Werrej
Fittex fil-gwida

X’jiġri ladarba tiġi sottomessa l-applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet kollha riċevuti mill-Aġenziji Nazzjonali jew mill-Aġenzija Eżekuttiva jgħaddu minn proċedura ta' evalwazzjoni.

Il-proċedura ta’ evalwazzjoni

Il-proposti tal-proġett huma vvalutati mill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva li tirċievi l-applikazzjoni, esklussivament abbażi tal-kriterji deskritti f’din il-Gwida. Din il-valutazzjoni timplika:

  • verifika formali biex jiġi vverifikat li jitħarsu l-kriterji ta’ eliġibbiltà u esklużjoni;
  • valutazzjoni tal-kwalità biex jiġi vvalutat kemm l-organizzazzjonijiet parteċipanti jissodisfaw il-kriterji tal-għażla (jiġifieri kapaċità operattiva u finanzjarja) u li l-proġett jissodisfa l-kriterji tal-għoti. Fil-biċċa l-kbira tad-drabi tali valutazzjoni tal-kwalità titwettaq bl-appoġġ ta' esperti indipendenti. Fil-valutazzjoni tagħhom, l-esperti sejrin jiġu appoġġjati minn linji gwida żviluppati mill-Kummissjoni Ewropea; dawn il-linji gwida sejrin jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fuq il-websajts tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Aġenziji responsabbli għall-ġestjoni tal-proġetti Erasmus+;
  • verifika li l-proposta ma tippreżentax riskji ta’ finanzjament doppju. Jekk ikun hemm bżonn, din il-verifika titwettaq f’kooperazzjoni ma’ Aġenziji oħrajn jew ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn.

L-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva sejra taħtar kumitat għall-evalwazzjoni sabiex jimmonitorja l-ġestjoni tal-proċess tal-għażla kollu. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni mwettqa mill-esperti, il-kumitat għall-evalwazzjoni sejjer jistabbilixxi lista ta’ proġetti proposti għall-għażla.

Għall-azzjonijiet kollha koperti minn din il-Gwida, matul il-proċess ta' evalwazzjoni, l-applikanti jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni addizzjonali jew jiċċaraw id-dokumenti ta' sostenn sottomessi b'rabta mal-applikazzjoni, bil-kundizzjoni li dik l-informazzjoni jew kjarifika ma tibdilx il-proposta b'mod sostanzjali. Informazzjoni u kjarifiki addizzjonali huma partikolarment iġġustifikati fil-każ ta' żbalji klerikali ovvji li jsiru mill-applikant, jew f'dawk il-każijiet fejn - għal proġetti ffinanzjati permezz ta' ftehimiet għal ħafna benefiċjarji - wieħed jew aktar mill-mandati tal-isħab jkunu neqsin (għal ftehimiet għal ħafna benefiċjarji, ara t-taqsima "ftehim/deċiżjoni ta' għoti Hawn taħt").

Deċiżjoni finali

Fi tmiem il-proċedura ta' evalwazzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva tiddeċiedi dwar il-proġetti li għandhom jingħataw għotja fuq il-bażi ta':

  • il-lista ta' klassifikazzjoni proposta mill-kumitat għall-evalwazzjoni;
  • il-baġit disponibbli għal kwalunkwe Azzjoni partikolari (jew kwalunkwe attività partikolari fi ħdan Azzjoni).

Wara t-tlestija tal-proċedura ta' għażla, il-fajls tal-applikazzjoni u l-materjal ta' akkumpanjament ma jintbagħtux lura lill-applikant, ikun xi jkun l-eżitu tal-proċedura.

Notifika ta' deċiżjonijiet ta' għoti ta' għotja

Dan il-kalendarju indikattiv għan-notifika tar-riżultati tal-għażla għal kull Azzjoni huwa indikat fit-taqsima "Skadenzi taċ-ċiklu tal-ħajja ta' proġett u l-modalitajiet ta' ħlas" ta' hawn taħt.