Werrej
Fittex fil-gwida

Azzjoni ewlenija 2: Koperazzjoni għall-innovazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajba

Liema azzjonijiet huma appoġġati?

Din l-Azzjoni Ewlenija tappoġġja:

  • Sħubijiet Strateġiċi fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;
  • Alleanzi tal-Għarfien;
  • Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali;
  • Bini tal-Kapaċità fil-qasam tal-edukazzjoni għolja;
  • Bini ta’ Kapaċità fil-qasam taż-żgħażagħ.

L-Azzjonijiet appoġġjati minn din l-Azzjoni Ewlenija huma mistennija li jġibu effetti pożittivi u dejjiema fuq l-organizzazzjonijiet parteċipanti, fuq is-sistemi politiċi fejn isiru t-tali Azzjonijiet kif ukoll fuq l-organizzazzjonijiet u l-persuni direttament jew indirettament involuti fl-attivitajiet organizzati.

Din l-Azzjoni Ewlenija hija mistennija li tirriżulta fl-iżvilupp, it-trasferiment u/jew l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi fil-livell organizzazzjonali, lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew.

Għall-organizzazzjonijiet parteċipanti, il-proġetti appoġġjati minn din l-Azzjoni Ewlenija huma maħsuba li jipproduċu r-riżultati li ġejjin:

  • approċċi innovattivi biex jindirizzaw il-gruppi fil-mira tagħhom, billi jipprovdu pereżempju: programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar attraenti, f’konformità mal-bżonnijiet u l-istennijiet tal-individwi; l-użu ta’ approċċi parteċipatorji u metodoloġiji bbażati fuq l-ICT; proċessi ġodda jew imtejba tar-rikonoxximent u l-validazzjoni ta’ kompetenzi; effettività akbar tal-attivitajiet għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali; prattiki ġodda jew imtejba biex jilqgħu għall-bżonnijiet ta’ gruppi żvantaġġati u li jitrattaw differenzi fir-riżultati tat-tagħlim marbuta mad-differenzi ġeografriċi u soċjoekonomiċi; approċċi ġodda biex jindirizzaw id-diversità razzjali, etnika, lingwistika u kulturali; approċċi ġodda sabiex jappoġġaw aħjar il-kompetittività u l-impjiegi b’mod partikolari fuq livell reġjonali u lokali; rikonoxximent ta’ eċċellenza fit-tagħlim tal-lingwa jew ta' tagħlim permezz taċ-Ċertifikat tal-Lingwa Ewropew;
  • ambjent aktar modern, dinamiku u professjonali ġewwa l-organizzazzjoni: lest li jintegra prattiki tajba u metodi ġodda fl-attivitajiet ta’ kuljum; miftuħ għas-sinerġiji ma’ organizzazzjonijiet attivi f’oqsma differenti jew f’setturi soċjoekonomiċi; l-ippjanar strateġiku tal-iżvilupp professjonali għall-persunal f’konformità mal-ħtiġijiet individwali u l-objettivi organizzazzjonali;
  • żieda fil-kapaċità u l-professjonaliżmu biex isir xogħol fil-livell tal-UE/internazzjonali: kompetenzi ta’ ġestjoni mtejba u strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni; tisħiħ fil-kooperazzjoni mas-sħab minn pajjiżi oħra, oqsma oħra ta’ edukazzjoni, taħriġ u żgħażagħ u/jew setturi soċjoekonomiċi oħra; żieda fl-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji (minbarra fondi tal-UE) biex jiġu organizzati proġetti tal-UE/internazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ; żieda fil-kwalità fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, is-sorveljanza u s-segwitu tal-proġetti tal-UE/internazzjonali.

Il-proġetti ffinanzjati minn din l-Azzjoni Ewlenija x’aktarx li jkollhom ukoll impatt pożittiv fuq il-persuni direttament jew indirettament involuti fl-attivitajiet, bħal:

  • sens ikbar ta’ inizjattiva u intraprenditorija;
  • żieda fil-kompetenza f’lingwi barranin;
  • żieda fil-livell ta’ kompetenza diġitali;
  • fehim u rispons aħjar tad-diversità soċjali, etnika, lingwistika u kulturali;
  • titjib fil-livelli ta’ ħiliet għall-impjegabbiltà u l-ħolqien ta’ negozji ġodda (inkluż intrapenditorija soċjali);
  • parteċipazzjoni fis-soċjetà iktar attiva;
  • attitudni iktar pożittiva lejn il-proġett Ewropew u l-valuri tal-UE;
  • fehim aħjar u rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki fl-Ewropa u lil hinn;
  • kompetenzi mtejba, marbutin mal-profili professjonali (tagħlim, taħriġ, ħidma maż-żgħażagħ, eċċ);
  • fehim aħjar tal-prattiki, il-politiki u s-sistemi fl-edukazzjoni, it-taħriġ jew iż-żgħażagħ fil-pajjiżi;
  • fehim aħjar tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni formali, mhux formali, it-taħriġ vokazzjonali, forom oħra ta’ tagħlim u s-suq tax-xogħol rispettivament;
  • żieda fl-opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali;
  • żieda fil-motivazzjoni u s-sodisfazzjon fix-xogħol ta’ kuljum.

Fil-livell sistemiku, huma mistennija li jikkawżaw il-modernizzazzjoni u jsaħħu r-reazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ u politiki taż-żgħażagħ għall-isfidi ewlenin tad-dinja tal-lum: l-impjiegi, l-istabbiltà ekonomika u t-tkabbir, iżda wkoll il-ħtieġa li tiġi promossa l-kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali, id-djalogu interkulturali, il-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali, in-nondiskriminazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku.

Għalhekk, l-impatt ta’ din l-Azzjoni Ewlenija huwa maħsub li jkun:

  • żieda fil-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ fl-Ewropa u lil hinn: l-użu flimkien ta’ livelli ta’ eċċellenza u attrazzjoni ogħla b’żieda fl-opportunitajiet għal kulħadd, inkluż dawk fi żvantaġġ;
  • is-sistemi ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u taż-żgħażagħ li huma allinjati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-opportunitajiet li joffri, u rabtiet aktar mill-qrib man-negozji u l-komunità;
  • provvediment u valutazzjoni mtejba tal-ħiliet bażiċi u trażversali, b'mod partikolari: l-intraprenditorija, il-kompetenzi soċjali, ċiviċi, interkulturali u lingwistiċi, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku;
  • żieda fis-sinerġiji u r-rabtiet u titjib fit-tranżizzjoni bejn is-setturi differenti ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u taż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali, b’titjib fl-użu tal-għodod ta’ referenza Ewropej għar-rikonoxximent, il-validazzjoni u t-trasparenza tal-kompetenzi u l-kwalifiki;
  • użu akbar ta’ riżultati ta’ tagħlim meta jiġu deskritti u ddefiniti l-kwalifiki, parti mill-kwalifiki u l-kurrikuli, bħala appoġġ għat-tagħlim u fil-valutazzjoni;
  • kooperazzjoni interreġjonali u transfruntiera ġdida u msaħħa bejn l-awtoritajiet pubbliċi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;
  • użu aktar strateġiku u integrat tal-ICTs u riżorsi edukattivi miftuħa (OER) mis-sistemi tal-edukazzjoni, t-taħriġ u ż-żgħażagħ;
  • żieda fil-motivazzjoni għat-tagħlim ta’ lingwi permezz ta’ metodi ta’ tagħlim innovattivi jew rabtiet aħjar mal-użu prattiku tal-ħiliet lingwistiċi meħtieġa mis-suq tax-xogħol;
  • interazzjoni msaħħa bejn il-prattika, ir-riċerka u l-politika.