Werrej
Fittex fil-gwida

Alleanzi tal-Għarfien;

X'inhuma l-miri u l-prijoritajiet ta' Alleanza tal-Għarfien?

L-Alleanzi tal-Għarfien għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Ewropa u jrawmu l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja, in-negozju u l-ambjent soċjoekonomiku usa'. Għandhom l-għan li jilħqu waħda jew aktar mill-miri li ġejjin:

  • jiżviluppaw approċċi ġodda, innovattivi u multidixxiplinari għat-tagħlim;
  • jistimolaw l-intrapenditorija u l-ħiliet intrapenditorjali tal-persunal tat-tagħlim ta' edukazzjoni għolja u l-persunal tal-kumpaniji;
  • jiffaċilitaw l-iskambju, il-fluss u l-koħolqien tal-għarfien.

L-attenzjoni ewlenija tingħata lil proġetti li jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa kif deskritt fil--Komunikazzjoni tal-UE tal-2017 dwar l-Aġenda Mġedda tal-UE għall-Edukazzjoni Għolja1, jiġifieri:

  • l-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet u l-promozzjoni ta' eċċellenza fl-iżvilupp tal-ħiliet;
  • Il-bini ta' sistemi ta' edukazzjoni għolja konnessa u inklussiva;
  • l-iżgurar li l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jikkontribwixxu għall-innovazzjoni;
  • l-appoġġjar ta' sistemi ta' edukazzjoni għolja li huma effiċjenti u effettivi.

Titqiegħed enfasi addizzjonali fuq l-użu ta’ inizjattivi eżistenti, u l-użu intelliġenti ta' għodod diġitali kif rakkomandat fil-Komunikazzjoni UE 2013 dwar li Niftħu l-Edukazzjoni2.

 

X’inhi Alleanza tal-Għarfien?

L-Alleanzi tal-Għarfien huma proġetti transnazzjonali, strutturati u mmexxija mir-riżultati, b'mod partikulari bejn l-edukazzjoni għolja u n-negozju. L-Alleanzi tal-Għarfien huma miftuħa għal kwalunkwe dixxiplina, settur u kooperazzjoni transsettorjali. Is-sħab jaqsmu miri komuni bejniethom u jaħdmu flimkien lejn riżultati u eżiti li huma ta' benefiċċju reċiproku. Ir-riżultati u l-eżiti mistennija huma definiti b'mod ċar, realistiċi u jindirizzaw il-kwistjonijiet identifikati fl-analiżi tal-ħtiġijiet.
L-Alleanzi tal-Għarfien huma maħsuba li jkollhom impatt għal żmien qasir u twil fuq firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati involuti, fil-livell individwali, organizzazzjonali u sistemiku.

Bħala regola ġenerali, l-Alleanzi tal-Għarfien jimmiraw lejn il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet stabbiliti fil-Pajjiżi tal-Programm. Madankollu, l-organizzazzjonijiet mill-Pajjiżi Sħab jistgħu jkunu involuti f’Alleanza tal-Għarfien, bħala sħab (mhux bħala applikanti), jekk il-parteċipazzjoni tagħhom iġġib magħha valur miżjud essenzjali għall-proġett.

 

Liema attivitajiet huma appoġġjati minn din l-Azzjoni?

L-Alleanzi tal-Għarfien jimplimentaw sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet interkonnessi li huma flessibbli u adattabbli għall-kuntesti u l-iżviluppi attwali u futuri differenti madwar l-Ewropa kollha. Il-lista li ġejja tipprovdi eżempji ta’ attivitajiet:

  • Biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja, in-negozju u fl-ambjent soċjoekonomiku usa':
    • jiġu żviluppati u implimentati b'mod konġunt metodi ta' tagħlim ġodda (bħall-kurrikuli multidixxiplinari ġodda, tagħlim iffokat fuq l-istudent u bbażat fuq problemi reali);
    • jiġu organizzati programmi u attivitajiet edukattivi kontinwi mal-kumpaniji u fi ħdanhom;
    • jiġu żviluppati b'mod konġunt soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet li joħolqu sfida, l-innovazzjoni tal-prodotti u l-proċessi (studenti, professuri u prattikanti flimkien).

 

  • L-iżvilupp ta' attitudni u ħiliet intrapenditorjali:
    • jinħolqu skemi ta' tagħlim ta' ħiliet trasversali u l-applikazzjoni permezz ta' programmi ta' edukazzjoni għolja żviluppati b'kooperazzjoni mal-intrapriżi li għandhom l-għan li jsaħħu l-impjegabbiltà, il-kreattività u perkorsi professjonali ġodda;
    • tiġi introdotta edukazzjoni intraprenditorjali fi kwalunkwe dixxiplina biex tipprovdi lill-istudenti, ir-riċerkaturi, il-persunal u l-edukaturi bl-għarfien, il-ħiliet u l-motivazzjoni biex jieħdu sehem f'attivitajiet intraprenditorjali f'varjetà ta' ambjenti;
    • jinfetħu opportunitajiet ta' tagħlim ġodda permezz tal-applikazzjoni prattika tal-ħiliet intraprenditorjali, li jistgħu jinvolvu u/jew iwasslu għall-kummerċjalizzazzjoni ta' servizzi, prodotti u prototipi ġodda, għall-ħolqien ta' negozji li jkun għandhom jiftħu u spin-offs.

 

  • L-istimulazzjoni tal-fluss u l-iskambju tal-għarfien bejn l-edukazzjoni għolja u l-intrapriżi:
    • attivitajiet relatati mal-qasam ta' studju fl-intrapriżi li huma inkorporati b'mod sħiħ fil-kurrikulu, rikonoxxuti u kkreditati;
    • negozji li għadhom kif jiftħu biex jippruvaw u jittestjaw miżuri innovattivi;
    • skambji ta' studenti, riċerkaturi, persunal tat-tagħlim u persunal tal-kumpaniji għal perjodu limitat;
    • o involviment tal-persunal tal-kumpanija fit-tagħlim u r-riċerka.

 

L-Alleanzi tal-Għarfien jistgħu jorganizzaw attivitajiet ta' mobilità ta' tagħlim tal-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persunal sakemm ikunu jappoġġjaw/jikkumplementaw attivitajiet ewlenin tal-Alleanza u jġibu valur miżjud fit-twettiq tal-objettivi tal-proġett. Il-laqgħat tal-bidu u tal-proġett mhumiex ikkunsidrati bħala attivitajiet ta’ mobilità tat-tagħlim. Il-jiem ta’ mobilità li għalihom l-ispejjeż għal kull unità tal-ivvjaġġar u s-sussistenza jiġu ċċarġjati lil proġett, ma jistgħux jiġu ċċarġjati bħala jiem ta’ xogħol għall-implimentazzjoni tal-appoġġ għall-attivitajiet ewlenin. L-attivitajiet ta' mobilità ma jikkostitwixxux l-attivitajiet ewlenin ta' Alleanza tal-Għarfien; l-estensjoni u l-iskalar ta' dawn l-attivitajiet se jeħtiġilhom jiġu appoġġjati permezz tal-Azzjoni Ewlenija 1 ta' dan il-Programm jew strumenti ta' finanzjament oħra.

 

X'inhuma l-karatteristiċi ewlenin ta' Alleanza tal-Għarfien?

Il-karatteristiċi ewlenin tal-Alleanzi tal-Għarfien huma:

  • L-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja u l-innovazzjoni permezz tal-edukazzjoni għolja fl-intrapriżi u l-ambjent soċjoekonomiku tagħhom: l-innovazzoni hi meqjusa bħala speċifika għall-proġetti u tal-ogħla żvilupp tekniku u relatata mal-kuntest u l-ħtiġijiet analizzati tas-sħubijiet.
  • Is-sostenibilità tal-kooperazzjoni negozju-università. Sħubija b’saħħitha u impenjata b’parteċipazzjoni bbilanċjata mill-intrapriżi u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja huma kruċjali għas-suċċess tal-Alleanzi tal-Għarfien. Ir-rwol u l-kontribuzzjoni ta’ kull organizzazzjoni parteċipanti u sieħeb assoċjat għandhom ikunu speċifiċi u komplementari.
  • Impatt li jmur lil hinn mill-ħajja tal-proġett u lil hinn mill-organizzazzjonijiet involuti fl-Alleanza. Hu mistenni li s-sħubija u l-attivitajiet jippersistu. Għal dan, l-eżiti/ir-riżultati tanġibbli jistgħu ma joperawx weħidhom iżda jkunu llinkjati/integrati ma’ impriżi, fi skemi, fi proġetti, fi pjattaformi, f'negozji konġunti eżistenti eċċ. Il-bidliet fl-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u fl-intrapriżi għandhom ikunu jistgħu jitkejlu. Ir-riżultati u s-soluzzjonijiet għandhom ikunu trasferibbli u aċċessibbli għal udjenza usa’.

L-Alleanzi tal-Għarfien huma parti kompetittivà ħafna minn Erasmus+. L-attributi komuni tal-proposti li rnexxew huma:

  • ir-relazzjonijiet affidabbli bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-intrapriżi: l-Alleanzi tal-Għarfien għandhom juru l-impenn u l-valur miżjud tas-sħab kollha, fejn involviment b’saħħtu u bbilanċjat kemm mis-settur tan-negozju kif ukoll tal-edukazzjoni għolja hu essenzjali. Proposta mfassla sew hi r-riżultat ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn is-sħab prospettivi u bbażata fuq analiżi soda tal-ħtiġijiet;
  • il-karattru innovattiv u transnazzjonali tagħhom, viżibbli fil-kriterji kollha.

Analiżi xierqa tal-ħtiġijiet tiċċara r-raġunament, tinfluwenza l-għażla tas-sħab, tagħmel il-proposta speċifika, tgħin biex iżżid il-potenzjal għall-impatt u tiżgura li l-utent aħħari u l-gruppi fil-mira huma involuti sew fl-attivitajiet tal-proġett.

 

X’inhu r-rwol tal-organizzazzjonijiet parteċipanti f’Alleanza tal-Għarfien?

Applikant/koordinatur: organizzazzjoni parteċipanti li tissottometti l-proposta għal proġett f’isem is-sħab kollha. Il-koordinatur għandu r-responsabbiltà li jiżgura li l-proġett jiġi implimentat skont il-ftehim. Il-koordinazzjoni tiegħu tkopri d-dmirijiet li ġejjin:

  • jirrappreżenta u jaġixxi f’isem l-Alleanza vis-à-vis il-Kummissjoni Ewropea;
  • jerfa’ r-responsabbiltà finanzjarja u legali għall-implimentazzjoni operattiva, amministratittiva u finanzjarja xierqa tal-proġett kollu;
  • jikkoordina l-Alleanza b’kooperazzjoni mas-sħab tal-proġett.

Sħab sħaħ huma dawk l-organizzazzjonijiet parteċipanti li jikkontribwixxu b’mod attiv għall-kisba tal-objettivi tal-Alleanza tal-Għarfien. Kull sieħeb sħiħ għandu jiffirma mandat li jagħti lill-organizzazzjoni li tikkoordina r-responsabilità li taġixxi bħala benefiċjarju prinċipali u li taġixxi f’ismu matul l-implimentazzjoni tal-proġett. Jekk rilevanti, l-istess japplika għas-sħab minn Pajjiżi Sħab.

Sħab assoċjati (fakultattivi): l-Alleanzi tal-Għarfien jistgħu jinvolvu sħab assoċjati li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ kompiti/attivitajiet speċifiċi għall-proġett jew jappoġġjaw it-tixrid u s-sostenibilità tal-Alleanza. Għall-kwistjonijiet ta' mmaniġġjar kuntrattwali, is-“sħab assoċjati" mhumiex ikkunsidrati bħala parti mis-sħab tal-proġett u ma jirċivux finanzjament. Madankollu, l-involviment tagħhom u r-rwol tagħhom fil-proġett u f’attivitajiet differenti għandu jiġi deskritt b’mod ċar.

Entitajiet affiljati (fakultattivi): organizzazzjonijiet li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi u l-attivitajiet tal-proġett. L-entitajiet affiljati għandhom ikunu identifikati fl-applikazzjoni tal-għotja u jissodisfaw ir-rekwiżiti kif deskritt fl-Anness III (Glossarju ta’ termini) ta’ din il-Gwida tal-Programm.

 

X’inhuma l-kriterji użati biex tiġi vvalutata proposta għal Alleanza tal-Għarfien?

Hawn taħt hawn elenkati l-kriterji formali li proposta għal Alleanza tal-Għarfien għandha tħares sabiex tkun eliġibbli għal għotja Erasmus+:

Kriterji tal-Eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Organizzazzjoni parteċipanti tista' tkun kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata, bl-entitajiet affiljati tagħha (jekk jeżistu), stabbilita f'Pajjiż tal-Programm jew fi kwalunkwe Pajjiż Sieħeb tad-dinja (ara t-taqsima "Pajjiżi Eliġibbli" fil-Parti A ta' din il-Gwida). Pereżempju, organizzazzjoni bħal din tista' tkun:

  • istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja;
  • intrapriża pubblika jew privata żgħira, ta' daqs medju jew kbira (inklużi l-intrapriżi soċjali);
  • istitut tar-riċerka;
  • korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
  • organizzazzjoni attiva fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;
  • intermedjarja jew assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni, it-taħriġ jew iż-żgħażagħ;
  • intermedjarja jew assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-intrapriżi;
  • korp ta' akkreditazzjoni, ta' ċertifikazzjoni jew ta' kwalifiki.

L-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja stabbiliti f'Pajjiż tal-Programm għandu jkollhom Karta għal Edukazzjoni Għolja ta' Erasmus (ECHE) valida. L-ECHE mhix meħtieġa għall-HEIs parteċipanti f'Pajjiżi Sħab.

Min jista' japplika?

L-applikant jista' jkun kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti stabbilita f'Pajjiż tal-Programm. Din l-organizzazzjoni tapplika f'isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett.

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

L-Alleanzi tal-Għarfien huma transnazzjonali u jinvolvu tal-anqas sitt organizzazzjonijiet indipendenti minn tal-anqas tliet Pajjiżi tal-Programm, li tal-anqas tnejn minnhom huma istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u tal-anqas żewġ intrapriżi.

Tul ta' żmien tal-proġett

Sentejn jew 3 snin. It-tul ta' żmien għandu jintgħażel fl-istadju ta' applikazzjoni, abbażi tal-objettiv tal-proġett u t-tip ta' attivitajiet ippjanati maż-żmien.

F'każijiet eċċezzjonali, it-tul ta' żmien ta' Alleanza tal-Għarfien jista' jiġi estiż, fuq talba mill-benefiċjarju u bi qbil mal-Aġenzija Eżekuttiva, sa 6 xhur. F'każ bħal dan, l-għotja totali mhux se tinbidel.

Fejn tapplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, li tinsab fi Brussell.

Meta tapplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja mhux aktar tard mis-26 ta' Frar fil-17:00 (ħin ta' Brussell) għal proġetti li jibdew fl-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara.

Kif tapplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta' din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

 

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta' din il-Gwida.

Kriterji tal-Għoti

Il-proġett se jkun ivvalutat skont il-kriterji li ġejjin:

Rilevanza tal-proposta

(massimu ta’ 25 punt)

 

  • Għan: il-proposta hi rilevanti għall-objettivi tal-Azzjoni (ara t-taqsima "X'inhuma l-miri u l-prijoritajiet ta' Alleanza tal-Għarfien");
  • Konsistenza: il-proposta hi bbażata fuq analiżi b'saħħitha u soda tal-ħtiġijiet; l-objettivi u l-outputs huma definiti b'mod ċar, realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u għall-Azzjoni;
  • Innovazzjoni: il-proposta tikkunsidra metodi u tekniki tal-ogħla żvilupp tekniku, u twassal riżultati u soluzzjonijiet innovattivi speċifiċi għall-proġett;
  • Valur miżjud Ewropew: il-proposta turi b'mod ċar il-valur miżjud iġġenerat permezz tat-transnazzjonalità u t-trasferibbiltà potenzjali;

Kwalità tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-proġett
(massimu ta’ 25 punt)

 

  • Koerenza: il-proposta tippreżenta sett koerenti u komprensiv ta' attivitajiet xierqa biex tissodisfa l-ħtiġijiet identifikati u li jwasslu għar-riżultati mistennija;
  • Struttura: il-programm ta' ħidma hu ċar u intelliġibbli, u jkopri l-fażijiet kollha;
  • Immaniġġjar: l-iskedi ta' żmien, l-organizzazzjoni, il-kompiti u r-responsabbiltajiet huma definiti sew u realistiċi. Il-proposta talloka riżorsi xierqa għal kull attività;
  • Kwalità u kontroll finanzjarju: miżuri speċifiċi għall-evalwazzjoni tal-proċessi u r-riżultati tanġibbli jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta' kwalità għolja u kosteffiċjenti.

Kwalità tat-tim tal-proġett u tal-arranġamenti ta’ koperazzjoni

(massimu ta’ 30 punt)

  • Konfigurazzjoni: l-Alleanza tal-Għarfien proposta tinvolvi taħlita xierqa ta' sħab mill-oqsma tal-edukazzjoni għolja u tan-negozju bil-profili, il-ħiliet, l-esperjenza, l-għarfien espert, u l-appoġġ għall-immaniġġjar meħtieġ għat-twettiq b'suċċess tagħha;
  • Impenn: kull organizzazzjoni parteċipanti turi l-involviment sħiħ korrispondenti għall-kapaċitajiet u l-qasam speċifiku ta' għarfien tagħha;
  • Sħubija: il-kontribuzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u s-sħab tan-negozju huma sinifikanti, rilevanti u komplementari;
  • Kollaborazzjoni/Spirtu ta' tim: il-proposta tinkludi arranġamenti u responsabbiltajiet għal teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti u effiċjenti, riżoluzzjoni tal-konflitti, rapportar u komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti;
  • Sodisfazzjoni: il-proġett jipprovdi valur miżjud ċar u benefiċċji lil kull organizzazzjoni sieħba
  • Involviment tal-Pajjiżi Sħab; jekk ikun applikabbli, l-involviment ta' organizzazzjoni parteċipanti minn Pajjiż Sieħeb iġib valur miżjud essenzjali għall-proġett.

Impatt u tixrid

(massimu ta’ 20 punt)

  • Sfruttament: il-proposta turi kif is-sħab u partijiet ikkonċernati oħra se jużaw l-outputs u se jwasslu għall-eżiti mistennija. Hemm miżuri xierqa għall-valutazzjoni tal-eżiti tal-proġett. Il-proposta tipprovdi mezzi biex jitkejjel l-isfruttament matul il-ħajja tal-proġett u wara.
  • Tixrid: il-proposta tipprovdi pjan ċar għat-tixrid tar-riżultati, u tinkludi attivitajiet, għodod u mezzi xierqa biex tiżgura li r-riżultati u l-benefiċċji jitqassmu b'mod effettiv lill-partijiet ikkonċernati u l-udjenza mhux parteċipanti matul il-ħajja tal-proġett u wara;
  • Impatt: il-proposta turi r-rilevanza u l-ilħiq tal-ekonomija u s-soċjetà. Hi tipprovdi miżuri rilevanti biex tissorvelja l-progress u tivvaluta l-impatt mistenni (għal żmien qasir u twil);
  • Aċċess miftuħ: Jekk ikun rilevanti, il-proposta tiddeskrivi kif il-materjali, id-dokumenti u l-media prodotti se jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas permezz ta' liċenzji miftuħa, u li ma fihomx limitazzjonijiet sproporzjonati;
  • • Sostenibbiltà: il-proposta tinkludi miżuri u riżorsi xierqa biex tiżgura li s-sħubija, ir-riżultati u l-benefiċċji tal-proġett se jiġu sostanzjati wara l-ħajja tal-proġett.

Biex jiġu kkunsidrati għal finanzjament, il-proposti għandhom jiksbu tal-anqas 70 punt. Barra minn hekk, għandhom jiksbu tal-anqas 13-il punt għall-kategoriji "rilevanza tal-proġett" u "kwalità tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-proġett"; 16-il punt għall-kategorija "kwalità tat-tim u l-arranġament ta' kooperazzjoni tal-proġett", u 11-il punt għall-kategorija "impatt u tixrid".

 

X'għandek tkun taf aktar dwar din l-Azzjoni?

L-assigurazzjoni tal-kwalità għandha tkun komponent inkorporat tal-proġett biex jiġi żgurat li l-Alleanzi tal-Għarfien iwasslu b'suċċess ir-riżultati mistennija u jilħqu impatt li jmur ferm lil hinn mill-organizzazzjonijiet sħab infushom. L-Alleanzi tal-Għarfien huma meħtieġa jwettqu attivitajiet ta' tixrid immirati li jilħqu lill-partijiet ikkonċernati, dawk li jfasslu l-politiki, il-professjonisti u l-intrapriżi. Matul il-perkors, l-Alleanzi tal-Għarfien għandhom jipprovdu pubblikazzjonijiet bħal rapporti, manwali, linji gwida, eċċ. Bħala regola ġenerali, ir-riżultati għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni bħala riżorsi edukattivi miftuħa (OER) kif ukoll fuq pjattaformi professjonali, settorjali jew tal-awtoritajiet kompetenti. L-Alleanzi tal-Għarfien għandhom jiġġeneraw modi u strumenti ġodda biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni tagħhom u biex jiżguraw li s-sħubija bejn l-edukazzjoni għolja u n-negozju tippersisti.

L-Alleanzi tal-Għarfien huma Azzjoni reċenti u ambizzjuża; huma soġġetti għal sorveljanza partikulari li teħtieġ parteċipazzjoni attiva mill-parteċipanti u l-partijiet ikkonċernati kollha. L-Alleanzi tal-Għarfien għandhom jipprevedu l-parteċipazzjoni tagħhom f'ġabriet tematiċi biex jappoġġjaw it-transfertilizzazzjoni, l-iskambju ta' prattiki tajba u t-tagħlim reċiproku. Barra minn hekk, l-Alleanzi tal-Għarfien għandhom jallokaw baġit għall-preżentazzjoni tal-proġett u r-riżultati fil-Forum Universitajiet u Negozji u/jew avvenimenti rilevanti oħra (sa ħamsa matul it-tul ta' żmien tal-proġett).

X'inhuma r-regoli dwar il-finanzjament?

Il-baġit tal-proġett għandu jkun abbozzat abbażi tas-sistema tal-kost unitarju. Is-sistema tal-"kost unitarju" hi forma simplifikata li biha jiġi determinat l-ammont tal-għotja. Min-natura tagħhom, forom ta' għotjiet simplifikati ta' din ix-xorta huma kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ewlenin ta' proġett li mhumiex rimborż tan-nefqiet reali marbutin ma' attivitajiet speċifiċi fil-proġett. Fil-każ tal-proġetti ta' Alleanza, il-kostijiet unitarji stabbiliti huma applikabbli għall-komponent tal-persunal tal-proġett. Huma kontribuzzjonijiet predefiniti stabbiliti għal kull ġurnata xogħol għal kull kategorija ta' ħaddiem.

Il-baġit tal-proġett irid jiġi abbozzat skont ir-regoli dwar il-finanzjament li ġejjin (f'euro):

Kontribuzzjoni massima tal-UE mogħtija għal Alleanza tal-Għarfien ta' sentejn: EUR 700 000

Kontribuzzjoni massima tal-UE mogħtija għal Alleanza tal-Għarfien ta' 3 snin: EUR 1 000 000

Spejjeż eliġibbli

Mekkaniżmu ta’ finanzjament

Ammont

Regola tal-allokazzjoni

Appoġġ għall-implimentazzjoni

Kontribuzzjoni għal kwalunkwe attività marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-proġett (ħlief għal mobilità inkorporata possibbli) inklużi: l-immaniġġjar tal-proġett, il-laqgħat tal-proġett, il-prodotti intellettwali, (bħall-kurrikuli, il-materjali pedagoġiċi, ir-riżorsi edukattivi miftuħa (OER); l-għodod tal-IT, l-analiżijiet, l-istudji, eċċ.), it-tixrid, il-parteċipazzjoni fl-avvenimenti, il-konferenzi, l-ivvjaġġar, eċċ.

Numru ta' jiem u l-profil tal-persunal involut skont il-pajjiż hu l-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-UE.

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

B2.1 għal kull maniġer involut għal kull jum ta' xogħol fuq il-proġett

Kundizzjonali: l-applikanti se jkollhom jiġġustifikaw it-tip u l-volum tar-riżorsi meħtieġa b’rabta mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet u l-outputs proposti.

L-outputs għandhom ikunu sostanzjati fil-kwalità u l-kwantità biex jikkwalifikaw għal dan it-tip ta’ appoġġ b’għotja.

B2.2 għal kull riċerkatur/ għalliem/ trainer involut għal kull jum ta' xogħol fuq il-proġett

B2.3 għal kull teknixin involut għal kull jum ta' xogħol fuq il-proġett

B2.4 għal kull membru tal-persunal amministrattiv involut għal kull jum ta' xogħol fuq il-proġett

*    Jekk jogħġbok irreferi għall-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi — ISCO (http://www.ilo.org/public/english/bureau/stat/isco/isco08/index.htm)

Regoli dwar il-finanzjament addizzjonali għall-attivitajiet ta' mobilità mwettqa f'Alleanza tal-Għarfien (finanzjament fakultattiv)

Spejjeż eliġibbli

Mekkaniżmu ta’ finanzjament

Ammont

Regola tal-allokazzjoni

Ivvjaġġar

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, mill-post ta’ oriġini tagħhom għall-post tal-attività u lura

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 100 u 1999 KM: EUR 275 għal kull parteċipant

Kundizzjonali: l-applikanti se jkollhom jiġġustifikaw il-ħtieġa tal-attivitajiet ta' mobilità biex jintlaħqu l-objettivi u r-riżultati tal-proġett. Id-distanzi tal-ivvjaġġar għandhom jiġu kkalkulati billi jintuża l-kalkulatur tad-distanza sostnut mill-Kummissjoni Ewropea3. L-applikant għandu jindika d-distanza ta' vjaġġ bla ritorn biex jikkalkula l-ammont tal-għotja tal-UE li tkun se tappoġġja l-vjaġġ 'l hemm u lura 4

 

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar ta' 2000 KM jew aktar: EUR 360 għal kull parteċipant

Spejjeż ta’ sussistenza

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ sussistenza tal-parteċipanti matul l-attività

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Attivitajiet li jimmiraw il-persunal

sal-14-il jum tal-attività: EUR 100 kull jum għal kull parteċipant

+

bejn il-15 u s-60 jum tal-attività: EUR 70 kull jum għal kull parteċipant

Attivitajiet li jimmiraw l-istudenti:

sal-14-il jum tal-attività: EUR 55 kull jum għal kull parteċipant

+

bejn il-15 u s-60 jum tal-attività: EUR 40 kull jum għal kull parteċipant

 

Tabella A - Implimentazzjoni tal-proġett (ammonti f'euro kull jum) Pajjiżi tal-Programm

L-ammonti jiddependu fuq: a) il-profil tal-persunal involut fil-proġett u b) il-pajjiż tal-organizzazzjoni parteċipanti li l-persunal tagħha hu involut.

 

Maniġer

Għalliem/Trainer/Riċerkatur Persuna li taħdem maż-żgħażagħ

Teknixin

Persunal amministrattiv

 

B2.1

B2.2

B2.3

B2.4

Id-Danimarka, l-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, l-Iżvezja, il-Liechtenstein, in-Norveġja

353

289

228

189

 

Il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Finlandja, ir-Renju Unit, l-Iżlanda

 

336

257

194

157

 

Ir-Repubblika Ċeka, il-Ġreċja, Spanja, Ċipru, Malta, il-Portugall, is-Slovenja

 

197

164

122

93

 

Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Serbja, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, it-Turkija

106

88

66

47

Tabella B - Implimentazzjoni tal-proġett (ammonti f'euro kull jum) Pajjżi Sħab

L-ammonti jiddependu fuq: a) il-profil tal-persunal involut fil-proġett u b) il-pajjiż tal-organizzazzjoni parteċipanti li l-persunal tagħha hu involut.

 

Maniġer

Għalliem/Trainer/Riċerkatur

Teknixin

Persunal amministrattiv

 

B2.1

B2.2

B2.3

B2.4

L-Awstralja, il-Kanada, il-Kuwajt, il-MakaoMacao, Monaco, il-Qatar, San Marino, l-Iżvizzera, l-Istati Uniti tal-Amerika

353

289

228

189

Andorra, il-Brunei, il-Ġappun, New Zealand, Singapore, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan

336

257

194

157

Il-Bahamas, il-Bahrain, Hong Kong, l-Iżrael, ir-(Repubblika tal-) Korea, l-Oman, l-Arabja Sawdija, it-Tajwan

197

164

122

93

L-Afganistan, l-Albanija, l-Alġerija, l-Angola, Antigwa u Barbuda, l-Arġentina, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bangladesh, Barbados, il-Belarussja, il-Belize, il-Benin, il-Bhutan, il-Bolivja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Botswana, il-Brażil, il-Burkina Faso, il-Burundi, il-Kambodja, il-Kamerun, Cape Verde, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iċ-Ċhad, iċ-Ċili, iċ-Ċina, il-Kolombja, Comoros, il-Kongo -ir-Repubblika Demokratika tal-, il-Gżejjer Cook, il-Costa Rica, Kuba, il-Djibouti, Dominica, ir-Repubblika Dominicana, l-Ekwador, l-Eġittu, El Salvador, l-Eritrea, l-Etjopja, Fiġi, il-Gabon, il-Gambja, il-Georgia, il-Ghana, Grenada, il-Gwatemala, il-Guinea, il-Guinea-Bissau, il-Guyana, il-Haiti, il-Honduras, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iran, l-Iraq, ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju, il-Ġamajka, il-Ġordan, il- Każakistan, il-Kenja, Kiribati, il-Korea (DPR), il-Kosovo, il-Kirgiżistan, il-Laos, il-Libanu, il-Lesoto, il-Liberja, il-Libja, Madagascar, il-Malawi, il-Malasja, il-Maldivi, il-Mali, il-Gżejjer Marshall, il-Mauritania, Mauritius, il-Messiku, il-Mikroneżja - l-Istati Federali tal-, il-Moldova, il-Mongolja, il-Montenegro, il-Marokk, il-Możambique, il-Myanmar, in-Namibja, Nauru, in-Nepal, in-Nikaragwa, in-Niġer, in-Niġerja, Niue, il-Pakistan, Palau, il-Palestina, il-Panama, Papua New Guinea, il-Paragwaj, il-Peru, il-Filippini, ir-Rwanda, Saint Kitts And Nevis, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, Sào Tome u Principe, is-Senegal, is-Seychelles, Sierra Leone, il-Gżejjer Solomon, is-Somalja, l-Afrika t'Isfel, is-Sudan t'Isfel, is-Sri Lanka, is-Sudan, is-Suriname, Eswatini, is-Sirja, it-Taġikistan, it-Tanzanija, it-Territorju tar-Russja kif rikonoxxut bil-liġi internazzjonali, it-Territorju tal-Ukrajna kif rikonoxxut bil-liġi internazzjonali, it-Tajlandja, Timor Lest - ir-Repubblika Demokratika tat-Togo, Tonga, Trinidad u Tobago, it-Tuneżija, it-Turkmenistan, Tuvalu, l-Uganda, l-Urugwaj, l-Użbekistan, Vanuatu, il-Venezwela, il-Vjetnam, il-Jemen, iż-Żambja, iż-Żimbabwe

 

106

88

66

47