Werrej
Fittex fil-gwida

Informazzjoni dwar l-għotjiet aġġudikati

F’konformità mal-prinċipju ta’ trasparenza u r-rekwiżit għall-pubbliċità ex-post, l-informazzjoni dwar l-irċevuti tal-fondi tal-Unjoni trid tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva u/jew l-Aġenziji Nazzjonali matul l-ewwel nofs tas-sena wara l-għeluq tas-sena finanzjarja li ngħataw għotja għaliha.

L-informazzjoni tista’ tkun ippubblikata wkoll fi kwalunkwe mezz xieraq ieħor, inkluż Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Aġenziji Nazzjonali u l-Aġenzija Eżekuttiva sejrin jippubblikaw l-informazzjoni li ġejja:

  • isem u lokalità tal-benefiċjarju;
  • l-ammont tal-għotja mogħtija;
  • in-natura u l-għan tal-għotja.

Fuq talba motivata u sustanzjata kif xieraq mill-benefiċjarju, il-pubblikazzjoni tista’ tiġi rinunzjata jekk tali divulgazzjoni tkun theddita għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi kkonċernati kif imħarsa mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tal-benefiċjarji.

Sa fejn hija kkonċernata d-dejta personali li tirreferi għal persuni fiżiċi, l-informazzjoni ppubblikata għandha titneħħa sentejn wara l-għeluq tas-sena finanzjarja li matulha ngħataw il-fondi.

L-istess għandu japplika għad-dejta personali indikata fit-titli uffiċjali tal-persuni ġuridiċi (eż. assoċjazzjoni jew kumpanija li għandha bħala titlu l-isem tal-fundaturi tagħha).

Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi ppubblikata għal boroż ta’ studju mħallsa lil persuni fiżiċi u appoġġ dirett ieħor imħallas lil persuni fiżiċi l-aktar fil-bżonn (refuġjati u persuni qegħda). Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji mhumiex awtorizzati jippubblikaw dan it-tip ta’ informazzjoni fir-rigward tal-persuni li jirċievu għotja ta’ mobilità skont Erasmus+.