Werrej
Fittex fil-gwida

Pass 3: Ivverifika l-kundizzjonijiet finanzjarji

Tipi ta’ għotjiet

L-għotja tista’ tkun kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin1:

  • rimborż ta’ proporzjon speċifikat tal-ispejjeż eliġibbli attwalment imġarrba: eż. l-ammont mogħti skont il-qafas tas-Sħubijiet Strateġiċi biex ikopri l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-parteċipazzjoni ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali;
  • rimborż abbażi tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji: eż. l-ammont mogħti għall-appoġġ individwali fil-qafas ta’ proġetti ta’ mobilità fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;
  • somom f’daqqa: eż. l-ammont mogħti biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet komplementari skont il-Proġetti Jean Monnet;
  • finanzjament b'rata fissa: eż. l-ammont mogħti biex jiġu koperti spejjeż indiretti għall-avvenimenti ta' sport bla skop ta' profitt;
  • taħlita ta' dawn t'hawn fuq.

Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament applikat skont il-Programm Erasmus+ fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jipprovdi għotjiet ibbażati fuq ir-rimborż abbażi tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji. Dawn it-tipi ta’ għotjiet jgħinu lill-applikanti biex jikkalkulaw b’mod faċli l-ammont tal-għotja mitlub u biex jiffaċilitaw ippjanar finanzjarju realistiku tal-proġett.

Biex issir taf liema tip ta’ għotja hija applikata għal kull element ta’ finanzjament skont kull Azzjoni ta’ Erasmus+ koperta minn din il-Gwida, jekk jogħġbok ara l-kolonna “mekkaniżmu ta’ finanzjament” fit-tabelli tar-“regoli dwar il-finanzjament” fil-Parti B.

Prinċipji li japplikaw għall-għotjiet tal-UE

Nuqqas ta’ retroattività

Ma tista’ tingħata l-ebda għotja mill-UE b’mod retroattiv għal proġetti li diġà tlestew.

Tista’ tingħata għotja tal-UE għal proġett li jkun diġà beda, biss fejn l-applikant jista’ juri l-ħtieġa li l-proġett jibda qabel ma jkun ġie ffirmat il-ftehim tal-għotja jew tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni ta’ sovvenzjoni. F’każijiet bħal dawn, l-ispejjeż eliġibbli għall-finanzjament ma għandhomx ikunu ġġarbu qabel id-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-għotja.

Jekk l-applikant jibda jimplimenta l-proġett qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim tal-għotja jew tiġi nnotifikata d-deċiżjoni ta’ sovvenzjoni, dan isir b’riskju għall-applikant.

Għotja mhux kumulattiva

Kull proġett iffinanzjat mill-UE għandu dritt li jirċievi għotja waħda biss mill-baġit tal-UE lil kwalunkwe benefiċjarju. L-istess spejjeż ma jistgħu qatt jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit tal-Unjoni.

Biex jiġi evitat ir-riskju ta' finanzjament doppju, fit-taqsima rilevanti tal-formola tal-applikazzjoni l-applikant irid jindika s-sorsi u l-ammonti ta' kull finanzjament ieħor li rċieva jew li applika għalih fis-sena, kemm jekk għall-istess proġett kif ukoll għal kwalunkwe proġett ieħor, inklużi l-għotjiet operattivi.

L-applikazzjonijiet identiċi jew simili ħafna - sottomessi mill-istess applikant jew minn sħab oħra fl-istess konsorzju – se jkunu suġġett għal valutazzjoni speċifika sabiex jiġi eskluż ir-riskju ta’ finanzjament doppju.

Sottomissjonijiet multipli

Għall-azzjonijiet deċentralizzati mmaniġġjati mill-Aġenziji Nazzjonali ta’ Erasmus+, l-applikazzjonijiet li jiġu sottomessi darbtejn jew aktar mill-istess applikant jew konsorzju, jew lill-istess Aġenzija jew lil Aġenziji differenti se jiġu miċħuda kollha. Fejn l-istess applikazzjonijiet jew li huma simili ħafna jiġu sottomessi minn applikanti jew konsorzji differenti, dawn se jkunu soġġetti għal valutazzjoni speċifika u jistgħu jiġu miċħuda kollha.

Nuqqas ta’ Profitt u Kofinanzjament

Għotja ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni ma għandux ikollha l-għan jew l-effett li tipproduċi profitt fi ħdan il-qafas tal-proġett imwettaq mill-benefiċjarju. Il-profitt huwa ddefinit bħala l-eċċess tad-dħul mill-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarju, meta ssir it-talba għall-pagament tal-bilanċ 2. Il-prinċipju tan-nuqqas ta’ profitt ma japplikax għall-għotjiet mogħtija fil-forma ta’ kost unitarju, somma f’daqqa jew finanzjament b’rata fissa, inklużi boroż ta’ studju, u lanqas għal talbiet għal għotjiet li ma jaqbżux EUR 60 000. Għall-fini li jiġi kkalkulat il-profitt iġġenerat mill-għotja, mhux se jitqies il-kofinanzjament f’għamla ta’ kontribuzzjonijiet in natura.

Barra minn hekk, għotja tal-UE hija inċentiv biex jitwettaq proġett li ma jkunx fattibbli mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-UE, u hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kofinanzjament. Il-kofinanzjament jimplika li l-għotja tal-UE jaf ma tiffinanzjax l-ispejjeż sħaħ tal-proġett; il-proġett għandu jiġi ffinanzjat minn sorsi ta’ kofinanzjament barra l-għotja tal-UE (eż. riżorsi tal-benefiċjarju stess, dħul iġġenerat mill-azzjoni, kontribuzzjonijiet finanzjarji minn partijiet terzi).

Meta l-għotja tal-UE tingħata fil-forma ta’ kost unitarju, somma f’daqqa jew finanzjament b’rata fissa - dan hu l-każ għall-biċċa l-kbira tal-Azzjonijiet koperti minn din il-Gwida - il-prinċipji ta’ nuqqas ta profitt u kofinanzjament huma żgurati mill-Kummissjoni għall-Azzjoni kollha kemm hi bil-quddiem meta tiddefinixxi r-rati jew il-perċentwali ta’ unitajiet, somom f’daqqa u rati fissi bħal dawn. Wieħed ġeneralment jassumi l-ħarsien tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’profitt u tal-kofinanzjament u għalhekk, l-applikanti la għandhom għalfejn jipprovdu informazzjoni dwar sorsi ta’ finanzjament għajr l-għotja tal-UE, u lanqas jiġġustifikaw l-ispejjeż imġarrba mill-proġett.

Madankollu, il-pagament tal-għotja abbażi tar-rimborż fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji, somom f’daqqa, jew finanzjament b’rata fissa huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ aċċess għar-rekords statutorji tal-benefiċjarji. Jekk kontroll jew awditu jiżvelaw li ma jkunx seħħ l-avveniment ta’ ġenerazzjoni (eż. attivitajiet ta’ proġett li ma twettqux kif approvat fl-istadju ta’ applikazzjoni, parteċipanti li ma ħadux sehem fl-attivitajiet, eċċ.) u jkun sar pagament mhux dovut lill-benefiċjarju fuq għotja bbażata fuq ir-rimborż abbażi tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji, somom f’daqqa, jew finanzjament b’rata fissa, l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva għandu jkollha dritt li tirkupra l-ammont tal-għotja. Bl-istess mod, jekk l-attivitajiet inwettqa jew l-outputs prodotti ma jkunux ta’ kwalità suffiċjenti, l-għotja tista’ titnaqqas parzjalment jew b’mod sħiħ jekk l-attivitajiet ikunu seħħu u jkunu eliġibbli.

Barra minn hekk, għal finijiet ta’ statistika u monitoraġġ, il-Kummissjoni Ewropea tista’ twettaq stħarriġ fuq kampjuni tal-benefiċjarji li għandhom l-għan li jikkwantifikaw l-ispejjeż reali mġarrba fil-proġetti ffinanzjati abbażi tar-rimborż fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji, is-somom f’daqqa, jew finanzjament b’rata fissa.

Dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal għotjiet imħallsa abbażi ta’ rimborż ta’ porzjon speċifikat tal-ispejjeż eleġibbli

Meta l-għotja tal-UE tiġi pprovduta bħala rimborż ta’ porzjon speċifikat tal-ispejjeż eliġibbli, japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

Spejjeż eleġibbli

Għotja tal-UE ma għandhiex taqbeż l-ammont globali li huwa stabbilit mill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva meta ssir l-għażla tal-proġett abbażi tal-ispejjeż eliġibbli stmati indikati fil-formola ta’ applikazzjoni. L-ispejjeż eliġibbli huma spejjeż fil-fatt imġarrba mill-benefiċjarju ta’ għotja li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

  • jiġġarrbu matul il-ħajja tal-proġett, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż relatati mar-rapporti finali u ċ-ċertifikati tal-awditjar;
  • huma indikati fil-baġit globali stmat tal-proġett;
  • ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni tal-proġett li jkun is-suġġett tal-għotja;
  • ikunu identifikabbli u verifikabbli, u b'mod partikolari jkunu rreġistrati fir-rekords kontabilistiċi tal-benefiċjarju u determinati skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli tal-pajjiż fejn il-benefiċjarju jkun stabbilit u skont il-prattiki komuni tal-kontabbiltà tal-ispejjeż tal-benefiċjarju;
  • jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fiskali u soċjali applikabbli;
  • ikunu raġonevoli, ġustifikati, u jikkonformaw mal-prinċipju ta’ mmaniġġjar finanzjarja tajba, b’mod partikolari rigward l-ekonomija u l-effiċjenza.
  • Huma mhumiex koperti minn għotjiet tal-UE fil-forma ta’ kostijiet unitarji, somom f’daqqa jew finanzjament b’rata fissa.

Il-kategoriji li ġejjin ta’ spejjeż huma kkunsidrati eliġibbli wkoll:

  • spejjeż relatati ma’ garanzija ta’ prefinanzjament ippreżentata mill-benefiċjarju tal-għotja, meta dik il-garanzija tkun meħtieġa mill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva;
  • spejjeż relatati maċ-ċertifikati tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji u rapporti ta' verifika dwar l-operat fejn ċertifikati u rapporti bħal dawn huma meħtieġa bħala appoġġ tat-talbiet għall-pagamenti mill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva;
  • spejjeż ta’ deprezzament, dment li dawn ikunu effettivament iġġarrbu mill-benefiċjarju.

Il-proċeduri interni kontabilistiċi u tal-awditjar tal-benefiċjarju għandhom jippermettu rikonċiljazzjoni diretta tal-ispejjeż u tad-dħul iddikjarati fir-rigward tal-proġett mar-rapporti korrispondenti tal-kontabbilità u d-dokumenti ta’ sostenn.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT)

It-taxxa fuq il-valur miżjud se titqies bħala spiża eliġibbli biss jekk ma tkunx rekuperabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli dwar il-VAT3. L-unika eċċezzjoni għandha x’taqsam mal-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-istat, reġjonali u lokali u korpi pubbliċi oħra jimpenjaw ruħhom bħala awtoritajiet pubbliċi.4. Barra minn hekk:

  • il-VAT deduċibbli li effettivament ma titnaqqasx (minħabba l-kundizzjonijiet nazzjonali jew it-traskuraġni tal-benefiċjarji) mhix eliġibbli;
  • id-Direttiva dwar il-VAT ma tapplikax għall-pajjiżi mhux tal-UE. Organizzazzjonijiet minn Pajjiżi Sħab jistgħu jiġu eżentati mit-taxxi (inkluża l-VAT), dazji u tariffi, jekk ikun ġie ffirmat ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Pajjiż Sieħeb fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni.

Spejjeż indiretti eliġibbli

Għal ċerti tipi ta' proġetti (għad-dettalji dwar ir-regoli dwar il-finanzjament għall-Azzjonijiet, jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti B ta' din il-Gwida), huwa eliġibbli ammont b'rata fissa li ma jaqbiżx is-7% tal-ispejjeż diretti eliġibbli tal-proġett taħt l-ispejjeż indiretti, li jirrappreżentaw l-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li mhumiex diġà koperti bl-ispejjeż diretti eliġibbli (eż. il-kontijiet tad-dawl jew tal-Internet, l-ispiża għall-bini, eċċ.) iżda li jistgħu jitqiesu bħala attribwibbli għall-proġett.

L-ispejjeż indiretti jistgħu ma jinkludux l-ispejjeż li jiddaħħlu taħt kategorija baġitarja oħra. L-ispejjeż indiretti mhumiex eliġibbli meta l-benefiċjarju diġà jkun qed jirċievi għotja operattiva mill-baġit tal-Unjoni (pereżempju fil-qafas tas-sejħa għal proposti dwar il-Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili taħt il-Programm Erasmus+).

Spejjeż ineleġibbli

L-ispejjeż li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala eliġibbli:

  • id-dħul minn kapital;
  • id-dejn u t-tariffi tas-servizz tad-dejn;
  • id-dispożizzjonijiet għat-telf jew għad-djun;
  • l-imgħax dovut;
  • id-djun dubjużi;
  • it-telf mill-kambju;
  • il-VAT, meta titqies bħala rekuperabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli dwar il-VAT (ara l-paragrafu ta’ fuq dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud);
  • l-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarju u koperti minn proġett jew programm ta’ ħidma ieħor li jirċievi għotja mill-UE (ara wkoll il-paragrafu ta’ hawn fuq dwar l-ispejjeż indiretti eliġibbli);
  • nefqa eċċessiva jew imprudenti;
  • kontribuzzjonijiet in natura;
  • f’każ ta’ kiri jew il-lokazzjoni ta’ tagħmir, l-ispiża ta’ kwalunkwe opzjoni ta’ akkwiżizzjoni fi tmiem il-perjodu ta’ lokazzjoni jew kiri;
  • l-ispejjeż għall-ftuħ u t-tħaddim ta’ kontijiet tal-bank (inklużi l-ispejjeż tat-trasferimenti minn jew lill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva imposti mill-bank tal-benefiċjarju).

Sorsi ta’ finanzjament

Fil-formola ta' applikazzjoni tiegħu l-applikant għandu jindika l-kontribuzzjoni minn sorsi oħra differenti mill-għotja tal-UE. Il-kofinanzjament estern jista' jieħu l-forma tar-riżorsi proprji tal-benefiċjarju, kontribuzzjonijiet finanzjarji minn partijiet terzi jew dħul iġġenerat mill-proġett. Jekk, meta jsir ir-rapport finali u t-talba għall-pagament tal-bilanċ, ikun hemm evidenza li hemm eċċess tad-dħul (ara t-taqsima dwar Nuqqas ta' Profitt u Kofinanzjament) fuq l-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-proġett, l-Aġenzija Nazzjonali jew l-Aġenzija Eżekuttiva hija intitolata tirkupra l-perċentwal tal-profitt li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż eleġibbli mġarrba effettivament mill-benefiċjarju biex iwettaq il-proġett. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal proġetti li jitolbu għotja li ma taqbiżx EUR 60 000.

Il-kontribuzzjonijiet in natura mhumiex ikkunsidrati bħala sors possibbli ta' kofinanzjament.

  • 1. ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI C(2013)8550 tal-04 ta' Diċembru 2013 dwar "L-użu ta' somom f'daqqa, ir-rimborż fuq il-bażi ta' kostijiet unitarji u l-finanzjament b'rata fissa skont il-Programm "Erasmus+", (http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/more_info/awp/docs/c_2013_8550.pdf)
  • 2. Għal dan l-għan, l-irċevuti huma limitati għad-dħul iġġenerat mill-proġett, kif ukoll kontribuzzjonijiet finanzjarji assenjati b’mod speċifiku minn donaturi għall-finanzjament tal-ispejjeż eliġibbli. Imbagħad, il-profitt (jew it-telf) kif iddefinit hawn fuq ikun d-differenza bejn:
    1. l-ammont aċċettat b’mod provviżorju tal-għotja, id-dħul iġġenerat mill-azzjoni u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji assenjati b’mod speċifiku mid-donaturi għall-finanzjament tal-ispejjeż eliġibbli, u
    2. l-ispejjeż eliġibbli mġarrbin mill-benefiċjarju.

    Barra minn hekk, kull meta jsir profitt, se jiġi rkuprat. L-Aġenzija Nazzjonali jew l-Aġenzija Eżekuttiva huma intitolati sabiex jirkupraw il-perċentwal tal-profitt li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli fil-fatt imġarrbin mill-benefiċjarju biex iwettqu l-azzjoni. Se jiġu pprovduti kjarifiki ulterjuri dwar il-kalkolu tal-profitt għal azzjonijiet li għalihom l-għotjiet jieħdu l-forma ta’ rimborż ta’ sehem speċifikat tal-ispejjeż eliġibbli.

  • 3. Fl-Istati Membri l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT tittraduċi d-Direttiva 2006/112/KE dwar il-VAT.
  • 4. Ara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva.