Werrej
Fittex fil-gwida

Ftehim/deċiżjoni ta’ għotja

Jekk il-proġett jintgħażel għal għotja mill-UE taħt Erasmus+:

  • deċiżjoni ta’ għotja - meħuda mill-Aġenzija Eżekuttiva - tiġi nnotifikata lill-applikant ta’ proġett magħżul. Mar-riċevuta/Man-notifika tad-deċiżjoni, l-applikant isir il-benefiċjarju tal-għotja mill-UE u jista’ jibda l-proġett1;
  • ftehim ta’ għotja jiġi ffirmat bejn l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva li tagħżel il-proġett u l-applikant. L-applikant sejjer jirċievi l-ftehim ta’ għotja, li jrid jiġi ffirmat mir-rappreżentant legali tiegħu u jitradd lura lill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva; l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva hija l-aħħar parti li tiffirma. Meta l-għotja tiġi ffirmata miż-żewġ partijiet, l-applikant isir benefiċjarju ta’ għotja mill-UE u jista’ jibda l-proġett2.

Skont it-tip ta’ Azzjoni, il-ftehimiet ta’ għotja jistgħu jieħdu l-forma ta’ ftehimiet għal benefiċjarju wieħed, bl-applikant li jkun l-uniku benefiċjarju, jew ftehimiet għal ħafna benefiċjarji, li fihom is-sħab kollha tal-organizzazzjoni tal-konsorzju jsiru l-benefiċjarji tal-ftehim. Il-ftehim multibenefiċjarju jiġi ffirmat mill-koordinatur li huwa l-uniku punt ta’ kuntatt għall-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva. Madankollu, l-organizzazzjonijiet l-oħra kollha li jieħdu sehem fi proġett (kobenefiċjarji) jiffirmaw mandat biex jagħtu lill-koordinatur, ir-responsabbiltà biex taġixxi bħala benefiċjarju ewlieni. Bħala regola ġenerali, il-mandati ta’ kull sieħeb lill-applikant sejrin ikollhom jiġu ffirmati fl-istadju ta’ applikazzjoni. Jekk dawn il-mandati jiġu pprovduti fi stadju aktar avvanzat, dawn iridu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni sa mhux aktar tard minn meta jiġi ffirmat il-ftehim ta’ għotja.

Nota bene: Mhumiex meħtieġa mandati għal organizzazzjonijiet sħab f'pajjiżi differenti mill-pajjiż tal-organizzazzjoni applikanti fil-każ ta' proġetti ta' Mobilità għal studenti u persunal tal-edukazzjoni għolja, proġetti ta' Mobilità għal studenti u persunal tal-VET, proġetti ta' Mobilità għal persunal tat-tagħlim fl-Iskejjel, u proġetti ta' Mobilità għal persunal tat-tagħlim tal-Adulti. Madankollu, l-organizzazzjonijiet membri ta' konsorzji nazzjonali fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, l-ETV, skola u l-edukazzjoni tal-adulti huma meħtieġa jipprovdu mandat lill-organizzazzjoni applikanti.

Bħala eċċezzjoni, fi Sħubijiet Strateġiċi li jużaw il-format "Sħubijiet ta' Skambju għall-Iskejjel biss", kull organizzazzjoni parteċipanti involuta fi proġett magħżul sejra tiffirma ftehim ta’ għotja separat (monobenefiċjarju) - speċifiku għas-sehem mill-għotja tagħha - mal-Aġenzija Nazzjonali stabbilita fil-pajjiż tagħha.

Matul is-sena sejrin jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mudelli tal-ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja użati taħt il-Programm Erasmus+ fuq il-websajts tal-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Eżekuttiva.

Il-kalendarju indikattiv għar-riċevuta ta’ ftehmiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet ta’ għotja taħt kull Azzjoni huwa indikat fit-taqsima “Skadenzi taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ proġett u modalitajiet ta’ ħlas” ta’ hawn taħt.

  • 1. Għal eċċezzjonijiet għal din ir-regola, ara t-taqsima “nonretroattività” f'din il-parti tal-Gwida.
  • 2. Ara n-nota f’qiegħ il-paġna hawn fuq.