Werrej
Fittex fil-gwida

Bini tal-Kapaċità fil-qasam taż-żgħażagħ

X’inhuma l-għanijiet ta’ proġett tal-Bini ta’ Kapaċità?

Il-proġetti tal-Bini ta’ Kapaċità taż-Żgħażagħ għandhom l-għan li:

  • irawmu l-kooperazzjoni u l-iskambji fil-qasam taż-żgħażagħ bejn il-Pajjiżi tal-Programm u l-Pajjiżi Sħab minn reġjuni differenti1 tad-dinja;
  • itejbu l-kwalità u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, it-tagħlim mhux formali u l-volontarjat fil-Pajjiżi Sħab, u jsaħħu s-sinerġiji u l-kumplementarjetajiet tagħhom ma' sistemi formali ta' edukazzjoni, mas-suq tax-xogħol u mas-soċjetà;
  • irawmu l-iżvilupp, l-ittestjar u t-tnedija ta’ skemi u programmi ta’ mobilità ta’ tagħlim mhux formali fil-livell reġjonali (jiġifieri kemm fir-reġjuni stess u kemm bejn ir-reġjuni fid-dinja);
  • jippromwovu l-mobilità ta’ tagħlim mhux formali transnazzjonali bejn il-Pajjiżi Sħab u tal-Programm, li b’mod partikulari jimmiraw lejn iż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet, bl-għan li jtejbu l-livell ta’ kompetenzi tal-parteċipanti u jrawmu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà.

X’inhu proġett tal-Bini tal-Kapaċità?

Il-proġetti tal-Bini tal-Kapaċità huma proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali bbażati fuq sħubijiet multilaterali bejn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ fil-Pajjiżi Sħab u tal-Programm. Dawn jistgħu jinvolvu wkoll organizzazzjonijiet mill-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll minn setturi soċjoekonomiċi oħrajn.

 

X’inhuma l-attivitajiet appoġġjati minn proġett tal-Bini tal-Kapaċità?

Il-proġetti tal-Bini tal-Kapaċità għandhom iwettqu attivitajiet li:

  • jippromwovu minn naħa waħda l-kooperazzjoni strateġika bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u min-naħa l-oħra l-awtoritajiet pubbliċi fil-Pajjiżi Sħab;
  • jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll ma’ rappreżentanti tan-negozju u s-suq tax-xogħol;
  • iżidu l-kapaċitajiet tal-kunsilli taż-żgħażagħ, il-pjattaformi taż-żgħażagħ u l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali li għandhom x’jaqsmu maż-żgħażagħ fil-Pajjiżi Sħab;
  • isaħħu l-immaniġġjar, il-governanza, il-kapaċità ta’ innovazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-Pajjiżi Sħab;
  • iniedu, jittestjaw u jimplimentaw il-prattiki ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, bħal:
    • għodod u metodi għall-iżvilupp soċjoprofessjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u t-trainers;
    • metodi ta' tagħlim mhux formali, speċjalment dawk li jippromwovu l-ksib/it-titjib ta' kompetenzi, inklużi ħiliet ta' litteriżmu fil-media;
    • forom ġodda ta' skemi ta' taħriġ prattiku u simulazzjoni tal-każijiet tal-ħajja reali fis-soċjetà; forom ġodda ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, b'mod partikulari l-użu strateġiku ta' tagħlim miftuħ u flessibbli, mobilità virtwali, riżorsi edukattivi miftuħa (OER) u sfruttament aħjar tal-potenzjal tal-ICT;
    • attivitajiet ta' kooperazzjoni, netwerking u tagħlim bejn il-pari li jinkuraġġixxu l-immaniġġjar effiċjenti, l-internazzjonalizzazzjoni u t-tmexxija tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Dawn l-attivitajiet li ġejjin jistgħu jiġu implimentati fi ħdan proġett tal-Bini tal-Kapaċità:

Attivitajiet ta’ Bini tal-Kapaċità

  • attivitajiet li jħeġġu d-djalogu politiku, il-kooperazzjoni, in-netwerking u l-iskambji ta' prattiki fil-qasam taż-żgħażagħ, bħall-konferenzi, is-sessjonijiet ta' ħidma u l-laqgħat;
  • avvenimenti taż-żgħażagħ fuq skala kbira;
  • kampanji informattivi u ta' sensibilizzazzjoni;
  • l-iżvilupp ta' għodod ta' informazzjoni, komunikazzjoni u media;
  • l-iżvilupp ta' metodi, għodod u materjali ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, kif ukoll kurrikuli, moduli ta' taħriġ u strumenti ta' dokumentazzjoni ta' ħidma fost iż-żgħażagħ bħal Youthpass;
  • il-ħolqien ta' forom ġodda ta' twassil ta' ħidma fost iż-żgħażagħ u l-għoti ta' taħriġ u appoġġ, b'mod partikulari permezz ta' materjali ta' tagħlim miftuħa u flessibbli, kooperazzjoni virtwali u riżorsi edukattivi miftuħa (OER).

Attivitajiet ta' mobilità

L-attivitajiet ta' mobilità huma fakultattivi.

Hemm tliet tipi ta' attivitajiet ta' mobilità:

  • L-Iskambji taż-Żgħażagħ bejn il-Pajjiżi tal-Programm u l-Pajjiżi Sħab eliġibbli;
  • Il-mobilità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ bejn il-Pajjiżi tal-Programm u l-Pajjiżi Sħab eliġibbli;
  • L-attivitajiet ta' volontarjat minn/lejn Pajjiżi Sħab eliġibbli.

 

Skambji taż-Żgħażagħ u Mobilità tal-ħaddiema li jaħdmu maż-żgħażagħ

Għal deskrizzjoni dettaljata ta' dawn l-attivitajiet, ara t-taqsima "Azzjoni Ewlenija 1: Proġett ta' mobilità għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema li jaħdmu fost iż-żgħażagħ" f'parti B ta' din il-Gwida.

 

Attivitajiet ta' Volontarjat

L-attivitajiet ta' volontarjat jippermettu liż-żgħażagħ ta' età bejn 17-30 sena jesprimu l-impenn personali tagħhom b'servizz volontarju mhux imħallas u full-time f'pajjiż ieħor. Il-voluntieri żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu għax-xogħol ta' kuljum tal-organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-informazzjoni u l-politika dwar iż-żgħażagħ, l-iżvilupp personali u soċjoedukattiv taż-żgħażagħ, l-involviment ċiviku, il-kura soċjali, l-inklużjoni tal-persuni żvantaġġjati, l-ambjent, il-programmi edukattivi mhux formali, l-ICTs u l-litteriżmu fil-media, il-kultura u l-kreattività, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, eċċ. Il-voluntieri jistgħu jagħmlu s-servizz ta' volontarjat tagħhom kemm b'mod individwali kif ukoll fi grupp.

Il-parteċipazzjoni f'attività ta' volontarjat trid tkun bla ħlas għall-voluntieri, bl-eċċezzjoni ta' kontribuzzjoni possibbli għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar (jekk l-għotja ta' Erasmus+ ma tkoprix kompletament dawn l-ispejjeż) u spejjeż addizzjonali mhux marbutin mal-implimentazzjoni tal-attività. L-ispejjeż essenzjali għall-parteċipazzjoni tal-voluntieri fl-attività jiġu koperti mill-għotja ta' Erasmus+ jew permezz ta' mezzi oħrajn li jingħataw mill-organizzazzjonijiet parteċipanti. Żgħażagħ b'anqas opportunitajiet jistgħu jirċievu appoġġ addizzjonali biex ikunu jistgħu jipparteċipaw.

  • L-attivitajiet li ġejjin mhumiex meqjusa bħala attivitajiet ta' volontarjat fi ħdan il-qafas ta' Erasmus+: volontarjat okkażjonali, mhux strutturat, part-time; kollokamenti fuq il-post tax-xogħol f'intrapriża; impjieg imħallas; attività rikreazzjonali jew ta' turiżmu; kors f'lingwa; l-isfruttament ta' forza tax-xogħol irħisa; perjodu ta' studju jew taħriġ vokazzjonali barra l-pajjiż.

 

Abbażi tal-kopertura ġeografika, nagħmlu distinzjoni bejn tliet tipi ta' proġetti tal-Bini tal-Kapaċità:

  • Proġetti tal-Bini tal-Kapaċità bejn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħf'Pajjiżi tal-Programm u fil-Pajjiżi Sħab l-Oħra (mir-Reġjuni 5-14, ara t-taqsima "Pajjiżi Eleġibbli" fil-Parti A ta' din il-Gwida)

Dawn il-proġetti, ippreżentati minn organizzazzjonijiet mill-Pajjiżi tal-Programm, jimmiraw li jżidu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet permezz tal-implimentazzjoni ta' attivitajiet tal-bini tal-kapaċità u jistgħu jinkludu attivitajiet ta' mobilità.

Iż-żewġ tipi ta' proġetti li ġejjin jiġu implimentati permezz ta' "Windows" – il-Balkani tal-Punent u t-Tuneżija2. Il-proġetti jiġu sottomessi minn organizzazzjonijiet ibbażati f'wieħed mill-pajjiżi rispettivi tal-Balkani tal-Punent jew it-Tuneżija taħt il-Window speċifika u jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet imsieħba minn pajjiżi oħra mill-istess reġjun. It-terminu "Window" jirreferi għall-fatt li fondi addizzjonali tal-UE jiġu allokati għall-Programm Erasmus+ biex iżidu l-opportunitajiet għal kooperazzjoni taż-żgħażagħ ma' Pajjiżi Sħab Ġirien tal-UE.3

  • Proġetti tal-Bini ta' Kapaċità bejn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ f'Pajjiżi tal-Programm u fil-Pajjiżi Sħab mill-Balkani tal-Punent (Reġjun 1 - ara t-taqsima "Pajjiżi Eleġibbli" fil-Parti A ta' din il-Gwida) - Il-Proġetti Youth Window tal-Balkani tal-Punent

Dawn il-proġetti, ippreżentati minn organizzazzjonijiet ibbażati fil-Balkani tal-Punent (Reġjun 1), jimmiraw li jżidu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ permezz tal-imlimentazzjoni ta' attivitajiet ta' bini ta' kapaċità u jistgħu jinkludu attivitajiet ta' mobilità.

Il-proġetti għandhom jippromwovu kooperazzjoni strateġika fost organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u bejn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u awtoritajiet pubbliċi. Il-proġetti għandhom jibnu l-kapaċitajiet tal-kunsilli taż-żgħażagħ, pjattaformi taż-żgħażagħ u awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali li jittrattaw iż-żgħażagħ fir-reġjun.

  • Proġetti tal-Bini ta' Kapaċità bejn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ f'Pajjiżi tal-Programm u t-Tuneżija

Dawn il-proġetti, ippreżentati minn organizzazzjonijiet ibbażati fit-Tuneżija, jimmiraw li jżidu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet permezz ta' attivitajiet tal-bini tal-kapaċità li jistgħu jikludu attivitajiet ta’ mobilità.

 

X'inhu r-rwol tal-organizzazzjonijiet involuti fi proġett tal-Bini tal-kapaċità?

 

Proġett tal-Bini tal-Kapaċità hu magħmul minn:

  • Applikant/koordinatur: organizzazzjoni li tissottometti l-proposta għal proġett f'isem is-sħab kollha. Jekk il-proġett jingħata għotja, l-applikant/koordinatur: 1) jerfa' r-responsabbiltà finanzjarja u legali għall-proġett kollu mal-Aġenzija Eżekuttiva; 2) jikkoordina l-proġett b'kooperazzjoni mas-sħab l-oħra kollha involuti fil-proġett; 3) jirċievi l-appoġġ finanzjarju tal-UE mill-Programm Erasmus+ u hu responsabbli għad-distribuzzjoni tal-fondi fost is-sħab involuti fil-proġett.
  • Sħab: organizzazzjonijiet li jikkontribwixxu b'mod attiv fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-proġett tal-Bini tal-Kapaċità.
  • Entitajiet affiljati (fakultattivi): Organizzazzjonijiet li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi u l-attivitajiet tal-proġett. L-entitajiet affiljati għandhom ikunu identifikati fl-applikazzjoni tal-għotja u jissodisfaw ir-rekwiżiti kif deskritt fl-Anness III (Glossarju ta' termini) ta' din il-Gwida tal-Programm.

Jekk il-proġett jipprevedi l-implimentazzjoni ta' Skambji taż-Żgħażagħ, Attivitajiet ta' volontarjat /jew mobilità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet parteċipanti involuti f'dawn l-attivitajiet jassumu r-rwoli u l-kompiti li ġejjin:

  • Organizzazzjoni li tibgħat: responsabbli biex tibgħat żgħażagħ barra mill-pajjiż (dan jinkludi: torganizza arranġamenti prattiċi; tipprepara l-parteċipanti qabel it-tluq; tagħti l-appoġġ lill-parteċipanti matul il-fażijiet kollha tal-proġett.
  • Organizzazzjoni li tilqa': responsabbli biex tospita l-attività, l-iżvilupp ta' programm ta' attivitajiet għall-parteċipanti f'kooperazzjoni ma' parteċipanti u organizzazzjonijiet sħab, l-għoti ta' appoġġ lill-parteċipanti waqt il-fażijiet kollha tal-proġett.

Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni f'attività volontarja għandha tkun mingħajr ħlas għall-voluntieri, bl-eċċezzjoni ta' kontribuzzjoni possibbli għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar (jekk l-għotja Erasmus+ ma tkunx tkopri dawn l-ispejjeż) u għall-ispejjeż superfluwi mhux marbutin mal-implimentazzjoni tal-attività. L-ispejjeż essenzjali għall-parteċipazzjoni tal-volontiera fl-attività jiġu koperti mill-għotja tal-Erasmus+ jew permezz ta' mezzi oħrajn li jingħataw mill-organizzazzjonijiet parteċipanti.

 

X'inhuma l-kriterji użati għall-valutazzjoni ta' proġett tal-Bini tal-Kapaċità?

Hawn taħt hawn elenkati l-kriterji formali li proposta għall-Bini tal-Kapaċità għandha tirrispetta sabiex tkun eliġibbli għal għotja ta' Erasmus+:

 

Kriterji tal-Eliġibilità

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Organizzazzjoni parteċipanti tista' tkun kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata, bl-entitajiet affiljati tagħha (jekk jeżistu), stabbilita f'Pajjiż tal-Programm jew f'Pajjiż Sieħeb mir-eġjuni 1, 3 u 5 sa 14 u t-Tuneżija, kif definit fit-taqsima "Pajjiżi Eliġibbli" tal-Gwida tal-Programm ta' Erasmus+.

Pereżempju, tali organizzazzjoni tista' tkun:

  • organizzazzjoni, assoċjazzjoni, NGO mingħajr skop ta' qligħ (inklużi NGOs Ewropej taż-Żgħażagħ);
  • Kunsill nazzjonali taż-Żgħażagħ;
  • korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
  • skola/istitut/ċentru edukattiv (fi kwalunkwe livell, minn dak ta' qabel l-iskola għal livell ta' edukazzjoni sekondarja għolja, u bl-inklużjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni għall-adulti);
  • intrapriża pubblika jew privata, żgħira, ta' daqs medju jew kbira (inklużi l-intrapriżi soċjali);
  • sieħeb soċjali jew rappreżentant ieħor tal-ħajja tax-xogħol, inklużi kmamar tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet tas-snajja'/professjonali u trade unions;
  • istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja;
  • istitut tar-riċerka;
  • fondazzjoni;
  • ċentru ta' taħriġ imħaddem bejn kumpaniji;
  • organizzazzjoni kulturali, librerija, mużew;
  • korp li jipprovdi servizzi ta' konsulenza professjonali u ta' informazzjoni.

Min jista' japplika?

Kwalunkwe:

  • organizzazzjoni, assoċjazzjoni, NGO mingħajr skop ta' qligħ (inklużi NGOs Ewropej taż-Żgħażagħ);
  • Kunsill taż-Żgħażagħ nazzjonali;
  • korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali.

 

Għall-proġetti bejn il-Pajjiżi tal-Programm u l-Pajjiżi Sħab l-oħra mir-Reġjuni 5 sa 14:

L-applikant irid ikun stabbilit f'Pajjiż tal-Programm u japplika f'isem l-organizzazzjonijiet kollha involuti fil-proġett. Tipi oħrajn ta' organizzazzjonijiet jistgħujiġu involuti bħala sħab u mhux bħala applikanti.

Għall-proġetti Youth Window tal-Balkani tal-Punent:

L-applikant irid ikun stabbilit f'pajjiż sieħeb tal-Balkani tal-Punent (Reġjun 1)

Għall-proġetti Youth Window tat-Tuneżija:

L-applikant irid ikun stabbilit fit-Tuneżija.

L-applikanti għandhom - sad-data tal-għeluq speċifika għas-sottomissjoni tal-proposti tagħhom - ikunu rreġistrati legalment għal tal-anqas sena.

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

Il-proġetti tal-Bini ta’ Kapaċità huma transnazzjonali u jinvolvu tal-anqas 3 organizzazzjonijiet parteċipanti minn 3 pajjiżi differenti, li tal-anqas wieħed minnhom hu Pajjiż tal-Programm u wieħed Pajjiż Sieħeb eleġibbli.

Il-proġetti ffinanzjati taħt waħda mill-Windows ma jistgħux jinvolvu organizzazzjonijiet parteċipanti/parteċipanti minn Reġjuni Ġirien oħrajn.

Tul ta' żmien tal-proġett

Minn 9 xhur sa sentejn. It-tul ta' żmien irid jintgħażel fl-istadju ta' applikazzjoni, abbażi tal-objettiv tal-proġett u t-tipi ta' attivitajiet previsti maż-żmien.

Fejn tapplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, li tinsab fi Brussell.

Meta tapplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għall-għotja tagħhom sad-dati li ġejjin:

  • il-5 ta' Frar fil-17:00 (ħin ta' Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta' Settembru u l-31 ta' Diċembru tal-istess sena

Kif tapplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti Ċ ta’ din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Kriterji oħrajn

Tista' tiġi sottomessa proposta ta' proġett waħda biss għal kull data tal-għeluq mill-istess applikant.

Skeda ta' żmien għal kull attività ppjanata fil-proġett trid tagħmel parti mal-formola tal-applikazzjoni.

Kriterji tal-Eliġibilità addizzjonali għall-Iskambji taż-Żgħażagħ

Tul ta' żmien tal-attività

Kriterji tal-Eliġibilità addizzjonali għall-Iskambji taż-Żgħażagħ

Post(ijiet) tal-attività

L-attività trid issir fil-pajjiż ta' waħda mill-organizzazzjonijiet parteċipanti fl-attività .

Parteċipanti eleġibbli

Żgħażagħ bejn it-13 u t-30 sena4 residenti fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu.

Numru ta’ parteċipanti

Minimu ta’ 16 u massimu ta’ 60 parteċipant (bl-esklużjoni tal-mexxej(ja) tal-grupp).

Minimu ta’ 4 parteċipanti għal kull grupp (bl-esklużjoni tal-mexxej(ja) tal-grupp).

Kull grupp nazzjonali għandu jkollu tal-anqas mexxej ta’ grupp wieħed. Mexxej ta’ grupp hu adult li jakkumpanja ż-żgħażagħ li jipparteċipaw fi Skambju taż-Żgħażagħ sabiex jiġu żgurati it-tagħlim, il-protezzjoni u s-sigurtà effettivà tagħhom.

 

Kriterji tal-Eliġibilità Addizzjonali għall-Attivitajiet ta' Volontarjat

Akkreditazzjoni

L-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha stabbiliti f'Pajjiż tal-Programm jew f'wieħed mill-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (Reġjun 1) jew ir-Reġjun 3 għandu jkollhom akkreditazzjoni valida jew Tikketta ta' Kwalità tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà rilevanti fid-data tal-għeluq rilevanti tal-applikazzjoni (għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta t-taqsima rilevanti tal-Anness I ta' din il-Gwida).

Tul ta' Żmien tal-attività

Minn 60 jum sa 12-il xahar.

Post(ijiet) tal-attività

Voluntier minn Pajjiż tal-Programm għandu jwettaq l-attività tiegħu f'wieħed mill-Pajjiżi Sħab ikkonċernati mill-proġett.

Voluntier minn Pajjiż Sieħeb eliġibbli għandu jwettaq l-attività tiegħu f'wieħed mill-Pajjiżi tal-Programm ikkonċernati mill-proġett.

Parteċipanti eleġibbli

Żgħażagħ bejn it-17 u t-30 sena5, residenti fil-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat.

Voluntier jista' jieħu sehem biss f'attività waħda ta' volontarjat ta' Erasmus+ jew tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Eċċezzjoni: Il-voluntieri li jwettqu attività ta' volontarjat li ddum massimu ta' xahrejn jistgħu jieħdu sehem f'attività ta' volontarjat addizzjonali.

Numru ta’ parteċipanti

Massimu ta' 30 voluntier għall-proġett tal-Bini tal-Kapaċità kollu.

 

Kriterji għall-Eliġibilità addizzjonali għall-mobilità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

Tul ta' żmien tal-attività

Minn 5 ijiem sa xahrejn, eskluż iż-żmien għall-ivvjaġġjar.

Post(ijiet) tal-attività

L-attività trid issir fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet parteċipanti fl-attività.

Parteċipanti eliġibbli

Il-parteċipanti għandu jkollhom mill-anqas 18-il sena. Ma hemm l-ebda limitu massimu tal-età.

Il-parteċipanti, bl-eċċezzjoni tat-trainers u tal-facilitators, iridu jkunu residenti fil-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat jew li tilqa' tagħhom.

Numru ta’ parteċipanti

Sa 50 parteċipant (inklużi fejn ikun rilevanti, it-trainers u l-facilitators) għal kull attività ppjanata mill-proġett.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta' din il-Gwida.

Kriterji tal-għoti

Il-proġett se jkun ivvalutat skont il-kriterji li ġejjin:

Rilevanza tal-proġett (massimu 30 punt)

  • Ir-rilevanza tal-proposta għall-objettivi tal-Azzjoni (ara t-taqsima "X'inhuma l-għanijiet ta' proġett tal-Bini tal-Kapaċità")
  • Kemm:
    • l-objettivi huma ddefiniti b'mod ċar, realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-gruppi fil-mira;
    • il-proposta hi innovattiva u/jew komplementari għal inizjattivi oħra li diġà twettqu mill-organizzazzjonijiet parteċipanti;
    • l-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità huma ddefiniti b'mod ċar u għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;
    • il-proġett jinvolvi żgħażagħ b'anqas opportunitajiet.

Kwalità tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-proġett

(massimu 30 punt)

  • Iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-programm ta' ħidma, inklużi fażijiet xierqa għat-tħejjija, l-implimentazzjoni, is-sorveljanza, l-evalwazzjoni u t-tixrid;
  • Il-konsistenza bejn l-objettivi tal-proġett u l-attivitajiet proposti;
  • Il-kwalità tal-metodi ta' tagħlim mhux formali proposti;
  • Il-kwalità tal-arranġamenti għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim tal-parteċipanti kif ukoll l-użu konsistenti ta' għodod ta' trasparenza u rikonoxximent Ewropej;
  • L-eżistenza u r-rilevanza tal-miżuri ta' kontroll tal-kwalità biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-proġett hi ta' kwalità, titlesta fil-ħin u skont il-baġit;
  • Kemm il-proġett hu kosteffettiv u jalloka riżorsi xierqa għal kull attività.

Jekk il-proġett jipprevedi attivitajiet ta' mobilità:

  • L-adegwatezza tal-miżuri għall-għażla u/jew l-involviment tal-parteċipanti fl-attivitajiet ta' mobilità.

Kwalità tat-tim tal-proġett u tal-arranġamenti ta'

kooperazzjoni (massimu 20 punt)

  • Kemm:
    • il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta' organizzazzjonijiet parteċipanti komplementari bil-profil, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa biex jitlestew b'suċċess l-aspetti kollha tal-proġett;
    • id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u l-kompiti turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha.
  • L-eżistenza ta' mekkaniżmi effettivi għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll partijiet rilevanti oħrajn.

Impatt u tixrid

(massimu 20 punt)

  • Il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-eżiti tal-proġett;
  • L-impatt potenzjali tal-proġett:
    • fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti waqt u wara l-ħajja tal-proġett;
    • barra mill-organizzazzjonijiet u l-individwi li jipparteċipaw b'mod dirett fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew internazzjonali
  • Il-kwalità tal-pjan ta' tixrid: l-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn il-kondiviżjoni tal-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u barra minnhom;
  • Jekk ikun rilevanti, il-proposta tiddeskrivi kif il-materjali, id-dokumenti u l-media pprovduti se jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas permezz ta' liċenzji miftuħa, u li ma fihomx limitazzjonijiet sproporzjonati;
  • Il-kwalità tal-pjanijiet biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġett: il-kapaċita tiegħu li jibqa' jkollu impatt u jipproduċi riżultati wara li tkun intużat l-għotja tal-UE.

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti għandhom jiksbu tal-anqas 60 punt. Barra minn hekk, għandhom jiksbu tal-anqas nofs il-punti massimi f'kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji tal-għoti msemmija hawn fuq (jiġifieri tal-anqas 15-il punt għall-kategoriji "rilevanza tal-proġett" u "impatt u tixrid"; 10 punti għall-kategoriji "kwalità tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-proġett", u "kwalità tat-tim tal-proġett u tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni"). F’każ ta’ ex aequo, il-prijorità se tingħata lil proġetti li jkollhom l-ogħla punteġġ taħt il-kriterju “Rilevanza tal-proġett”.

X'għandek tkun taf aktar dwar din l-Azzjoni?

Spejjeż eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għoli

L-applikanti se jitħallew jitolbu appoġġ finanzjarju skont l-intestatura tal-baġit "spejjeż eċċezzjonali" (sa massimu ta' 80% tal-ispejjeż totali eliġibbli: ara "X'inhuma r-regoli dwar il-finanzjament?"), inklużi każijiet fejn il-parteċipanti jagħżlu mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi (eż. tren), li jirriżultaw fi spejjeż tal-ivvjaġġar għoljin. Dan se jkun permess sakemm l-applikanti jkunu jistgħu jiġġustifikaw li r-regoli dwar il-finanzjament standard (ibbażati fuq l-kontribuzzjoni għall-kostjiet unitarji għal kull faxxa ta' distanza tal-ivvjaġġar) ma jkoprux tal-anqas 70% tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti. Jekk jingħataw, l-ispejjeż eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għoli jissostitwixxu l-għotja tal-ivvjaġġar standard.

X'inhuma r-regoli dwar il-finanzjament?

Il-baġit tal-proġett irid jiġi abbozzat skont ir-regoli dwar il-finanzjament li ġejjin (f'euro):

Għotja massima mogħtija għal proġett tal-Bini tal-Kapaċità: EUR 150 000

Spejjeż eleġibbli

Mekkaniżmu ta’ finanzjament

Ammont

Regola tal-allokazzjoni

Spejjeż tal-attività

Spejjeż marbutin direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità

(ħlief għall-attivitajiet tal-mobilità) inklużi:

  • Spejjeż tal-persunal (persunal permanenti biss u limitat għal 20% tal-ispejjeż eliġibbli diretti tal-bini tal-kapaċità tal-proġetti)
  • Spejjeż tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT)
  • Laqgħat dwar il-proġetti transnazzjonali bejn is-sħab tal-proġetti għal għanijiet ta' implimentazzjoni u koordinazzjoni,konferenzi u avvenimenti għaż-żgħażagħ fuq skala kbira (esklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar):
    • ikel u alloġġ inkluż it-trasport lokali
    • spejjeż tal-viża u l-assigurazzjoni
    • kiri ta' kmamar għal-laqgħat, konferenzi, avvenimenti oħra
    • spejjeż tal-interpretazzjoni
    • spejjeż għall-kelliema esterni (inkluż l-ikel u l-akkomodazzjoni; it-trasport lokali)
  • Output intellettwali u tixrid tar-riżultati tal-proġett
    • Produzzjoni
    • Traduzzjoni
    • Spejjeż għat-tixrid u/jew l-informazzjoni
  • Konsultazzjonijiet, workshops, stħarriġ tal-opinjoni fost iż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali dment li jkun meħtieġ għall-kisba tal-objettivi tal-proġett.
  • Preparazzjoni lingwistika, interkulturali u relatata mal-kompiti tal-parteċipanti f'attivitajiet ta' mobilità.
  • Spejjeż għall-verifika finanzjarja tal-proġett (jekk l-għotja rikjesta hija ogħla minn EUR 60,000)

Spejjeż indiretti:

Ammont b'rata fissa, li ma jaqbiżx is-7% tal-ispejjeż diretti eliġibbli tal-proġett, hu eliġibbli taħt l-ispejjeż indiretti, u dan jirrappreżenta l-ispejjeż amministrattivi ġenerali li li mhumiex diġà koperti mill-ispejjeż diretti eliġibbli (eż. kontijiet tad-dawl jew tal-Internet, spejjeż għall-post, eċċ.) iżda li jistgħu jitqiesu bħala debitabbli lill-proġett.

Spejjeż reali

Massimu ta’ 80% tal-ispejjeż totali eleġibbli.

Kundizzjonali: il-baġit mitlub hu ġġustifikat fir-rigward tal-attivitajiet ippjanati. L-ispejjeż tal-persunal mhumiex ikkunsidrati bħala spejjeż eleġibbli.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Spejjeż tal-Ivvjaġġar

 

 

 

 

 

 

Spejjeż tal-ivvjaġġar għal-laqgħat transnazzjonali tal-proġett bejn is-sħab tal-proġetti għall-għanijiet ta’ implimentazzjoni u koordinazzjoni, konferenzi u avvenimenti għaż-żgħażagħ fuq skala kbira:

 

 

 

 

 

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 10u 99 KM: EUR 20 għal kull parteċipant

Abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar għal kull parteċipant. Id-distanzi tal-ivvjaġġar għandhom jiġu kkalkulati permezz tal-kalkulatur tad-distanza sostnut mill-Kummissjoni Ewropea. L-applikant għandu jindika d-distanza ta’ vjaġġ bla ritorn biex jikkalkula l-ammont tal-għotja tal-UE li tkun se tappoġġja l-vjaġġ ’l hemm u lura

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 100 u 499 KM: EUR 180 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 500 u 1999 KM: EUR 275 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 2000 u 2999 KM: EUR 360 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 3000 u 3999 KM: EUR 530 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 4000 u 7999 KM: EUR 820 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar ta' 8000 KM jew aktar: EUR 1 500 għal kull parteċipant6

A. Regoli dwar il-finanzjament għall-iskambji taż-żgħażagħ imwettqa fi ħdan Proġett tal-Bini tal-Kapaċità (finanzjament fakultattiv)

Spejjeż eleġibbli

Mekkaniżmu ta’ finanzjament

Ammont

Regola tal-allokazzjoni

Ivvjaġġar

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inklużi l-mexxejja tal-gruppi u l-persuni li jakkumpanjaw, mill-post ta' oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura.

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 10 u 99 KM: EUR 20 għal kull parteċipant

Abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar għal kull parteċipant. Id-distanzi tal-ivvjaġġar iridu jiġu kkalkulati billi jintuża l-kalkulatur tad-distanza sostnut mill-Kummissjoni Ewropea7. L-applikant għandu jindika d-distanza ta’ vjaġġ bla ritorn biex jikkalkula l-ammont tal-għotja tal-UE li tkun se tappoġġja l-vjaġġ ’l hemm u lura 8  

 

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 100 u 499 KM: EUR 180 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 500 u 1999 KM: EUR 275 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 2000 u 2999 KM: EUR 360 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 3000 u 3999 KM: EUR 530 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 4000 u 7999 KM: EUR 820 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar ta' 8000 KM jew aktar: EUR 1 500 għal kull parteċipant

Appoġġ Organizzazzjonali

Spejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' mobilità fi ħdan il-proġett (inklużi l-ispejjeż għall-attivitajiet ta' preparazzjoni, l-ikel, l-akkomodazzjoni, it-trasport lokali, il-post, l-assigurazzjoni, it-tagħmir u l-materjali, l-evalwazzjoni, it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati u l-attivitajiet ta' segwitu).

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

B4.1 għal kull jum ta’ attività għal kull parteċipant9

Abbażi tat-tul ta' żmien tas-soġġorn għal kull parteċipant (jekk ikun hemm bżonn, inklużi wkoll jum ta' vvjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta' vvjaġġar ieħor wara l-attività).

Appoġġ għall-bżonnijiet speċjali

Spejjeż addizzjonali marbutin direttament ma' parteċipanti b'diżabilità u ma' persuni li jkunu qed jakkompanjawhom (inklużi spejjeż relatati mal-ivvjaġġar u sussistenza, jekk iġġustifikat u diment li ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit marbuta mal-"ivvjaġġar" u l-"appoġġ organizzazzjonali").

 

Spejjeż reali

100% tal-ispejjeż eleġibbli

Kundizzjonali: it-talba għal appoġġ finanzjarju biex ikopri l-appoġġ għall-bżonnijiet speċjali għandha tkun motivata fil-formola tal-applikazzjoni.

Spejjeż eċċezzjonali

Spejjeż għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet b’mod ugwali bħall-oħrajn (esklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza għall-parteċipanti).

 

Spejjeż tal-viża u marbuta mal-viża, permessi ta’ residenza, tilqim, ċertifikati mediċi.

 

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inkluż l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi (għad-dettalji, ara t-taqsima "x'għandek tkun taf aktar dwar din l-azzjoni").

Spejjeż reali

 

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar: massimu sa 80% tal-ispejjeż eleġibbli

 

Spejjeż oħrajn: 100% tal-ispejjeż eleġibbli

 

Kundizzjonali: it-talba għal appoġġ finanzjarju biex ikopri l-ispejjeż eċċezzjonali għandha tkun motivata fil-formola tal-applikazzjoni.

 

B. Ir-regoli dwar il-finanzjament għall-Attivitajiet ta' Volontarjat imwettqa fi ħdan proġett tal-bini tal-kapaċità (finanzjament fakultattiv)

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Spejjeż eleġibbli

Mekkaniżmu ta’ finanzjament

Ammont

Regola tal-allokazzjoni

Ivvjaġġar

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inklużi l-persuni li jakkumpanjaw, mill-post ta’ oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 10 u 99KM: EUR 20 għal kull parteċipant

Abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar għal kull parteċipant. Id-distanzi tal-ivvjaġġar iridu jiġu kkalkulati billi jintuża l-kalkulatur tad-distanza sostnut mill-Kummissjoni Ewropea10. L-applikant għandu jindika d-distanza ta’ vjaġġ bla ritorn biex jikkalkula l-ammont tal-għotja tal-UE li tkun se tappoġġja l-vjaġġ ’l hemm u lura 11

 

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 100 u 499 KM: EUR 180 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 500 u 1999 KM: EUR 275 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 2000 u 2999 KM: EUR 360 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 3000 u 3999 KM: EUR 530 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 4000 u 7999 KM: EUR 820 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar ta' 8000 KM jew aktar: EUR 1 500 għal kull parteċipant

Appoġġ Organizzazzjonali

Spejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' mobilità fi ħdan il-proġett (inklużi l-ispejjeż għall-attivitajiet ta' preparazzjoni, l-ikel, l-akkomodazzjoni, it-trasport lokali, il-post, l-assigurazzjoni, it-tagħmir u l-materjali, l-evalwazzjoni, it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati u l-attivitajiet ta' segwitu)

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

B4.3 għal kull jum għal kull voluntier12

Abbażi tat-tul ta' żmien tas-soġġorn għal kull parteċipant (jekk ikun hemm bżonn, inklużi wkoll jum ta' vvjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta' vvjaġġar ieħor wara l-attività).

Appoġġ individwwali

"Pocket money" lill-volontiera għal spejjeż personali addizzjonali.

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Abbażi tat-tul ta' żmien tas-soġġorn għal kull parteċipant (jekk ikun hemm bżonn, inklużi wkoll jum ta' vvjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta' vvjaġġar ieħor wara l-attività).

Appoġġ għall-bżonnijiet speċjali

Spejjeż għas-sussistenza ta’ persuni li jakkompanjawhom u spejjeż relatati mal-ivvjaġġar jekk iġġustifikat u diment li l-għotja għal dawn il-parteċipanti mhijiex mitluba permezz tal-kategorija tal-baġit “ivvjaġġar”. Spejjeż addizzjonali marbutin direttament ma’ parteċipanti b’diżabilità (inklużi spejjeż relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza, jekk iġġustifikat u diment li ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit marbuta mal-“ivvjaġġar” u l-“appoġġ organizzazzjonali”).

Spejjeż reali

100% tal-ispejjeż eleġibbli

Kundizzjonali: it-talba għal appoġġ finanzjarju biex ikopri l-appoġġ għall-bżonnijiet speċjali għandha tkun motivata fil-formola tal-applikazzjoni.

Spejjeż eċċezzjonali

Spejjeż għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet, inklużi għall-preparazzjoni speċifika u mentorship imsaħħaħ (esklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-appoġġ organizzazzjonali għall-parteċipanti u l-persuni li jakkompanjaw).

Spejjeż tal-viża u marbuta mal-viża, permessi ta’ residenza, tilqim, ċertifikati mediċi.

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inkluż l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi (għad-dettalji, ara t-taqsima "x'għandek tkun taf aktar dwar din l-azzjoni").

Spejjeż reali

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar: massimu sa 80% tal-ispejjeż eleġibbli

 

Spejjeż oħrajn: 100% tal-ispejjeż eleġibbli

 

Kundizzjonali: it-talba għal appoġġ finanzjarju biex ikopri l-ispejjeż eċċezzjonali għandha tkun motivata fil-formola tal-applikazzjoni.

C. Regoli dwar il-finanzjament għall-mobilità taż-żgħażagħ imwettqa fi ħdan il-Proġett tal-Bini tal-Kapaċità (finanzjament fakultattiv)

Spejjeż eleġibbli

Mekkaniżmu ta’ finanzjament

Ammont

Regola tal-allokazzjoni

Ivvjaġġar

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inklużi t-trainers, il-faċilitaturi u l-persuni li jakkumpanjaw, mill-post ta' oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 10 u 99KM:

20 EUR għal kull parteċipant

Abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar għal kull parteċipant. Id-distanzi tal-ivvjaġġar iridu jiġu kkalkulati billi jintuża l-kalkulatur tad-distanza sostnut mill-Kummissjoni Ewropea13. L-applikant għandu jindika d-distanza ta’ vjaġġ bla ritorn biex jikkalkula l-ammont tal-għotja tal-UE li tkun se tappoġġja l-vjaġġ ’l hemm u lura 14

 

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 100 u 499 KM:

180 EUR għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 500 u 1999 KM:

275 EUR għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 2000 u 2999 KM:

360 EUR għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 3000 u 3999 KM:

530 EUR għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 4000 u 7999 KM:

820 EUR għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar ta' 8000 KM jew aktar:

1500 EUR għal kull parteċipant

Appoġġ Organizzazzjonali

Spejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobilità fi ħdan il-proġett (inklużi l-ispejjeż għall-attivitajiet ta' preparazzjoni, l-ikel, l-akkomodazzjoni, it-trasport lokali, il-post, l-assigurazzjoni, it-tagħmir u l-materjali, l-evalwazzjoni, it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati u l-attivitajiet ta’ segwitu).

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

B4.2 għal kull parteċipant15 għal kull jum ta' attività. Massimu ta' EUR 1 100 għal kull parteċipant.

Abbażi tat-tul ta' żmien tas-soġġorn għal kull parteċipant (jekk ikun hemm bżonn, inklużi wkoll jum ta' vvjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta' vvjaġġar ieħor wara l-attività).

Appoġġ għall-bżonnijiet speċjali

Spejjeż addizzjonali marbutin direttament ma’ parteċipanti b’diżabilità u ma’ persuni li jkunu qed jakkompanjawhom (inklużi spejjeż relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza, jekk iġġustifikat u diment li ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit marbuta mal-"ivvjaġġar" u l-“appoġġ organizzazzjonali”).

Spejjeż reali

100% tal-ispejjeż eleġibbli

Kundizzjonali: it-talba għal appoġġ finanzjarju biex ikopri l-appoġġ għall-bżonnijiet speċjali għandha tkun motivata fil-formola tal-applikazzjoni.

Spejjeż eċċezzjonali

Spejjeż tal-viża u marbutin mal-viża, permessi ta' residenza, tilqim, ċertifikati mediċi.

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar, inkluż l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi (għad-dettalji, ara t-taqsima "x'għandek tkun taf aktar dwar din l-azzjoni").

Spejjeż għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni ta' ħaddiema żgħażagħ b'anqas opportunitajiet b'mod ugwali bħall-oħrajn (minbarra l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-appoġġ organizzazzjonali għal parteċipanti). Dan jista' jinkludi appoġġ lingwistiku (eż. interpretu) li jippermetti ħaddiema żgħażagħ b'nuqqas ta' profiċjenza fil-lingwa tal-attività jipparteċipaw fiha.

Spejjeż reali

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar: massimu sa 80% tal-ispejjeż eleġibbli

 

Spejjeż oħrajn: 100% tal-ispejjeż eleġibbli

 

Kundizzjonali: it-talba għal appoġġ finanzjarju biex ikopri l-ispejjeż eċċezzjonali għandha tkun motivata fil-formola tal-applikazzjoni.

 

D. Appoġġ organizzazzjonali u individwali

L-ammonti jiddependu mill-pajjiż fejn issir l-attività ta' mobilità.

 

Appoġġ Organizzazzjonali

Appoġġ individwali

 

 

Skambji taż-Żgħażagħ (euro kull jum)

Mobilità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

(euro kull jum)

Attivitajiet ta' volontarjat

(euro kull jum)

 

B4.1

B4.2

B4.3

B4.4

Il-Belġju

42

65

26

4

Il-Bulgarija

32

53

17

4

Ir-Repubblika Ċeka

32

54

17

5

Id-Danimarka

45

72

26

6

Il-Ġermanja

41

58

23

5

L-Estonja

33

56

18

4

L-Irlanda

49

74

26

6

Il-Greċja

38

71

21

5

Spanja

34

61

18

5

Franza

38

66

20

6

Il-Kroazja

35

62

19

5

L-Italja

39

66

21

5

Ċipru

32

58

21

5

Il-Latvja

34

59

19

4

Il-Litwanja

34

58

18

4

Il-Lussemburgu

45

66

26

5

L-Ungerija

33

55

17

5

Malta

39

65

22

5

In-Netherlands

45

69

26

5

L-Awstrija

45

61

23

5

Il-Polonja

34

59

18

4

Il-Portugall

37

65

20

5

Ir-Rumanija

32

54

17

3

Is-Slovenja

34

60

20

4

Is-Slovakkja

35

60

19

5

Il-Finlandja

45

71

26

5

L-Iżvezja

45

70

26

5

Ir-Renju Unit

45

76

26

6

ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

28

45

15

3

L-Iżlanda

45

71

26

6

Il-Liechtenstein

45

74

24

6

In-Norveġja

50

74

26

6

It-Turkija

32

54

17

4

Is-Serbja 29 48 15 3

Pajjiż Sieħeb

29

48

15

3

  • 1. Fil-qafas ta' din l-Azzjoni, reġjun hu ddefinit bħala grupp ta' pajjiżi li jappartjenu għal ċerta żona makroġeografika.
  • 2. Iffinanzjati mill-istrumenti IPA II u ENI
  • 3. L-attivitajiet ta' mobilità implimentati b'kooperazzjoni ma' Pajjiżi Sħab Ġirien tal-pajjiżi tal-UE iżda li ġew sottomessi minn organizzazzjoni msieħba f'Pajjiż tal-Programm jistgħu jiġu appoġġjati permezz tal-Azzjoni Ewlenija 1: Proġett ta' mobilità għaż-żgħażagħ u ħaddiema żgħażagħ u taħt l-Azzjoni Ewlenija 3 proġetti ta' Djalogu taż-Żgħażagh.
  • 4. .Jekk jogħġbok qis ukoll dawn li ġejjin: 

    limiti inferjuri tal-età - il-parteċipanti jridu jkunu laħqu l-età minima fid-data tal-bidu tal-attività;

    limiti superjuri tal-età - il-parteċipanti ma jistgħux ikunu akbar mill-età massima indikata fid-data tal-għeluq tal-applikazzjoni.

  • 5. Ara n-nota hawn fuq.
  • 6. Inklużi t-trainers, il-facilitators u l-persuni li jakkumpanjaw.
  • 7. https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/distance-calculator_mt
  • 8. Pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) se tieħu sehem f’attività li se ssir f’Ruma (l-Italja), l-applikant a) se jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365,28 KM); b) se jagħżel il-faxxa applikabbli tad-distanza tal-vjaġġ (jiġifieri bejn 500 u 1999 KM) u c) jikkalkula l-għotja mill-UE li se tikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-vjaġġ tal-parteċipant minn Madrid sa Ruma u r-ritorn (EUR 275).
  • 9. Inklużi l-mexxejja tal-grupp u l-persuni li jakkompanjaw.
  • 10. https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/distance-calculator_mt
  • 11. Pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) se tieħu sehem f’attività li se ssir f’Ruma (l-Italja), l-applikant a) se jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365,28 KM); b) jagħżel il-faxxa applikabbli tad-distanza tal-vjaġġ ( jiġifieri bejn 500 u 1999 KM) u c) jikkalkula l-għotja mill-UE li se tikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-vjaġġ tal-parteċipant minn Madrid sa Ruma u r-ritorn.
  • 12. Inklużi l-persuni li jakkumpanjaw għall-voluntieri b’anqas opportunitajiet.
  • 13. https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/distance-calculator_mt
  • 14. Għal pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) se tieħu sehem f’attività li se ssir f’Ruma (l-Italja), l-applikant a) se jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365,28 KM); b) se jagħżel il-faxxa applikabbli tad-distanza tal-vjaġġ (jiġifieri bejn 500 u 1999 KM) u c) jikkalkula l-għotja mill-UE li se tikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-vjaġġ tal-parteċipant minn Madrid sa Ruma u r-ritorn (EUR 275).   
  • 15. Inklużi t-trainers, il-facilitators u l-persuni li jakkumpanjaw.