L-impatt tal-coronavirus

Din il-paġna hi maħsuba għall-istudenti, il-voluntiera u parteċipanti oħra fil-programm Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Tagħti informazzjoni dwar kif il-coronavirus qed jaffettwa l-attivitajiet, x’tibdil qed isir, u x’għajnuna hi disponibbli.

It-tifqigħa tal-COVID-19 taffettwa b’mod negattiv l-attivitajiet li għaddejjin jew dawk ippjanati taħt il-programm Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Ir-rispons tagħna

L-għan ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea huwa s-sikurezza u l-protezzjoni tal-parteċipanti kollha ta’ Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-miżuri ta’ konteniment kollha meħuda fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex tgħin lill-benefiċjarji u l-istudenti, il-voluntiera u parteċipanti oħra fil-programmi jittrattaw mal-konsegwenzi għalihom.

Il-Kummissjoni se tkompli tadatta r-rispons tagħha għal din is-sitwazzjoni bla preċedent hekk kif tevolvi, hekk kif tikkjarifika u tissimplifika l-applikazzjoni jew ir-regoli u l-proċeduri fejn meħtieġ f’kooperazzjoni mal-Aġenziji Nazzjonali ta’ Erasmus+ u mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).

Pubblikazzjoni ta’ Sejħiet Straordinarji

Fil-25 ta’ Awwissu 2020, tnedew żewġ sejħiet għal proposti straordinarji ta’ Erasmus+ biex jappoġġjaw it-tħejjija tal-edukazzjoni diġitali u l-ħiliet kreattivi. Kull sejħa tipprovdi €100 miljun biex twieġeb għall-epidemija tal-coronavirus.

  • Is-sejħa għat-tħejjija tal-edukazzjoni diġitali se tappoġġja proġetti fl-edukazzjoni fl-iskejjel, fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u fl-edukazzjoni għolja. Din is-sejħa se jkollha l-għan li ssaħħaħ it-tagħlim online, mill-bogħod u mħallat - inkluż l-appoġġ għall-għalliema u għal min iħarreġ, kif ukoll tissalvagwardja n-natura inklużiva tal-opportunitajiet ta’ tagħlim diġitali.
  • Is-sejħa għal “sħubiji għall-kreattività” se tappoġġja proġetti fl-oqsma taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni fl-iskejjel u l-edukazzjoni għall-adulti. Is-sejħa għandha l-għan li tiżviluppa ħiliet u kompetenzi li jinkuraġġixxu l-kreattività u li jagħtu spinta lill-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

Iż-żewġ sejħiet se jgħinu biex l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ jintrabtu ma’ dawk fis-setturi kulturali u kreattivi.

L-iskadenza għall-applikazzjoni hija d-29 ta’ Ottubru 2020. L-organizzazzjonijiet interessati għandhom jikkuntattjaw lill-Aġenzija Nazzjonali ta’ Erasmus+ f’pajjiżhom.

Tista’ ssib aktar informazzjoni u spjegazzjonijiet tas-sejħiet fit-tieni rettifika għall-Gwida tal-Programm Erasmus+ tal-2020.

Stħarriġ dwar l-impatt ta’ Mejju 2020

Il-Kummissjoni Ewropea wettqet żewġ stħarriġiet biex tiġbor il-fehmiet tal-parteċipanti f’mobbiltà u tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja dwar kif it-tifqigħa tal-COVID-19 affettwat il-perkors normali tal-proġetti u l-attivitajiet tagħhom rispettivament.

Riżultati tal-istħarriġ tal-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej (bl-Ingliż)

Riżultati tal-istħarriġ dwar il-mobbiltajiet tat-tagħlim (bl-Ingliż)

Mistoqsijiet frekwenti

Lil min għandi ngħaddi l-mistoqsijiet tiegħi dwar l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19 fuq l-attivitajiet ta’ Erasmus+ jew tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà?

Parteċipanti individwali

L-istudenti, l-għalliema, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema żgħażagħ, il-voluntiera eċċ., li qed jiffaċċjaw diffikultajiet għandhom jikkuntattjaw lill-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni ta’ pajjiżhom. L-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet għandhom iżommu kanal miftuħ ta’ komunikazzjoni mal-parteċipanti fil-proġetti tagħhom, anke jekk l-uffiċċji tagħhom ikunu magħluqin.

Jekk jogħġbok kun af li t-tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar kwistjonijiet finanzjarji (rifużjonijiet, eliġibbiltà tal-ispejjeż, kundizzjonijiet għall-għotjiet, eċċ.) għandhom imnejn jieħdu ftit aktar ħin minħabba aċċess imnaqqas għal ħafna istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet.

Aktar mistoqsijiet għall-parteċipanti

Organizzazzjonijiet benefiċjarji

L-universitajiet, l-iskejjel, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ eċċ. għandhom jikkuntattjaw lill-aġenzija li tkun tat il-proġett tagħhom għall-appoġġ, permezz ta’:

  • L-Aġenzija Nazzjonali fil-pajjiż rispettiv tagħhom, għall-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet tal-programmi ta’ Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. L-aġenziji nazzjonali jinsabu fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-Maċedonja ta’ Fuq, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, it-Turkija, is-Serbja u r-Renju Unit
  • L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) għal azzjonijiet ċentralizzati ta’ Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, bħall-Masters Konġunti ta’ Erasmus Mundus, l-azzjoni Jean Monnet, l-Inizjattiva Universitajiet Ewropej, iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali, il-Bini tal-Kapaċità, l-inizjattiva Żgħażagħ Ewropej Flimkien jew Timijiet ta’ Volontarjat f’Żoni ta’ Prijorità Għolja.

Aktar mistoqsijiet għall-organizzazzjonijiet

Sħab fi proġetti oħrajn

Is-sħab fi proġetti li mhumiex benefiċjarji tal-proġetti (universitajiet, skejjel, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ eċċ.) għandhom jikkollaboraw mal-koordinatur (il-benefiċjarji tal-proġetti) tal-proġett tagħhom.

Ara wkoll

Skeda informattiva: pariri prattiċi għall-parteċipanti

Impatt usa’

Informazzjoni dwar ir-rispons tal-Kummissjoni Ewropea għall-coronavirus

Aqsam din il-paġna