Werrej
Fittex fil-gwida

Liċenzja Miftuħa u Drittijiet tal-propjetà intellettwali

B’mod ġenerali, id-drittijiet tal-awtur jagħtu lil kull min ikun ħoloq ix-xogħol oriġinali d-drittijiet esklużivi għall-użu tax-xogħol - eż. riżorsa edukattiva. Il-liċenzji huma mod komuni għal min għandu d-drittijiet tal-awtur biex jippermettu lil ħaddieħor juża x-xogħol tagħhom. Liċenzja tiddefinixxi t-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom xi ħadd li għandu d-drittijiet tal-awtur ikun qed jagħti permess lil individwi jew organizzazzjonijiet biex jużaw ix-xogħol tiegħu.

Liċenzja miftuħa hi mod kif min għandu d-drittijiet tal-awtur (min ħoloq ix-xogħol jew xi ħadd ieħor li għandu dawn id-drittijiet) jagħti l-permess legali għall-użu tax-xogħol tiegħu lill-pubbliku inġenerali. Il-liċenzja miftuħa applikata normalment hi indikata direttament fuq ix-xogħol u kull meta jiġi xxerjat ix-xogħol. Bħal fil-każ ta’ liċenzji oħra, il-liċenzji miftuħa ma jimplikawx it-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet oħra tal-proprjetà intellettwali. Persuna li tkun qed tagħti liċenzja miftuħa għal xogħolha xorta tibqa’ fil-pussess tad-drittijiet tal-awtur tal-materjal tiegħu u tista’ tużah kif irid, eż. biex tikkummerċjalizza l-eżiti tal-proġett tagħha. B'mod speċifiku, liċenzja miftuħa li tiġi applikata għal riżorsi edukattivi bl-appoġġ ta’ Erasmus+, trid tippermetti lill-pubbliku (jiġifieri kwalunkwe parti terza), bħala minimu li, bla ebda xkiel, ikun jista’:

  • Juża x-xogħol;
  • Jadatta x-xogħol kif meħtieġ (eż. jittraduċi, iqassar, jimmodifika għall-kuntest lokali, eċċ.)
  • Jirriproduċi u jixxerja x-xogħol oriġinali jew adattat ma’ oħrajn (eż. studenti fil-klassi, online, ma’ kollegi, eċċ.).

Filwaqt li Erasmus+ jinkoraġġixxi lill-benefiċjari biex japplikaw l-aktar liċenzji miftuħa1 biex jiżguraw l-impatt massimu ta’ xogħolhom, il-benefiċjarji jistgħu jagħżlu liċenzji miftuħa b’kundizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari:

  • Li min ħoloq ix-xogħol irid ikun indikat kull meta x-xogħol jew id-derivattiv tiegħu jintuża’ jew jiġi xxerjat ma’ ħaddieħor;
  • Li x-xogħol ma jistax jiġi użat kummerċjalment (eż. jinbiegħ lil ħaddieħor, jiġi integrat fi ktieb tal-iskola kummerċjali, eċċ.);
  • Li kull xogħol derivattiv irid jiġi xxerjat ma’ ħaddieħor skont l-istess liċenzja jew termini tal-liċenzjar.

Filwaqt li l-benefiċjarji huma ħielsa li jagħżlu kwalunkwe liċenzja miftuħa jew saħansitra jiżviluppaw il-liċenzja miftuħa tagħhom stess, biex ma jkunx hemm duplikazzjoni tax-xogħol, tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll il-possibbiltà li jingħaqdu flimkien diversi xogħlijet, il-benefiċjarji ta’ Erasmus+ huma mħeġġa b’mod qawwi li jagħmlu użu minn liċenzji eżistenti xierqa għat-tip ta’ riżorsa li għandhom. Il-liċenzja ma jista jkollha ebda kundizzjoni li tpoġġi limitu fuq il-grupp ta’ utenti, li tisforza lill-utenti biex jirreġistraw, jipparteċipaw, jew b’xi mod ieħor iwettqu xi attività speċifika, jew li tispeċifika li l-użu jrid jintalab jew jiġi rrappurtat.

  • 1. Eż. il-liċenzji użati b’mod mifrux tal-Creative Commons Attribution jew il-Creative Commons Attributions-Share Alike għax-xogħlijiet kreattivi, il-GNU Public License u l-GNU Lesser Public License għas-softwer, jew l-Open Database License għall-bażijiet ta-dejta.