Werrej
Fittex fil-gwida

Pass 4: Imla u ssottometti l-formola ta’ applikazzjoni

Biex jitoblu talba mill-UE taħt il-Programm Erasmus+, l-applikanti għandhom jużaw il-forom speċifiċi għal kul Azzjoni u disponibbli fuq il-websajts tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Aġenziji Nazzjonali jew tal-Aġenzija Eżekuttiva (għad-dettalji ta’ kuntatt, ara l-Anness IV ta’ din l-Gwida).

F’każ ta’ proġetti sottomessi f’isem il-konsorzji, l-organizzazzjoni jew il-grupp ta’ koordinazzjoni jissottometti applikazzjoni unika għall-proġett sħiħ f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha. L-applikazzjoni trid tiġi sottomessa lill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva xierqa (ara t-taqsimiet “fejn napplika” għal kull azzjoni, fil-Parti B ta’ din il-Gwida).

 

Il-proċedura tal-applikazzjoni

 

Formoli elettroniċi onlajn

Għall-biċċa l-kbira tal-Azzjonijiet tal-Programm, l-applikanti huma meħtieġa jissottomettu l-applikazzjoni onlajn tagħhom lill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva xierqa permezz tal-formola elettronika t-tajba u jinkludu l-annessi mitluba kollha. L-applikazzjonijiet mibgħuta bil-posta, b'servizz ta' kurrier, bil-faks jew bl-email mhux se jiġu aċċettati.

Il-formola elettronika trid timtela f'waħda mil-lingwi uffiċjali użati fil-Pajjiżi tal-Programm. F'każ ta' Azzjonijiet ġestiti f'livell ċentralizzat mill-Aġenzija Eżekuttiva, l-applikanti jridu jimlew formola f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ikkonsulta l-linji gwida dwar kif timla u tissottometti formola elettronika. Dawn il-linji gwida jipprovdu wkoll informazzjoni dwar x'għandek tagħmel fil-każ ta' problemi tekniċi; huma disponibbli fuq il-websajts tal-Aġenziji Nazzjonali (speċifiċi għall-Azzjonijiet deċentralizzati), l-Aġenzija Eżekuttiva (speċifika għall-Azzjonijiet ċentralizzati) u l-Kummissjoni Ewropea.

F'każ ta' aktar minn sottomissjoni waħda tal-istess applikazzjoni fl-istess sensiela ta' għażla lill-istess Aġenzija Nazzjonali jew l-Aġenzija Eżekuttiva, l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva sejrin dejjem jikkunsidraw valida l-aħħar verżjoni sottomessa qabel ma tkun skadiet id-data ta' skadenza. F'każ ta' aktar minn sottomissjoni waħda tal-istess applikazzjoni jew ta' applikazzjonijiet li huma simili ħafna mill-istess organizzazzjoni jew konsorzju applikant lil Aġenziji differenti, l-applikazzjonijiet kollha sejrin jiġu irrifjutati b'mod awtomatiku (ara t-taqsima dwar l-għoti mhux akkumulattiv).

 

Formoli ta’ applikazzjoni fuq il-karta

Xi Azzjonijiet ċentralizzati tal-Programm jaf ma jkunux appoġġjati minn forom elettroniċi. Għal dawn l-Azzjonijiet, l-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu bil-posta (data skont it-timbru postali) jew servizz ta’ kurrier (data tal-wasla mis-servizz ta’ kurrier) lill-Aġenzija Eżekuttiva (ara d-dettalji ta’ kuntatt fl-Anness IV ta’ din il-Gwida). L-applikazzjonijiet mibgħuta bil-faks jew il-posta elettronika mhux sejrin jiġu aċċettati.

L-applikanti ma jistgħu jagħmlu l-ebda bidla fil-formola ta’ applikazzjoni tagħhom wara l-iskadenza għas-sottomissjoni.

 

Ħarsien tal-iskadenza

L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa sal-iskadenza stabbilita għal kull Azzjoni. Id-dati ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-proġetti huma speċifikati għal kull Azzjoni fil-Parti B "Kriterji ta' Eliġibbiltà" ta' din il-Gwida.

N.B.:
Għal azzjonijiet deċentralizzati, irrispettivament mill-jum tal-iskadenza, id-data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-formoli elettroniċi hija dejjem stabbilita għal 12:00 (nofsinhar tal-ħin ta' Brussell).
Għal azzjonijiet ċentralizzati koperti f’din il-Gwida tal-Programm u f’konformità mar-rekwiżiti FTOP tal-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Sejħiet għall-Offerti u Finanzjament (FTOP) tal-Kummissjoni, id-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-proposti għall-EACEA hija 17:00 (ħin ta’ Brussell)”.
L-applikanti stabbiliti f'pajjżi li għandhom żona ta' ħin differenti għandhom jikkunsidraw b'attenzjoni d-differenzi fil-ħin biex jevitaw milli jiġu rifjutati.