsara kkawżata mid-diżastru. F’każ ta’ diżastri li jseħħu bil-mod, bħal nixfiet jew emerġenzi tas-saħħa, din id-data ta’ skadenza hi stabbilita għal 12-il ġimgħa wara l-ewwel azzjoni uffiċjali kontra l-emerġenza. Għall-COVID-19 japplikaw kundizzjonijiet speċjali (Ara l-paġna ddedikata).

Hu rrakkomandat b'mod qawwi li l-entità responsabbli għat-tħejjija ta' applikazzjoni tistabbilixxi kuntatt dirett bikri mas-servizz responsabbli fid-DĠ tal-Politika Reġjonali li jkun jista' joffri firxa ta' pariri li jħaffu l-proċedura tal-applikazzjoni kemm jista' jkun possibbli.

Din il-paġna tiġi aġġornata regolarment, jekk jogħġbok niżżel l-aktar verżjoni reċenti tal-formola ta' applikazzjoni.

  • Formola ta' applikazzjoni (L-aħħar aġġornament: 16-11-2017) Word en
  • Noti ta' gwida (L-aħħar aġġornament: 16-11-2017)Word en
  • Limiti għal diżastri kbar PDF en
  • Limiti għal diżastri reġjonali PDF en
  • Kif tiddetermina l-limitu għad-diżastri li jaffettwaw ħafna reġjuni (ibbażat fuq il-medja peżata tal-PDG) xls en
  • Kemm flus tista' tistenna? PDF en
  • Guidance on implementation, closure and auditing processes PDF en

Il-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni u - jekk l-applikazzjoni tiġi aċċettata - tipproponi ammont ta' għajnuna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jrid japprovaha qabel ma tkun tista' titħallas. Ladarba l-fondi jkunu disponibbli, l-għajnuna titħallas immedjatament f'pagament wieħed wara l-iffirmar ta' ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat benefiċjarju. Meta l-għotja titħallas, l-Istat affettwat hu responsabbli għall-implimentazzjoni inkluż l-għażla ta' operazzjonijiet u tal-awditjar u l-kontroll tagħhom. Miżuri ta' emerġenza jista' jkunu ffinanzjati b'mod retroattiv mill-ewwel ġurnata tad-diżastru.

Ta' min jinnota li l-EUSF mhux strument ta' respons rapidu biex jiġu ttrattati l-effetti ta' diżastru naturali. L-għajnuna finanzjarja tista' tingħata biss lill-Istat li japplika wara applikazzjoni u proċess baġitarju li jista' jieħu diversi xhur biex jitlesta.

F’Mejju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat evalwazzjoni maġġuri tal-ħidma tal-Fond sa mill-ħolqien tiegħu fl-2002 u pprovdiet rakkomandazzjonijiet għall-futur. L-evalwazzjoni tenfasizza l-valur miżjud għoli tal-Fond biex jappoġġja l-isforzi ta’ emerġenza u ta’ rkupru u biex itaffi l-piż finanzjarju fuq l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali. Il-Fond ipprovda €5.2 biljun, li jinkludu rekord għoli ta’ €1.2 biljun għat-terremoti tal-2016/2017 fl-Italja Ċentrali.
Ir-rapport identifika wkoll lok għal titjib f’termini ta’ veloċità, koerenza, effettività u għarfien pubbliku tal-interventi.
Aktar dwar l-evalwazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana
Unit E1/EUSF
B-1049 Brussels
Belgium
Inguna Kramina
Inguna.KRAMINA@ec.europa.eu
Telefown: +32 229-66062
Nyla Cruz
Nyla.Cruz@ec.europa.eu
Telefown: +32 2 295 36 09

F'liema każijiet jista' jintervieni l-FSUE?

The EUSF Il-FSUE jista’ jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri u pajjiżi involuti f’negozjati ta’ adeżjoni

  • fil-każ ta’ “diżastru maġġuri”: ħsara diretta totali li taqbeż €3 biljun fi prezzijiet tal-2011 jew 0.6% tal-ING tal-Istat affettwat, liema minnhom tkun l-aktar baxxa;
  • fil-każ ta’ "diżastri reġjonali" iżgħar, l-hekk imsejħa “diżastri reġjonali”: ħsara diretta totali li taqbeż 1.5% tal-PDG reġjonali (fil-livell NUTS2). Għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, hu applikat il-livell limitu ta’ 1% tal-PDG reġjonali.
  • fil-każ li Stat eliġibbli jiġi affettwat mill-istess diżastru maġġuri bħal Stat ġar eliġibbli;
  • fil-każ ta’ “emerġenza kbira ta’ saħħa”: il-kost totali għall-miżuri ta’ rispons ta’ emerġenza hu stmat għal aktar minn €1.5 biljun fi prezzijiet tal-2011, jew aktar minn 0.3% tal-ING tiegħu.

B'liema baġit?

L-għajnuna tal-Fond ta’ Solidarjetà tista’ tiġi mmobilizzata għal total annwali massimu ta’ €500 miljun (fi prezzijiet tal-2011) flimkien mal-allokazzjoni mhux minfuqa mis-sena ta’ qabel li tkun miżjuda mill-baġit normali tal-UE. Għotjiet individwali jridu jiġu approvati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill wara proposta mill-Kummissjoni. Kwart ta' dan l-ammont għandu jibqa' disponibbli fl-1 ta' Ottubru ta' kull sena biex jilħaq bżonnijiet possibli sa l-aħħar tas-sena. F'każijiet eċċezzjonali u jekk ir-riżorsi li jifdal għall-bqija tas-sena ma jkunux biżżejjed, tista' tintuża parti mill-baġit tas-sena sussegwenti.

Għal liema azzjonijiet?

The EUSF Il-FSUE jissupplimenta n-nefqa pubblika tal-Istati Membri għall-operazzjonijiet essenzjali ta' emerġenza li ġejjin:

  • ir-restawr tal-infrastruttura u l-impjanti biex jerġgħu jiġu jiffunzjonaw fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni;
  • il-provvediment ta’ akkomodazzjoni temporanja u l-finanzjament ta’ servizzi ta’ salvataġġ sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-popolazzjoni kkonċernata;
  • l-iżgurar ta’ infrastrutturi preventivi u ta’ miżuri ta’ protezzjoni ta’ wirt kulturali;
  • it-tindif ta’ żoni milqutin minn diżastri, inklużi żoni naturali, f’konformità, meta jkun il-każ, ma’ approċċi bbażati fuq l-ekosistema kif ukoll ir-restawr immedjat ta’ żoni naturali affettwati biex jiġu evitati effetti immedjati mill-erożjoni tal-ħamrija.
  • jipprovdu assistenza rapida, inkluża medika, lill-popolazzjoni affettwata minn emerġenza kbira ta’ saħħa pubblika;
  • il-protezzjoni tal-popolazzjoni mir-riskju li tiġi affettwata, inklużi l-prevenzjoni, il-monitoraġġ jew il-kontroll tat-tixrid tal-mard, il-ġlieda kontra riskji serji għas-saħħa pubblika jew il-mitigazzjoni tal-impatt tagħhom fuq is-saħħa pubblika.

Il-FSUE ma twaqqafx bl-għan li jilħaq l-ispejjeż kollha relatati mad-diżastri naturali. Fil-prinċipju, il-Fond hu limitat għal ħsarat li ma jistgħux jiġu assigurati u ma jagħmilx tajjeb għal telf privat. Azzjoni fit-tul – bħall-iżvilupp ekonomiku u l-prevenzjoni – mhumiex eliġibbli għall-għajnuna tal-FSUE. Madankollu, dan jista’ jikkwalifika għal għajnuna taħt strumenti oħrajn, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

Eżempju

L-Awstrija – Għargħar f'Awwissu 2005 (diżastru reġjonali)

F'Awwissu 2005, għargħar kbir seħħ f'partijiet f'żewġ Länders Awstrijaċi dak ta' Vorarlberg u dak ta' Tyrol. L-għargħar ikkawża danni severi lis-settur tal-agrikultura, it-turiżmu, il-proprjetajiet residenzjali u n-negozji, in-network tat-trasport u infrastruttura oħra. Il-ħsara diretta totali kienet stmata għal €591.94 miljun li tirrappreżenta madwar 0.27% tal-ING tal-Awstrija. Billi ċ-ċifra hi anqas mil-livell applikabbli għall-mobbilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà għal diżastri ewlenin (0.6 % tal-ING tal-Awstrija, jiġifieri €1.3363 biljun), l-applikazzjoni kienet għalhekk eżaminata skont kriterji eċċezzjonali għall-hekk imsejħa diżastri reġjonali straordinarji. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tat evidenza suffiċjenti biex ikun possibbli li jiġi mmobbilizzat b'mod eċċezzjonali l-Fond ta' Solidarjetà u biex tingħata għajnuna finanzjarja li tammonta għal €14.79 miljun. L-għajnuna ntużat:

  • għar-rikostruzzjoni immedjata biex tkun tista' taħdem l-infrastruttura, b'mod partikolari r-rikostruzzjoni tat-toroq tal-istat. Kontribuzzjoni totali tal-FSUE: €9.86 miljun.
  • għall-iżgurar immedjat ta' infrastrutturi preventivi, b'mod partikolari r-rikostruzzjoni ta' imbankamenti ta' mogħdijiet ta' ilma li ġratilhom ħsara, inklużi t-tneħħija ta' siġar u ta' ġebel, id-digi, l-istabbilizzazzjoni u l-kostruzzjoni tas-sodod tax-xmara.  Kontribuzzjoni totali tal-FSUE: €4.93 miljun.

Dokumenti

Skeda informattiva

Rapporti

Panorama (rivista)

Stqarrijiet għall-istampa