Werrej
Fittex fil-gwida

Liema Azzjonijiet huma appoġġjati?

L-Azzjonijiet li ġejjin fil-qasam tal-isport huma implimentati permezz ta’ din il-Gwida tal-Programm:

  • Sħubijiet Kollaborattivi;
  • Sħubijiet Kollaborattivi Żgħar;
  • Avvenimenti sportivi Ewropej mingħajr skop ta’ qligħ.

Barra minn hekk, Erasmus+ jappoġġja wkoll l-Azzjonijiet biex tissaħħaħ il-bażi ta’ evidenza għat-tfassil tal-politiki (studji, ġbir ta’ dejta, stħarriġiet, eċċ.), biex jiġi promoss id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati Ewropej rilevanti (il-Forum tal-Isport tal-UE, avvenimenti tal-Presidenza tal-UE, konferenzi, laqgħat, seminars, eċċ.). Dawn l-Azzjonijiet se jiġu implimentati mill-Kummissjoni Ewropea jew direttament jew permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva.

L-objettivi speċifiċi segwiti mill-Programm Erasmus+ fil-qasam tal-isport huma li:

  • jindirizza theddidiet għall-integrità tal-isport, bħad-doping, il-logħob mixtri u l-vjolenza, kif ukoll kwalunkwe tip ta’ intolleranza u diskriminazzjoni;
  • jippromowovi u jappoġġja l-governanza tajba fl-isport u l-karrieri doppji tal-atleti;
  • jippromowovi l-attivitajiet volontarji fl-isport, flimkien mal-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-għarfien dwar l-importanza tal-attività fiżika tajba għas-saħħa, permezz ta’ żieda fil-parteċipazzjoni fi, u aċċess ugwali għall-isport għal kulħadd.

Kif ipprovdut fir-Regolament dwar Erasmus+, għandu jingħata fokus għall-isport tal-massa.

L-Azzjonijiet fil-qasam tal-isport huma mistennija li jirriżultaw fl-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport permezz tal-ġenerazzjoni, il-kondiviżjoni u l-qsim ta’ esperjenzi u għarfien dwar kwistjonijiet differenti li jaffettwaw l-isport fil-livell Ewropew.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-proġetti fil-qasam tal-isport appoġġjati minn Erasmus+ għandhom iwasslu għal żieda fil-livelli ta’ parteċipazzjoni fl-isport, l-attività fiżika u l-attività volontarja.

B’mod aktar speċifiku,

  • Żieda fl-għerf u l-għarfien dwar l-isport u l-attività fiżika fil-Pajjiżi tal-Programm;
  • Żieda fl-għarfien fir-rigward tar-rwol tal-isport fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa;
  • It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-isport u l-attività fiżika;
  • Parteċipazzjoni aħjar ta’ organizzazzjonijiet sportivi u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn minn Pajjiżi tal-Programm f’netwerks imtejba;
  • Qsim aħjar tal-aqwa prattiki.

L-Azzjonijiet fil-qasam tal-isport huma mistennija li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, li hi inizjattiva mnedija mill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-isport u l-attività fiżika fl-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-livelli ta’ parteċipazzjoni li qegħdin jonqsu.

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport hi maħsuba biex tiġi organizzata bil-kunċett li ġej: ftuħ uffiċjali, avveniment ewlieni, u Ħamest Ijiem Fokus, kuljum b’tema ta’ fokus differenti: edukazzjoni, postijiet tax-xogħol, fl-arja aperta, klabbs sportivi u ċentri tal-fitness. Fost attivitajiet oħra, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport se tinkoraġġixxi l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni transfruntiera.

Mill-2017, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport issir bejn it-23 u t-30 ta' Settembru. Minbarra l-attivitajiet organizzati mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri se jorganizzaw attivitajiet nazzjonali u jikkoordinaw dawk lokali.

Aktar informazzjoni dwar il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport 2020 tinstab fuq https://ec.europa.eu/sport//week_en