Werrej
Fittex fil-gwida

Parti B – Informazzjoni dwar l-azzjonijiet koperti minn din il-gwida

F'din il-Parti, il-qarrejja se jsibu l-informazzjoni li ġejja għall-Azzjonijiet u l-attivitajiet kollha koperti mill-Gwida tal-Programm Erasmus+:

  • deskrizzjoni tal-għanijiet u l-impatt mistenni tagħhom;
  • deskrizzjoni tal-attivitajiet appoġġjati;
  • tabelli li jippreżentaw il-kriterji użati biex jiġu evalwati l-proposti tal-proġetti;
  • informazzjoni addizzjonali siewja sabiex ikollhom għarfien tajjeb tat-tip ta' proġetti appoġġjati;
  • deskrizzjoni tar-regoli ta' finanzjament.

Qabel ma jibagħtu applikazzjoni, l-applikanti jingħataw il-parir li jaqraw b'attenzjoni t-taqsima sħiħa li tikkonċerna l-Azzjoni li jixtiequ japplikaw taħtha. L-applikanti jingħataw il-parir ukoll li jaqraw b'attenzjoni l-informazzjoni supplimentari pprovduta fl-Anness I ta' din il-Gwida.

Edukazzjoni u taħriġ

Opportunitajiet fl-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni skolastika u l-edukazzjoni għall-adulti.

Liema azzjonijiet huma appoġġati?

It-taqsimiet li ġejjin "Azzjoni Ewlenija 1", "Azzjoni Ewlenija 2" u "Azzjoni Ewlenija 3" jippreżentaw Azzjonijiet konkreti mfasslin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Programm fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Fost dawn l-Azzjonijiet, dawk marbutin prinċipalment - iżda mhux esklussivament - mal-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma:

  • Proġetti ta' mobilità għall-istudenti u l-persunal fl-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV);
  • Proġetti ta' mobilità għall-persunal fl-edukazzjoni skolastika u l-edukazzjoni għall-adulti;
  • Lawrji Master Konġunti tal-Erasmus Mundus;
  • Self għal Master tal-Erasmus+;
  • Sħubijiet Strateġiċi;
  • Alleanzi tal-Għarfien-Universitajiet Ewropej;
  • Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali;
  • Bini tal-Kapaċità fil-qasam tal-edukazzjoni għolja.

It-taqsima tal-Azzjoni Ewlenija 3 tipprovdi wkoll tagħrif dwar attivitajiet tal-Erasmus+ bħala appoġġ għall-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li jinvolvu l-analiżi tal-politika u tagħlim bejn il-pari, inizjattivi għall-innovazzjoni tal-politika,, għodod u netwerks, il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u d-djalogu ma’ dawk li jfasslu l-politika, u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati. Dawn l-attivitajiet jiġu implimentati permezz ta’ sejħiet speċifiċi għal proposti mmexxija direttament mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-Aġenzija Eżekuttiva tagħha. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur il-websajt tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija Eżekuttiva.

X’inhuma l-għanijiet ta’ dawn l-azzjonijiet?

Għanijiet speċifiċi

L-għanijiet speċifiċi segwiti mill-Programm Erasmus+ fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma li:

  • itejjeb il-livell ta’ kompetenzi u ħiliet ewlenin, b’attenzjoni partikolari għar-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol u l-kontribut tagħhom għal soċjetà koeżiva, b’mod partikolari permezz ta’ opportunitajiet akbar għall-mobilità fit-tagħlim u permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn id-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja tax-xogħol;
  • irawwem titjib fil-kwalità, eċċellenza innovattiva u internazzjonalizzazzjoni fil-livell ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni transnazzjonali mtejba bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u partijiet interessati oħrajn;
  • jippromwovi l-ħolqien u jqajjem kuxjenza dwar żona Ewropea ta’ tagħlim tul il-ħajja maħsuba biex taħdem id f’id ma’ riformi tal-politika fil-livell nazzjonali u biex issostni l-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni ta’ politika mtejba, użu aħjar ta’ trasparenza u għodod ta’ rikonoxximent tal-UE u t-tixrid ta’ prattiki tajbin;
  • itejjeb id-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Pajjiż tal-Programm u dawk tal-Pajjiż Sieħeb fil-qasam tal-ETV u fl-edukazzjoni għolja, billi jżid l-attraenza tal-istituzzjonijiet Ewropej ta’ edukazzjoni għolja u jappoġġja l-azzjoni esterna tal-UE, inkluż l-għanijiet tal-iżvilupp tagħha, permezz tal-promozzjoni tal-mobilità u l-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fil-Pajjiż tal-Programm u fil-Pajjiż Sieħeb u l-bini tal-kapacitajiet fil-mira fil-Pajjiżi Sħab;
  • itejjeb it-tagħlim tal-lingwi u jippromwovi d-diversità lingwistika u l-għarfien interkulturali wiesa’ tal-UE.

Iż-żgħażagħ

Opportunitajiet ta’ tagħlim mhux formali u informali fil-qasam taż-żgħażagħ.

Liema azzjonijiet huma appoġġati?

It-taqsimiet li ġejjin “Azzjoni Ewlenija 1”, “Azzjoni Ewlenija 2” u “Azzjoni Ewlenija 3” jippreżentaw Azzjonijiet konkreti li huma mfassla biex jiksbu l-għanijiet tal-Programm fil-qasam taż-żgħażagħ. Fost dawn l-Azzjonijiet, dawk l-aktar - iżda mhux esklussivament - marbutin mal-qasam taż-żgħażagħ (tagħlim mhux formali u informali) huma:

  • Proġetti ta' mobilità għaż-żgħażagħ (Skambji taż-Żgħażagħ) u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ;
  • Sħubijiet Strateġiċi;
  • Bini ta' Kapaċità fil-qasam taż-żgħażagħ;
  • Proġetti ta' Djalogu maż-Żgħażagħ.

It-taqsima tal-Azzjoni Ewlenija 3 tipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-Azzjonijiet tal-Erasmus+ bħala appoġġ tal-politiki taż-żgħażagħ, li jinvolvu analiżi tal-politika u t-tagħlim reċiproku, inizjattivi, għodod u netwerks prospettivi, il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, id-djalogu mal-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati, li se jiġu promossi minn Erasmus+ b’appoġġ għas-sistemi taż-żgħażagħ. Dawn l-Azzjonijiet jiġu implimentati permezz ta’ sejħiet speċifiċi għal proposti mmexxija mill-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kummissjoni Ewropea jew direttament mill-Kummissjoni Ewropea. Għal aktar informazzjoni, żur il-websajts tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija Eżekuttiva.

X’inhuma l-għanijiet ta’ dawn l-azzjonijiet?

Għanijiet speċifiċi

L-għanijiet speċifiċi segwiti mill-Programm Erasmus+ fil-qasam taż-żgħażagħ huma li:

  • jittejjeb il-livell ta’ kompetenzi ewlenin u ħiliet taż-żgħażagħ, inklużi dawk b’inqas opportunitajiet, kif ukoll il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika fl-Ewropa u s-suq tax-xogħol, iċ-ċittadinanza attiva, id-djalogu interkulturali, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà, b’mod partikolari permezz ta’ aktar opportunitajiet ta’ mobilità fit-tagħlim għaż-żgħażagħ, dawk attivi f’ħidma maż-żgħażagħ jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ, u permezz ta’ rabtiet imsaħħin bejn il-qasam taż-żgħażagħ u s-suq tax-xogħol;
  • jitrawwem it-titjib tal-kwalità fil-ħidma maż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-organizzazzjonijiet fil-qasam taż-żgħażagħ u/jew partijiet interessati oħrajn;
  • jiġu kkomplimentati r-riformi politiċi fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali u jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ politika taż-żgħażagħ ibbażata fuq l-għarfien u l-evidenza kif ukoll ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni ta’ politika mtejba, użu aħjar ta’ għodod ta’ trasparenza u rikonoxximent tal-UE u d-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin;
  • jissaħħu d-dimensjoni internazzjonali tal-attivitajiet taż-żgħażagħ u tissaħħaħ il-kapaċità ta’ dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet fl-appoġġ tagħhom għaż-żgħażagħ b’mod kumplimentarju mal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-mobilità u l-kooperazzjoni bejn partijiet interessati minn Pajjiżi tal-Programm u Pajjiżi Sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Matul il-perjodu 2014-2020, 8.6% tal-baġit se jiġi allokat b'appoġġ għal opportunitajiet ta' tagħlim mhux formali u informali fil-qasam taż-żgħażagħ.